12/12/2025

IT-TIELET ĦADD TAL-AVVENT

Illum nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista li mhux qiegħed fid-deżert iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ ħabbar u għammied. Kien il-ħabs ikkundannat mir-Re Erodi. Id-dixxipli ta’ Ġwanni qalulu x’kien qed jagħmel Ġesù li hu kien wera bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Qalulu  li dak li Ġesù kien qed jgħallem u jagħmel ma kienx jaqbel eżatt ma’ dak li kien ħabbar Ġwanni. Dan daħħal dubju fosthom, u Ġwanni bagħat jistaqsi lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.   Bħala tweġiba Ġesù ta lid-dixxipli, messaġġiera ta’ Ġwanni, l-missjoni li jsiru ħabbara għalih. Qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.” Ġesù kien ċert li b’din it-tweġiba Ġwanni kien jagħraf li dak li kien qed jgħid u jagħmel Ġesù kien jaqbel ma’ dak li l-Profeti ħabbru dwar il-Messija li kellu jiġi fid-dinja mibgħut minn Alla. Ġesù qalilhom: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. 

Dan il-kliem ma kienx jgħodd biss għal Ġwanni u d-dixxipli tiegħu. Jgħodd għalina wkoll illum, għax faċli li nimxu wara Messija magħmul skont l-immaġinazzjoni tagħna. Nimmaġina li hu għalhekk li anke fi żmienna għadna ma rnexxilniex inwettqu r-rieda ta’ Ġesù meta qal: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed (Ġw 10, 16).

Għadha twila l-mixja favur l-għaqda fostna l-insara, iżda mixjin bil-mod. Il-Liturġija llum tfakkarna l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna. Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkupptejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:  “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!” (Iż 35,1-3).

Fis-Salm Responsorjali l-liturġija tistedinna ngħidu t-talba meħuda mill-Profeta Iżaija: “Ejja, Mulej, ħa ssalvana” (Iż 34:4). Din it-talba nagħmlu tajjeb jekk ngħiduha sikwit mhux biss bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, iżda biex nistiednu lil Ġesù ħa jiġi jgħix f’moħħna u f’qalbna tul ħajjitna kollha biex dak kollu li naħsbu, nagħmlu u ngħidu jkun jista’ jwassalna fi ħdan Ġesù meta jkun qed jasal iż-żmien li nitilqu minn din id-dinja bit-tama li niltaqgħu miegħu u jkun jista’ jilqagħna fil-glorja li diġà ħejja għal kull wieħed u waħda minna kif wiegħed lil kull min jagħżel li jkun dixxiplu tiegħu u sinċerament jgħid it-talba li għallimna hu stess meta ngħidu “ikun li trid int”. Din mhix talba ta’ skjav li obbligat jagħmel dak li jikkmandah sidu. Hi talba ta’ iben u bint li jafu li huma maħbubin u li jixtiequ u jittamaw li fi tmiem ħajjithom jiġu milqugħa b’dirgħajn u qalb miftuħa beraħ fil-glorja tal-Missier fil-ġenna. Nittamaw li jkun jista’ jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ (Mt 25,  210). Alla ta ħafna doni, talenti, kwalitajiet sbieħ lil kull wieħed u waħda minna. Hu jistenna li t-tweġiba tagħna tkun bħal dik li Marija tat lill-Anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”, jew dak li qal Ġesù innifsu: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.(Ġw 6, 38). Is-sabiħa hi li r-rieda ta’ min bagħatna fid-dinja taqbel eżattament ma dik li hi x-xewqa tagħna. Aħna nixtiequ li ngħixu ħajja b’saħħitna, bla gwerer jew mibegħda, fil-paċi, fil-ferħ, u li ma jkun jonqosna xejn. Dan hu propju dak li Alla jixtieq għal kull wieħed u waħda minna. Il-ħasra hi li aħna lil Alla ma nifhmuhx, għax jogħġbuna affarijiet oħra. Aħna wlied Adam u Eva u bħalhom nippreferu nemmnu lis-serp qarrieq. Kemm nagħmlu aħjar kieku nemmnu dak li jgħidilna Ġesù u nippruvaw inwettquh minkejja l-fatt li aħna bnedmin dgħajfa.

No comments:

Post a Comment