F’dan l-aħħar Ħadd tas-Sena 2025, il-Knisja tistedinna nirriflettu dwar il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù biex inżommuha bħala mudell ta’ kif għandna tkun il-familja tagħna, li hi mqaddsa hi wkoll. Lili qaluli li mhux sewwa li nistennew li l-familji tagħna jkunu qaddisin bħal dik ta’ Ġesù. Qaluli, l-ulied fil-familji tagħna mhumiex xi Ġesù, il-missirijiet mhumiex xi San Ġużepp, u l-ommijiet mhumiex xi Madonni mnissla mingħajr ħtija. U mbagħad il-familja ta’ Ġesù kellhom l-anġli li kienu jgħidulhom x’għandhom jagħmlu. Aħna ma għandniex dil-kumdità tal-anġli li jgħidulna x’għandna nagħmlu. Veru?
Jekk inwarrbu minn moħħna dawk l-affarijiet li l-artisti, poeti u kittieba oħra poġġewlna quddiemna biex ifakkruna fil-Familja ta’ Ġesù, u nimmeditaw dak li jgħidulna l-Evanġelji naraw li San Ġużepp kien il-mastrudaxxa ta’ Nażaret, bniedem ġust u ħabrieki. Kien bniedem normali. Marija kienet mart il-mastrudaxxa, mara tad-dar. Kienet trabbi lil binha, u tieħu ħsieb ta’ żewġha. Minkejja l-faqar tagħhom kienet tara li fid-dar ma jonqoshom xejn. Kienet mara normali. Kellha ħbieb, ġirien u bħal ħaddieħor hi u żewġha kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi u diffikultajiet bħalma jiffaċċjaw il-familji tagħna llum. Kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jmorru bħala rifuġjati fl-Eġittu, biex jaħarbu mir-Re Erodi li ried joqtol lil binhom.
Veru li l-Evanġelista Mattew jgħidilna li l-anġlu tal-Mulej kien jidher lil Ġużeppi fil-ħolm u jgħidlu x’kellu jagħmel. Dejjem jgħidilna li l-anġlu kien jidhirlu fil-ħolm, biex jisħaq fuq il-fatt li ħolm mhumiex ċertezzi iżda possibilitajiet u sitwazzjonijiet li kellu jaħseb fuqhom u jiddeċiedi għall-ġid tal-familja. Żgur li kien jiddiskuti x-xewqat tiegħu ma’ Martu Marija, u martu kienet tgħinu u tgħid tagħha wkoll. Tajjeb niftakru li l-Familja ta’ Ġesù kienu jgħixu man-nies tar-raħal tagħhom, u jsegwu d-drawwiet tal-post, bil-biża’ u d-diffikultajiet, l-aħbarijiet u l-għajdut tan-nies. Kienu jippruvaw iwettqu l-ħolm u x-xewqat tagħhom u jirbħu l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Kienu nies normali bħalna, u aħna msejjħin biex ngħixu ta’ nies bħalhom. Aħna wkoll illum imsejħin biex insiru qaddisin, bħalma kienu msejjħin huma. Is-sejħa biex insiru qaddisin, ma kienetx biss għalina jew għalihom. Aħna u huma wkoll, aħna wlied tal-istess Missier li ħalaqna xbiha tiegħu u bagħatilna lil Ibnu, veru Alla, bħala bniedem ta’ veru biex jgħinna nitgħallmu u naraw kif nistgħu aħna wkoll ngħixu ta’ veru bnedmin u ta’ veri wlied Alla.
Mela jekk noqgħodu attenti aħna nistgħu ngħixu ħajja qaddisa fil-familji tagħna, u nagħmlu li l-familji tagħna jkunu familji qaddisa minkejja l-iżbalji li nagħmlu, għax ta’ bnedmin li aħna nippruvaw nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u ta’ ħaddieħor u nippruvaw nagħmlu t-tajjeb kollu li nistgħu. Ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Ejjew nafdaw fil-Mulej Ġesù u naraw li huwa hu li jagħmilna wlied qaddisin.

No comments:
Post a Comment