12/27/2025

FESTA TAL-FAMILJA MQADDSA TA’ ĠESÙ

Meta l-Maġi telqu, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”(Mt 2: 13-15).

F’dan l-aħħar Ħadd tas-Sena 2025, il-Knisja tistedinna nirriflettu dwar il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù biex inżommuha bħala mudell ta’ kif għandna tkun il-familja tagħna, li hi mqaddsa hi wkoll. Lili qaluli li mhux sewwa li nistennew li l-familji tagħna jkunu qaddisin bħal dik ta’ Ġesù. Qaluli, l-ulied fil-familji tagħna mhumiex xi Ġesù, il-missirijiet mhumiex xi San Ġużepp, u l-ommijiet mhumiex xi Madonni mnissla mingħajr ħtija. U mbagħad il-familja ta’ Ġesù  kellhom l-anġli li kienu jgħidulhom x’għandhom jagħmlu. Aħna ma għandniex dil-kumdità tal-anġli li jgħidulna x’għandna nagħmlu. Veru?

Jekk inwarrbu minn moħħna dawk l-affarijiet li l-artisti, poeti u kittieba oħra poġġewlna quddiemna biex ifakkruna fil-Familja ta’ Ġesù, u nimmeditaw dak li jgħidulna l-Evanġelji naraw li San Ġużepp kien il-mastrudaxxa ta’ Nażaret, bniedem ġust u ħabrieki. Kien bniedem normali. Marija kienet mart il-mastrudaxxa, mara tad-dar. Kienet trabbi lil binha, u tieħu ħsieb ta’ żewġha. Minkejja l-faqar tagħhom kienet tara li fid-dar ma jonqoshom xejn. Kienet mara normali. Kellha ħbieb, ġirien u bħal ħaddieħor hi u żewġha kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi u diffikultajiet bħalma jiffaċċjaw il-familji tagħna llum. Kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jmorru bħala rifuġjati fl-Eġittu, biex jaħarbu mir-Re Erodi li ried joqtol lil binhom.

Veru li l-Evanġelista  Mattew jgħidilna li l-anġlu tal-Mulej kien jidher lil Ġużeppi fil-ħolm u jgħidlu x’kellu jagħmel. Dejjem jgħidilna li l-anġlu kien jidhirlu fil-ħolm, biex jisħaq fuq il-fatt li ħolm mhumiex ċertezzi iżda possibilitajiet u sitwazzjonijiet li kellu jaħseb fuqhom u jiddeċiedi għall-ġid tal-familja. Żgur li kien jiddiskuti x-xewqat tiegħu ma’ Martu Marija, u martu kienet tgħinu u tgħid tagħha wkoll. Tajjeb niftakru li l-Familja ta’ Ġesù kienu jgħixu man-nies tar-raħal tagħhom, u jsegwu d-drawwiet tal-post, bil-biża’  u d-diffikultajiet, l-aħbarijiet u l-għajdut tan-nies. Kienu jippruvaw iwettqu l-ħolm u x-xewqat tagħhom u jirbħu l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Kienu nies normali bħalna, u aħna msejjħin biex ngħixu ta’ nies bħalhom. Aħna wkoll illum imsejħin biex insiru qaddisin, bħalma kienu msejjħin huma. Is-sejħa biex insiru qaddisin, ma kienetx biss għalina jew għalihom. Aħna u huma wkoll, aħna wlied tal-istess Missier li ħalaqna xbiha tiegħu u bagħatilna lil Ibnu, veru Alla, bħala bniedem ta’ veru biex jgħinna nitgħallmu u naraw kif nistgħu aħna wkoll ngħixu ta’ veru bnedmin u ta’  veri wlied Alla.

Mela jekk noqgħodu attenti aħna nistgħu ngħixu ħajja qaddisa fil-familji tagħna, u nagħmlu li l-familji tagħna jkunu familji qaddisa minkejja l-iżbalji li nagħmlu, għax ta’ bnedmin li aħna nippruvaw nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u ta’ ħaddieħor u nippruvaw nagħmlu  t-tajjeb kollu li nistgħu. Ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Ejjew nafdaw fil-Mulej Ġesù u naraw li huwa hu  li jagħmilna wlied qaddisin.

12/18/2025

IR-RABA’ ĦADD TAL-AVVENT

 

Fit-tieni u t-tielet Ħadd tal-Avvent iltqajna ma’ Ġwanni l-Battista li kellu l-missjoni li jħejji l-Poplu Magħżul biex jilqa’ l-Messija mwiegħed. Illum niltaqgħu ma’ Ġużeppi, l-għarus tax-xbejba Marija minn Nazaret, magħżul biex ikun missier adottiv tal-Messija.

Il-bnedmin ma obdewx dak li qalilhom Alla u aċċettaw il-gidba tax-xitan moħbi taħt il-forma ta’ serp. Ħasbu li jimxu għal rashom; Alla ħaseb li jsalvahom permezz ta’ bniedem. Iżda l-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu. Allura, bis-setgħa ħallieqa tiegħu, Alla iddeċieda li jibgħat lil-Ibnu stess fid-dinja magħmul bniedem, bħalna f’kollox barra l-ħażen tad-dnub. Alla talab il-kollaborazzjoni tax-Xebba minn Nazaret, jisimha Marija, li  bil-kunsens ħieles tagħha, aċċettat li ssir omm mingħajr ma titlef xbubitha.  

Billi l-Iben t’Alla kien se jidħol fl-istorja tal-bnedmin, minbarra l-omm bla tebgħa, kien hemm bżonn li jagħżel raġel ġust, biex f’kollox jieħu r-responsabbiltà ta’ missier adottiv u jrabbi flimkien  max-Xebba Omm lil Iben t’Alla magħmul bniedem. Ir-raġel magħżul kien jismu Ġużeppi, li twieled fl-inħawi ta’ Betlehem fil-Ġudea, għalkemm imbagħad għex u ħadem bħala mastrudaxxa f’Nazaret fil-Galilea.

Alla ma jimponix ir-rieda tiegħu fuq il-bnedmin iżda jfittex il-kunsens tagħhom għall-missjoni li kien se jagħtihom. Fl-evanġelju tiegħu Mattew jirrakkonta kif Alla talab il-kunsens ta’ Ġużeppi li kien raġel ġust. Dan tħawwad meta sar jaf li martu kien se jkollha tifel, bla ma marru jgħixu flimkien, u beda jaħseb kif kien se jsolvi dil-problema. Għamel il-ħsieb li jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies, għax deherlu li ma setgħax imur igħix magħha. Kien iħobbha ħafna lil Marija u ma riedx jixliha quddiem in-nies għax kieku għamel hekk in-nies kienu joqtluha żgur bħala mara adultera.

Kien għadu qed jaħsibha meta deherlu Anġlu fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.  Mattew semma l-ħolm, mhux għax Ġużeppi kien rieqed. Bħalma ġieli jiġri lilna wkoll, f’mument ta’ deċiżjoni importanti, aħna ġieli nistaqsu lilna nfusna “Imma dan veru, jew qed noħlom?”.

L-Anġlu spjega lil Ġużeppi x’kien qed jiġri fil-ġuf ta’ martu; qallu wkoll x’kien qed jitlob minnu Alla. Xtaqu li jkun  Missier adottiv fil-Familja ta’ Nazaret. Kien missier ta’ veru bir-responsabbiltà li ġġib magħha din il-missjoni. Marija stess tat xhieda ta’ dan meta binha ta’ tnax-il sena baqa’ fit-tempju bla ma qalilhom. Marija u Ġużeppi fittxewh u meta sabuh ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2, 48). Ġużeppi kien tassew missier.

L-anġlu lil Ġużeppi qallu: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti bħala missieru se ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Ma għanda ebda tweġiba mingħand Ġużeppi, iżda l-evanġelista jgħidilna li għamel kif qallu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu, jiġifieri bla kliem imma bil-fatti, aċċetta lil bin Marija bħala ibnu u lix-xebba bla mittiefsa bħala martu.

Mattew jirrakkontalna kif Ġużeppi żamm kelmtu u ħa ħsieb ta’ Marija u ta’ binha Ġesù, skont ma’ kien dmiru, speċjalment meta r-Re Erodi pprova joqtol lit-tarbija Ġesù għax ħaseb li kienet se tkun theddida għalih. Għemilu jurina mħabba vera, umiltà u responsabiltà. L-insara jemmnu li kif Ġużeppi kien missier tajjeb għall-familja ta’ Nazaret hekk ukoll hu missier tajjeb għall familja ta’ ibnu li hi l-Knisja li tqisu bħala protettur tagħha. Aħna sikwit nirrikorru għall-għajnuna tal-Familja Mqaddsa anke jekk biss intennu l-isem ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, u nitolbuhom ikunu magħna dejjem speċjalment meta noqorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjitna fuq l-art.


12/12/2025

IT-TIELET ĦADD TAL-AVVENT

Illum nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista li mhux qiegħed fid-deżert iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ ħabbar u għammied. Kien il-ħabs ikkundannat mir-Re Erodi. Id-dixxipli ta’ Ġwanni qalulu x’kien qed jagħmel Ġesù li hu kien wera bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Qalulu  li dak li Ġesù kien qed jgħallem u jagħmel ma kienx jaqbel eżatt ma’ dak li kien ħabbar Ġwanni. Dan daħħal dubju fosthom, u Ġwanni bagħat jistaqsi lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.   Bħala tweġiba Ġesù ta lid-dixxipli, messaġġiera ta’ Ġwanni, l-missjoni li jsiru ħabbara għalih. Qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.” Ġesù kien ċert li b’din it-tweġiba Ġwanni kien jagħraf li dak li kien qed jgħid u jagħmel Ġesù kien jaqbel ma’ dak li l-Profeti ħabbru dwar il-Messija li kellu jiġi fid-dinja mibgħut minn Alla. Ġesù qalilhom: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. 

Dan il-kliem ma kienx jgħodd biss għal Ġwanni u d-dixxipli tiegħu. Jgħodd għalina wkoll illum, għax faċli li nimxu wara Messija magħmul skont l-immaġinazzjoni tagħna. Nimmaġina li hu għalhekk li anke fi żmienna għadna ma rnexxilniex inwettqu r-rieda ta’ Ġesù meta qal: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed (Ġw 10, 16).

Għadha twila l-mixja favur l-għaqda fostna l-insara, iżda mixjin bil-mod. Il-Liturġija llum tfakkarna l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna. Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkupptejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:  “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!” (Iż 35,1-3).

Fis-Salm Responsorjali l-liturġija tistedinna ngħidu t-talba meħuda mill-Profeta Iżaija: “Ejja, Mulej, ħa ssalvana” (Iż 34:4). Din it-talba nagħmlu tajjeb jekk ngħiduha sikwit mhux biss bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, iżda biex nistiednu lil Ġesù ħa jiġi jgħix f’moħħna u f’qalbna tul ħajjitna kollha biex dak kollu li naħsbu, nagħmlu u ngħidu jkun jista’ jwassalna fi ħdan Ġesù meta jkun qed jasal iż-żmien li nitilqu minn din id-dinja bit-tama li niltaqgħu miegħu u jkun jista’ jilqagħna fil-glorja li diġà ħejja għal kull wieħed u waħda minna kif wiegħed lil kull min jagħżel li jkun dixxiplu tiegħu u sinċerament jgħid it-talba li għallimna hu stess meta ngħidu “ikun li trid int”. Din mhix talba ta’ skjav li obbligat jagħmel dak li jikkmandah sidu. Hi talba ta’ iben u bint li jafu li huma maħbubin u li jixtiequ u jittamaw li fi tmiem ħajjithom jiġu milqugħa b’dirgħajn u qalb miftuħa beraħ fil-glorja tal-Missier fil-ġenna. Nittamaw li jkun jista’ jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ (Mt 25,  210). Alla ta ħafna doni, talenti, kwalitajiet sbieħ lil kull wieħed u waħda minna. Hu jistenna li t-tweġiba tagħna tkun bħal dik li Marija tat lill-Anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”, jew dak li qal Ġesù innifsu: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.(Ġw 6, 38). Is-sabiħa hi li r-rieda ta’ min bagħatna fid-dinja taqbel eżattament ma dik li hi x-xewqa tagħna. Aħna nixtiequ li ngħixu ħajja b’saħħitna, bla gwerer jew mibegħda, fil-paċi, fil-ferħ, u li ma jkun jonqosna xejn. Dan hu propju dak li Alla jixtieq għal kull wieħed u waħda minna. Il-ħasra hi li aħna lil Alla ma nifhmuhx, għax jogħġbuna affarijiet oħra. Aħna wlied Adam u Eva u bħalhom nippreferu nemmnu lis-serp qarrieq. Kemm nagħmlu aħjar kieku nemmnu dak li jgħidilna Ġesù u nippruvaw inwettquh minkejja l-fatt li aħna bnedmin dgħajfa.

12/06/2025

IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT

 

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent il-liturġija tlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert. Nistaqsu: Minn kien Ġwanni?

Niltaqgħu ma’ Ġwanni qabel twelidu fit-Tħabbira tal-Anġlu lil Żakkarija li kien qed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla. Malli Żakkarija ra l-Anġlu, tħawwad u beża’, imma l-Anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax Alla semgħa t-talba tiegħek, u martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.” Din se tkun għalik ħaġa ta’ ferħ u se jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. “Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.  Hu se jreġġa’ lil ħafna  ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom. Hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex ilesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej (Luqa 1, 11-17). Il-ġirien ta’ Żakkarija u Eliżabetta bdew ixandru ma kullimkien dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ binhom kulħadd kienu jistaqsi: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”.

L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna li Ġwanni l-Battista kien raġel mibgħut minn Alla. Allura ma ġiex f’ismu, kien messaġġier b’missjoni. Meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu xi qassisin u Leviti għand Ġwanni biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” “Mela min tgħid li int?” Ġwanni wieġeb bil-kliem tal-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

X’qal Ġwanni dwar Ġesù? Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej staqsew lil Ġwanni: “Kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,  u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.” (Ġw 1,34).

X’qal Ġesù dwar Ġwanni? Darba Ġesù beda jitkellem dwar Ġwanni u staqsa: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. (Mt 11, 7-12)

Jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex ngħixu skont kif jitlobna Ġesù. Il-missjoni tagħna hi l-istess bħal dik ta’ Ġwanni. Jiġifieri, li bħala nsara nagħtu xhieda dwar Ġesù, li hu l-Iben t’Alla, li hu ħuna u s-salvatur tagħna. Niftakru dak li qalilna hu, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Għalhekk xieraq, u tajjeb għalina li minkejja l-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu li nistgħu, bla ma naqtgħu qalbna, biex ngħixu ta’ veri nsara. Aħna m’aħniex qaddisin, fis-sens li qatt ma nidinbu, imma tajjeb li nagħmlu bħall-publikan li stqarr li kien midneb u talab il-ħniena t’Alla. Niftakru dak li qalilna Ġesù, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Meta Xmun Pietru qal lil Ġesù “Warrab minni għax jiena midneb” , Ġesù qallu, “Agħmel kuraġġ, inti sajjied tal-ħut imma jiena se nagħmlek sajjied tal-bnedmin (cfr 5, 10). Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18). Niftakru li Ġesù qalilna: “Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5, 32).

 


11/29/2025

L-EWWEL ĦADD TAL-AVVENT

Illum il-Knisja tiċċelebra l-Ewwel Ħadd tal-Avvent u nibdew Sena Liturġika Ġdida. L-ewwel ħaġa  li nagħmlu hi li nibdew inħejju ruħna biex niċċelebraw lil Ġesù, veru Alla u veru bniedem, li twieled minn Marija ta’ Nazaret, xebba li saret omm u baqgħet verġni għax dak li sar permezz tagħha kien kollu ħidma tal-Ispirtu s-Santu li qabel, talab il-kunsens tagħha permess tat-tħabbira tal-anġlu Gabriel. Dan ma qalilhiex biss x’kien il-pjan ta’ Alla għaliha, iżda qagħad jistenna t-tweġiba tagħha. It-tfajla qagħdet taħseb fuq dak li qalilha l-anġlu u staqsietu: “Kif nista’ nsir omm la darba ma kellix x’naqsam ma raġel?”. L-anġlu qalilha li dan kien se jsir bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Alla l-Għoli kien se jixħet il-qawwa tad-dell tiegħu fuqha u dak li kien se jitwieled minnha kien se jkun qaddis u jissejjaħ Bin Alla. Wara din l-ispjega Marija, xebba għaqlija, wieġbet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” u l-Anġlu telaq minn quddiemha.

Din kienet l-ewwel stennija tat-twelid tal-Iben t’Alla magħmul bniedem bla ma tilef in-natura divina tiegħu.  Kif għaddietu dan iż-żmien tat-tqala tagħha, Marija? Ma naħsibx li x-xbejba ta’ Nazaret fehmet kulma qalilha l-Anġlu, iżda fejn ma fehmitx, staqsietu, u nimmaġina li għaddiet żmien fit-talb, forsi wkoll titkellem mal-iben li kien qed jikber fil-ġuf tagħha.  Kellha l-faċendi tad-dar x’tagħmel u ma ħlietx żmien fil-vojt. Anzi, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li tmur għand il-qariba tagħha Eliżabetta biex tgħinha għax din, fi xjuħitha kienet se twelled iben u dak kien diġà s-sitt xahar tat-tqala tagħha.

Din l-istennija għat-twelid tal-Iben t’Alla tista’ tgħinna nirriflettu dwar kif għandna niċċelebraw l-Avvent li qed nibdew illum. Tajjeb li noqgħodu nimmeditaw u nimmaġinaw x’għamlet ix-xbejba ta’ Nazaret u nippruvaw nimitawha kif nistgħu u kemm nistgħu biex ma naħlux wisq ħin u enerġija fit-tħejjija għall-festi, għar-rigali u affarijiet oħra li issa saru drawwiet ta’ preparazzjoni għall-festa tal-Milied. Tajjeb li bħal Marija lkoll inħejju lilna nfusna biex nilqgħu fi ħdanna  lil-Ġesù li qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Nistgħu nfittxu li nirċevuh fl-Ewkaristija, biex Ġesù jiġi jgħammar ġewwa fina, u nitkellmu miegħu bħalma nitkellmu man-nies li nħobbu, ħalli nsiru ħbieb tiegħu ta’ veru.

Aħna rridu niftakru li l-Knisja tistedinna niċċelebraw tliet żminijiet tal-Avvent. L-ewwel wieħed hu dak li jfakkarna fl-imgħoddi, li l-Milied  seħħ tassew u Alla wettaq il-wegħda tiegħu u niċċelebraw il-miġja tal-Messija. It-tieni hu dak li jrid iħejjina għall-ġejjieni meta Alla jwettaq il-wegħda tat-tieni miġja ta’ Ġesù bħala mħallef biex  iħabbar is-sentenza tal-ġudizzju skont kemm aħna nkunu tajna widen għal dak li qalilna hu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hemm l-Avvent li l-Knisja u aħna nixtiequ li jseħħ fina fil-preżent, tul ħajjitna, għaliex hu f’dan il-mument ta’ issa, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biss nistgħu nistiednu u nilqgħu lil Ġesù ġo qalbna u f’ħajjitna. Fil-Ktieb tal-Apokalissi Alla jgħidilna: “Lil dawk li nħobb, jiena nwiddibhom u rrażżanhom. Mela tħeġġeġ u indem. Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu” (Ap 3, 19-21).

Mela, l-Avvent irid ifakkarna fi tliet affarijiet: Kristu ġie, Kristu jerġa’ jiġi, Kristu qiegħed fostna jistedinna nsiru ħbieb tiegħu u nħalluh jgħix ġo fina. San Pawl iħeġġiġna: “Ħuti, waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu... Ejjew ngħixu kif jixraq” (Rm 13, 11.13). Kunu mħejjija għat-tieni miġja tiegħu għax “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn meta se jaslu ħlief il-Missier waħdu ... Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.(Mt 24, 36.42)

 

 

 


11/21/2025

DAN BNIEDEM ĠUST

Wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. (Lq 23:35-43)

 Illum il-Knisja tiċċelebra il-festa ta’ Kristu Re u nibdew l-aħħar ġimgħa tas-Sena Liturġika. Nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent tas-Sena A  u nibdew sena liturġika ġdida.

F’din il-festa nistgħu nħarsu lejn Ġesù u nimmaġinawh liebes ilbies regali b’kuruna tad-deheb fuq rasu u b’xettru tad-deheb f’idu ġħax il-messaġġ hu li Kristu hu tassew Sultan. Tajjeb li nisħqu fuq dan il-fatt. Iżda l-liturġija llum tippreferi tiċċelebrah fil-mument l-aktar diffiċli ta’ ħajtu meta ħassu abbandunat minn kulħadd anke minn Missieru. L-erbgħa Evanġelisti, jirrakkontaw li fost kliem maħsub biex joffendi u jwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, il-Qassisin il-Kbar, is-suldati u oħrajn użaw kliem li bla ma riedu jagħti xhieda li Ġesù hu tassew Sultan. Ejja naraw xi whud minnhom.

Pilatu stqarr li Ġesù kien innoċenti iżda xorta waħda kkundannah għall-mewt u fuq is-salib kiteb ir-raġuni li għaliha ġie kkundannat: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. San Ġwann jgħidilna li din il-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg, u li ħafna nies qrawha. Il-Qassisin il-kbar marru jilmentaw ma’ Pilatu għax qalulu li Ġesù ma kienx veru sultan tagħhom iżda li ppoża ta’ sultan. Pilatu wieġeb bir-rabja: “Issa li ktibt ktibt”. Hekk il-kitba ta’ Pilatu xandret mal-Lhud u mal-pagani li Ġesù kien Sultan.

Fost l-insulti u l-għajjat kontra Ġesù kien hemm dik tal-kapijiet li bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Kienu żbaljati għal kollox għax fil-Bibbja nsibu li l-Messija maħtur minn Alla ġie mwiegħed mhux biex isalva lilu nnifsu iżda biex isalva lill-Poplu Lhudi magħzul apposta minn Alla bħala l-Poplu tiegħu. Imkien ma nsibu li l-Messija kellu jsalva lilu nnifsu. Sortunatament din hi l-mentalità ta’ ħafna mill-awtoritajiet tad-dinja anke llum, li l-ewwel li jaħsbu hu li jistagħnew huma u jsalvaw ġildhom  u dik ta’ sħabhom.

Lid-dixxipli tiegħu Ġesù  qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mt 20, 25-28). Il-formazzjoni li l-Imgħallem kien qed jagħti lid-dixxipli ma kellha xejn x’taqsam mal-mod kif kienu jaħsbuha l-awtoritajiet ta’ żmienhom. Kien għalhekk li anqas biss għaddiet minn rasu li jsalva lilu nnifsu; mhux dak kien xogħolu. Jekk Ġesù ma kienx qed jaħsibha bħall-gvernijiet ta’ dak iż-żmien u ta’ żmienna kien sinjal li hu kien Sultan ta’ veru. Ġesù  qal ukoll: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” ( Ġw 10, 11). L-imgħallem ma setax imur kontra t-taglim tiegħu stress.

Fl-aħħarnett, hemm ix-xhieda tal-ħalliel it-tajjeb li ddefenda lil Ġesù u ċanfar lil-ħalliel l-ieħor li kien mislub bħalu u qallu: “Imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal  lil Ġesù, “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23, 43). Din hi kelma ta’ min hu tassew Sultan li jagħraf lil min jikkonverti, jaħfirlu, jaċċettah u jtih il-premju.

Meta Ġesù miet kien proprju ċenturjun Ruman li, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” (Lq 23, 47).  Xieraq li nirriflettu sewwa fuq is-silta mill- Evanġelju li toffrilna l-liturġija llum.

 


11/13/2025

PERSEKUZZJONI U XHIEDA

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom... Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21:5-19).

Mnejn kien qiegħed, Ġesù seta’ jara l-moviment li kien hemm fit-tempju w madwaru. Kien hemm min kien qed jammira s-sbuħija tat-tempju u min kien qed jagħti kas tal-offerti li n-nies kienu qed jagħtu għat-teżor tat-tempju.

Ġesù  ma kienx qed iħares biss, kien qed jara.  Ra li l-offerti li s-sinjuri kienu qed jagħtu kienu miż-żejjed li kellhom. Ra li armla fqira offriet biċċtejn żgħar tal-flus, u li dawn kienu kulma kellha biex tgħix. Tat kollox!

Ġesù jara, jifhem u japprezza dak li jkun qed jiġri madwaru. Kien qed jara l-ġejjieni. Kien qed jara li mhux biss it-tempju kellu jinqered, iżda wkoll is-sbuħija tal-verità u tal-paċi. Qalilhom li kienu se jiġu ħafna f’ismu u jgħidu “iż-żmien wasal”, u jbassru il-miġja tal-aħħar tad-dinja. Qalilhom: “Tinħasdux, tmorrux warajhom”. Qabel dan, il-mexxejja tas-sinagoga kellhom iduru kontrihom, jakkużawhom u jitfugħom il-ħabs minħabba f’ismu. Qalilhom dan mhux biex ibeżżagħhom, iżda biex jgħallimhom u  jħejjihom għax-xhieda li kellhom jagħtu dwaru u dwar it-tagħlim tiegħu.

Minħabba l-persekuzzjonijiet dawk li kienu ta’ Kristu, ġew imferrxa mad-dinja kollha. Dawn, kull fejn waslu waqqfu komunitajiet ta’ nsara, għall-ewwel żgħar iżda li kibru u taw il-frott. Kif qal Tertuljanu xi żewġ sekli wara Kristu: “Id-demm tal-martri huwa ż-żerriegħa tal-Insara, ż-żerriegħa tal-Knisja ta’ Kristu”. Għamlilhom il-kuraġġ għax qalilhom li ma kienx hemm għalfejn jinkwetaw dwar kif kellhom jiddefendu ruħhom għax hu kien se jkun magħhom u jagħtihom kliem u għerf li ħadd ma jkun jista’ jmerih.  U li min jibqa’ fidil lejn Kristu żgur li jkollu l-ħajja ta’ dejjem, għaliex Ġesù hu t-triq il-verità u l-ħajja, ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu. ( Ġw 14, 6).