Fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu Ġesù sejjaħ nies li setgħu jgħinuh. Kienu nies sempliċi, sajjieda. Kien iżommhom qribu biex isiru midħla tiegħu, iħarriġhom u jagħmilhom veri dixxipli. Darba, wara li għadda lejl fit-talb lil Alla Missieru sejjaħ lid-dixxipli u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli (Lq 6, 12-13), biex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw. Meta Ġesù sejħilhom l-ewwel darba qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4, 19).
Ġesù mbagħad għażel 72 dixxiplu ieħor u bagħathom tnejn tnejn qablu kull fejn kien se jmur hu. Qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup”.
X’differenza hemm bejn dawn iż-żewġ sejħat?
It-tnax l-appostlu jirrappreżentaw lit-tnax-il tribù ta’ Iżrael, poplu magħżul minn Alla, biex minnu kellu jitwieled il-Messija. Ġesù ried li fuq dawn it-tnax jibni l-Knisja tiegħu. Qabel ma telgħa s-Sema Ġesù qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, għammduhom u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28, 19-20).
It-tnejn u sebgħin dixxipli li jsemmihom biss Luqa, jirrappreżentaw il-ġnus kollha li fosthom Ġesù bagħat lill-appostli biex fihom jiżirgħu il-Kelma ta’ Alla, li hi Ġesù nnifsu. Luqa ma jgħidilniex li Ġesù tahom xi setgħa speċjali. Qalilhom biss li l-ħsad hu kbir, li l-ħaddiema huma ftit, li għandhom jitolbu lil sid il-ħsad jibgħat aktar ħaddiema u li kien qiegħed jibgħathom bħal ħrief qalb l-ilpup. Lil dawn ukoll qalilhom kif għandhom iġibu ruhom waqt li jwettqu l-missjoni tagħom.
Din is-sejħa għalhekk tinvolvi lilna, l-insara tallum. Ma qalilniex biex niżirgħu, qalilna biex nieħdu ħsieb il-ħsad. Bidwi waħdu kapaċi jiżra’ ħafna għelieqi imma fi żmien il-ħsad hemm bżonn l-għajnuna ta’ ħafna nies ta’ rieda tajba, speċjalment il-membri tal-familja Nisranija. Trid inqas nies biex tizra’, trid aktar nies biex jiġbru l-prodott li wasal ghall-ħsad, qabel ma jitħassar jew jinsteraq. Ejjew niftakru l-parabbola tas-Sikrana (Mt 13, 24-30). Il-bidwi żera’ żerrigħa tajba. L-għadu żera’ s-sikrana. Il-Knisja titlobna nkunu żerriegħa tajba kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu, Saċerdoti, Reliġjużi, Missirijiet, Ommijiet u Lajċi, Miżżewġin jew le.
Illum l-evanġelju jistedinna nitolbu l-sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu, għax l-għadu tagħna l-ħin kollu, u bil-mezzi kollha dejjem qed jiżra’ s-sikrana fid-dinja tagħna. Nafu li jekk ma nagħtux sehemna lkoll flimkien fid-dinja jsir dak li qed naraw issa stess kullimkien madwarna: ġlied, ġwerer, eġoiżmu, korruzzjoni u tant affarijiet koroh oħra li naraw u naqraw dwarhom fil-mezzi tal-komunikazzjoni kull jum. Ġesù qiegħed jibgħatna bħal ħrief qalb l-ilpup, mhux biex insiru lpup bħalhom, iżda biex nieħdu ħsieb il-ħsad, il-ħrief.