Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej marru jistaqsu lil Ġwanni li kien
jgħammed fix-xmara Ġordan jekk kienx hu l-Messija. Wieġeb li ma kienx hu. Komplew
jistaqsuh ir-raġuni li għaliha kien jgħammed la ma kienx il-Messija, la Elija u
anqas il-Profeta. Weġibhom: “Jiena ngħammed bl-ilma imma f’nofskom hemm wieħed
li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla
tal-qorq tiegħu” (Ġw 1,26-27). Lil dawk mibgħuta mill-Fariżej Ġwanni ried
jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom sewwa biex taraw, għax dak li għandu jiġi diġà qiegħed f’nofskom u ma
ndunajtux bih. Ried jgħidilhom biex iħarsu sewwa lejn il-wegħdiet tal-Kotba
Mqaddsa u mhux l-interpretazzjoni li kienu jagħtuhom huma. Aħna wkoll illum
jista’ jiġrilna li niġru wara Ġesù skont kif infassluh aħna. Aħna nitolbu
għall-għaqda fost l-insara iżda ħawn tant firda bejn dawk li jixtiequ jimxu
wara Kristu, s-Salvatur tagħna. Ġesù qiegħed fostna, għandna bżonn naraw u
nippruvaw nimxu wara l-veru Ħaruf t’Alla u mhux il-ħolm tagħna, dak li jaqbel
lilna.
Meta Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li
jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li
hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Jien
ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael. Dak li bagħatni
ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak
hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt,
‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.”(Ġw 1, 29-34).
Din hi x-xhieda li ta Ġwanni: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla,... Dan hu l-Iben
ta’ Alla”.
Darba Ġwanni kien ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li
kien għaddej minn hemm, u qalilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Meta ż-żewġ
dixxipli semgħu lil Ġwanni jgħid dan, marru wara Ġesù li dar u meta ra li kienu mixjin warajh, qalilhom: “Xi
tridu?” Huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?”. Il-mod kif dawn iż-żewġ dixxipli
semgħu il-kelma ta’ Ġwann kien differenti minn dak tan-nies li semgħu l-ewwel
stedina “Araw”. Ġesù weġibhom: “Ejjew u
taraw”. Marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Wieħed
miż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni li marru wara Ġesù kien Indrì,
ħu Xmun Pietru. L-ewwel ħaġa li għamel Indrì kienet li mar isib lil ħuh Xmun, u
qallu: “Sibna l-Messija” u ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti
Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” - jew Pietru. (Ġw 1, 40-42).
Ġesù iddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija, sab lil Filippu u qallu:
“Ejja warajja.” Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indrì u Pietru. Filippu
sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u
l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi.” Qallu Natanjel:
“Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” “Ejja u ara,” wieġbu Filippu. Interessanti
li l-istedina ta’ Ġwanni ”Araw il-Ħaruf t’Alla” ġiet ripetuta minn dawk li semgħuha
u mhux biss emmnuha iżda wkoll xandruha b’mod li taw xhieda li Ġesù kien
il-veru Ħaruf ta’ Alla.

No comments:
Post a Comment