11/21/2025

DAN BNIEDEM ĠUST

Wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. (Lq 23:35-43)

 Illum il-Knisja tiċċelebra il-festa ta’ Kristu Re u nibdew l-aħħar ġimgħa tas-Sena Liturġika. Nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent tas-Sena A  u nibdew sena liturġika ġdida.

F’din il-festa nistgħu nħarsu lejn Ġesù u nimmaġinawh liebes ilbies regali b’kuruna tad-deheb fuq rasu u b’xettru tad-deheb f’idu ġħax il-messaġġ hu li Kristu hu tassew Sultan. Tajjeb li nisħqu fuq dan il-fatt. Iżda l-liturġija llum tippreferi tiċċelebrah fil-mument l-aktar diffiċli ta’ ħajtu meta ħassu abbandunat minn kulħadd anke minn Missieru. L-erbgħa Evanġelisti, jirrakkontaw li fost kliem maħsub biex joffendi u jwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, il-Qassisin il-Kbar, is-suldati u oħrajn użaw kliem li bla ma riedu jagħti xhieda li Ġesù hu tassew Sultan. Ejja naraw xi whud minnhom.

Pilatu stqarr li Ġesù kien innoċenti iżda xorta waħda kkundannah għall-mewt u fuq is-salib kiteb ir-raġuni li għaliha ġie kkundannat: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. San Ġwann jgħidilna li din il-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg, u li ħafna nies qrawha. Il-Qassisin il-kbar marru jilmentaw ma’ Pilatu għax qalulu li Ġesù ma kienx veru sultan tagħhom iżda li ppoża ta’ sultan. Pilatu wieġeb bir-rabja: “Issa li ktibt ktibt”. Hekk il-kitba ta’ Pilatu xandret mal-Lhud u mal-pagani li Ġesù kien Sultan.

Fost l-insulti u l-għajjat kontra Ġesù kien hemm dik tal-kapijiet li bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Kienu żbaljati għal kollox għax fil-Bibbja nsibu li l-Messija maħtur minn Alla ġie mwiegħed mhux biex isalva lilu nnifsu iżda biex isalva lill-Poplu Lhudi magħzul apposta minn Alla bħala l-Poplu tiegħu. Imkien ma nsibu li l-Messija kellu jsalva lilu nnifsu. Sortunatament din hi l-mentalità ta’ ħafna mill-awtoritajiet tad-dinja anke llum, li l-ewwel li jaħsbu hu li jistagħnew huma u jsalvaw ġildhom  u dik ta’ sħabhom.

Lid-dixxipli tiegħu Ġesù  qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mt 20, 25-28). Il-formazzjoni li l-Imgħallem kien qed jagħti lid-dixxipli ma kellha xejn x’taqsam mal-mod kif kienu jaħsbuha l-awtoritajiet ta’ żmienhom. Kien għalhekk li anqas biss għaddiet minn rasu li jsalva lilu nnifsu; mhux dak kien xogħolu. Jekk Ġesù ma kienx qed jaħsibha bħall-gvernijiet ta’ dak iż-żmien u ta’ żmienna kien sinjal li hu kien Sultan ta’ veru. Ġesù  qal ukoll: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” ( Ġw 10, 11). L-imgħallem ma setax imur kontra t-taglim tiegħu stress.

Fl-aħħarnett, hemm ix-xhieda tal-ħalliel it-tajjeb li ddefenda lil Ġesù u ċanfar lil-ħalliel l-ieħor li kien mislub bħalu u qallu: “Imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal  lil Ġesù, “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23, 43). Din hi kelma ta’ min hu tassew Sultan li jagħraf lil min jikkonverti, jaħfirlu, jaċċettah u jtih il-premju.

Meta Ġesù miet kien proprju ċenturjun Ruman li, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” (Lq 23, 47).  Xieraq li nirriflettu sewwa fuq is-silta mill- Evanġelju li toffrilna l-liturġija llum.

 


No comments:

Post a Comment