Fit-tieni u t-tielet Ħadd tal-Avvent iltqajna ma’ Ġwanni l-Battista li
kellu l-missjoni li jħejji l-Poplu Magħżul biex jilqa’ l-Messija mwiegħed.
Illum niltaqgħu ma’ Ġużeppi, l-għarus tax-xbejba Marija minn Nazaret, magħżul biex
ikun missier adottiv tal-Messija.
Il-bnedmin ma obdewx dak li qalilhom Alla u aċċettaw il-gidba tax-xitan
moħbi taħt il-forma ta’ serp. Ħasbu li jimxu għal rashom; Alla ħaseb li jsalvahom
permezz ta’ bniedem. Iżda l-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu. Allura,
bis-setgħa ħallieqa tiegħu, Alla iddeċieda li jibgħat lil-Ibnu stess fid-dinja
magħmul bniedem, bħalna f’kollox barra l-ħażen tad-dnub. Alla talab il-kollaborazzjoni
tax-Xebba minn Nazaret, jisimha Marija, li bil-kunsens ħieles tagħha, aċċettat li ssir
omm mingħajr ma titlef xbubitha.
Billi l-Iben t’Alla kien se jidħol fl-istorja tal-bnedmin, minbarra
l-omm bla tebgħa, kien hemm bżonn li jagħżel raġel ġust, biex f’kollox jieħu
r-responsabbiltà ta’ missier adottiv u jrabbi flimkien max-Xebba Omm lil Iben t’Alla magħmul bniedem.
Ir-raġel magħżul kien jismu Ġużeppi, li twieled fl-inħawi ta’ Betlehem
fil-Ġudea, għalkemm imbagħad għex u ħadem bħala mastrudaxxa f’Nazaret
fil-Galilea.
Alla ma jimponix ir-rieda tiegħu fuq il-bnedmin iżda jfittex il-kunsens
tagħhom għall-missjoni li kien se jagħtihom. Fl-evanġelju tiegħu Mattew
jirrakkonta kif Alla talab il-kunsens ta’ Ġużeppi li kien raġel ġust. Dan tħawwad
meta sar jaf li martu kien se jkollha tifel, bla ma marru jgħixu flimkien, u beda
jaħseb kif kien se jsolvi dil-problema. Għamel il-ħsieb li jibgħat lil Marija
bil-moħbi tan-nies, għax deherlu li ma setgħax imur igħix magħha. Kien iħobbha
ħafna lil Marija u ma riedx jixliha quddiem in-nies
għax kieku għamel hekk in-nies kienu joqtluha żgur bħala mara adultera.
Kien għadu qed jaħsibha meta deherlu Anġlu fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi,
bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel
fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu
jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Mattew semma l-ħolm, mhux għax Ġużeppi kien rieqed. Bħalma ġieli jiġri
lilna wkoll, f’mument ta’ deċiżjoni importanti, aħna ġieli nistaqsu lilna
nfusna “Imma dan veru, jew qed noħlom?”.
L-Anġlu spjega lil Ġużeppi x’kien qed jiġri fil-ġuf ta’ martu; qallu
wkoll x’kien qed jitlob minnu Alla. Xtaqu li jkun Missier adottiv fil-Familja ta’ Nazaret. Kien missier
ta’ veru bir-responsabbiltà li ġġib magħha din il-missjoni. Marija stess tat
xhieda ta’ dan meta binha ta’ tnax-il sena baqa’ fit-tempju bla ma qalilhom. Marija
u Ġużeppi fittxewh u meta sabuh ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna
hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2, 48).
Ġużeppi kien tassew missier.
L-anġlu lil Ġużeppi qallu: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu
għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi
se jkollha iben, u inti bħala missieru se ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu
tiegħu minn dnubiethom”. Ma għanda ebda tweġiba mingħand Ġużeppi, iżda
l-evanġelista jgħidilna li għamel kif qallu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu
għandu, jiġifieri bla kliem imma bil-fatti, aċċetta lil bin Marija bħala ibnu u
lix-xebba bla mittiefsa bħala martu.
Mattew jirrakkontalna kif Ġużeppi żamm kelmtu u ħa ħsieb ta’ Marija u
ta’ binha Ġesù, skont ma’ kien dmiru, speċjalment meta r-Re Erodi pprova joqtol
lit-tarbija Ġesù għax ħaseb li kienet se tkun theddida għalih. Għemilu jurina mħabba
vera, umiltà u responsabiltà. L-insara jemmnu li kif Ġużeppi kien missier
tajjeb għall-familja ta’ Nazaret hekk ukoll hu missier tajjeb għall familja ta’
ibnu li hi l-Knisja li tqisu bħala protettur tagħha. Aħna sikwit nirrikorru
għall-għajnuna tal-Familja Mqaddsa anke jekk biss intennu l-isem ta’ Ġesù,
Marija u Ġużeppi, u nitolbuhom ikunu magħna dejjem speċjalment meta noqorbu lejn
it-tmiem ta’ ħajjitna fuq l-art.

No comments:
Post a Comment