1/24/2026

EJJEW WARAJJA

Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni telaq minn Nażaret u mar joqgħod Kafarnahum fir-reġjun imsejjaħ Galilija tal-ġnus jew tal-pagani. Il-popolazzjoni fil-Galilija kienet imħallta magħmula min-nies ta’ razez differenti, Griegi, Sirjani, Rumani, Lhud u oħrajn, u lkoll kienu influwenzati mil-kultura Griega. Kienu meqjusa bħala poplu li kien qed igħix fid-dlam. Kien propju f’dan l-ambjent ta’ ġnus imħalltin li Ġesù beda l-missjoni tiegħu, u beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet”. Hawn Ġesù beda jsejjaħ nies sempliċi biex jingħaqdu miegħu bħala dixxipli biex jitgħallmu, biex jgħinuh, biex jibgħathom qablu fejn ikun sejjer ħa jwasslu d-dawl tiegħu.

Kienu sajjieda. Kien issejħilhom u jgħidilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Dawk li aċċettaw li jmorru warajħ telqu x-xbiek,  telqu d-dgħajsa, telqu lil missierhom u marru warajh. Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard fost il-poplu. Dan hu d-dawl ta’ Ġesù.

Il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista kienet maħsuba biex turi min kien il-Ħaruf t’Alla”, l-imwiegħed. “Araw” kien jgħid, mhux “ħarsu” biss. Il-predikazzjoni ta’ Ġesù kienet  stedina biex min irid ikun jista’ jingħaqad miegħu f’Saltna li ġejja mis-Smewwiet. Din is-Saltna kienet imħabbra f’jum it-twelid ta’ Ġesù meta l-anġli ħabbru lir-rgħajja l-glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet u l-paċi fl-art fost il-bnedmin ta’ rieda tajba, maħbubin minn Alla. Bl-Inkarnazzjoni tal-Iben t’Alla, din is-saltna diġà waslet u tinsab fostna.  Ġesù jixtieq li din l-aħbar tajba tixxandar  dejjem u ma’ kullimkien bil-kelma u bl-eżempju. Ejjew niftakru dak li qal Ġesù, “Jiena ma ġejtx biex nagħmel ir-rieda tiegħi imma dik ta’ Missieri li bagħatni”. Ġesù jixtieq li ningħaqdu miegħu għax ir-rieda t’Alla hi li ngħixu fi ħbiberija miegħu u mal-ħolqien kollu ta’ madwarna. Din hija wkoll ix-xewqa profonda ta’ qalbna.

Kif nistgħu nidħlu u nieħdu sehem f’din is-saltna? Ġesù jgħidilna: “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi (Ġ14, 6). Għalhekk hu kien jippriedka u jħeġġeġ in-nies għall-indiema.

X’inhi l-indiema? Nistgħu ngħidu li l-indiema hi d-dispjaċir li wieħed iħoss meta jinduna u jammetti li għamel xi ħaġa li ma hix tajba. Però mhix biss dispjaċir bħal dak li forsi aħna mdorrijin nesprimu bil-kelma ‘sorry’ bl-Ingliż. Ngħidu ‘sorry’, u nibqgħu għaddejjin. Dak li qed jitlob Ġesù huwa mpenn aktar serju. Jekk Ġesù qed igħidilna li r-raġuni għall-indiema hi li “s-saltna tas-Smewwiet waslet”, l-indiema tfisser “ejjew għandi, ejjew warajja”. Għalhekk l-indiema hi impenn li ngħixu bħal nies li jemmnu li huma wlied Alla.

Lil-Pietru u sħabu Ġesù qalilhom “nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” jiġifieri li jħeġġu lil nies oħra biex huma wkoll jgħixu ta’ wlied Alla. Fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan, Ġesù joħloq kuntrast li jgħallimna ħafna. Il-Fariżew mar jitlob fit-tempju u ħela ħinu jiftaħar li hu raġel tajjeb u mhux bħall-oħrajn. Il-Pubblikan mar jitlob u qal: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”. Il-Pubblikan irċieva l-ħniena li talab, il-Fariżew baqa’ biss bil-ftaħir u nesa’ jitlob ħniena. Alla ħniena jrid u mhux tlablib.    (Ara Lq:18: 9-14)

Sikwit nammettu li aħna midinbin, iżda Ġesù jfakkarna li aħna li aħna wkoll uliedu, u jgħidilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28). Ġesù jaf li minkejja r-rieda tajba tagħna aħna niżbaljaw. Hu għamilna hekk biex nippruvaw nitgħallmu mill-iżbalji tagħna. Għalhekk l-eżempju tajjeb li jridna nagħtu mhux tant li aħna qatt ma nidinbu iżda li qegħdin nagħmlu ħilitna biex nimxu wara Ġesù flimkien biex ngħinu lil xulxin fil-mixja tagħna bħala komunità, familja. Meta Pietru qal lil Ġesù: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb” Ġesù wieġbu: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5, 11).

 

1/18/2026

ARAW IL-ĦARUF TA' ALLA

Kien hemm diversi persuni li semgħu l-għajta ta’ Ġwanni l-Battista “Araw il-Ħaruf t’Alla” waqt li kien jindika lil dak li kien mistenni għax imħabbar. Iżda r-reazzjoni tagħhom kienet differenti. Mhux kulħadd kien lest li jaċċetta Messija kif imwiegħed fil-Kotba Mqaddsa, kif imħabbar mill-Profeti. Kulħadd kien jistenna li ma jdumx ma jasal dan il-Messija iżda kulħadd kellu opinjoni ta’ x’tip ta’ Messija kien jixtieq. Ilkoll riedu ħelsien iżda minn affarijiet, sitwazzjonijiet, u persuni skont x’kien jinkwetah l-aktar. Għalhekk l-għajta ta’ Ġwanni kienet importanti u f’waqtha, u ma kienitx biss tgħid ‘ħarsu’ iżda ‘araw’. Ħa nipprova nagħti ħarsa ħafifa fuq kif kienet milqugħa l-istedina tal-Battista.

Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej marru jistaqsu lil Ġwanni li kien jgħammed fix-xmara Ġordan jekk kienx hu l-Messija. Wieġeb li ma kienx hu. Komplew jistaqsuh ir-raġuni li għaliha kien jgħammed la ma kienx il-Messija, la Elija u anqas il-Profeta. Weġibhom: “Jiena ngħammed bl-ilma imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu” (Ġw 1,26-27). Lil dawk mibgħuta mill-Fariżej Ġwanni ried jgħidilhom: “Iftħu għajnejkom sewwa biex taraw, għax dak  li għandu jiġi diġà qiegħed f’nofskom u ma ndunajtux bih. Ried jgħidilhom biex iħarsu sewwa lejn il-wegħdiet tal-Kotba Mqaddsa u mhux l-interpretazzjoni li kienu jagħtuhom huma. Aħna wkoll illum jista’ jiġrilna li niġru wara Ġesù skont kif infassluh aħna. Aħna nitolbu għall-għaqda fost l-insara iżda ħawn tant firda bejn dawk li jixtiequ jimxu wara Kristu, s-Salvatur tagħna. Ġesù qiegħed fostna, għandna bżonn naraw u nippruvaw nimxu wara l-veru Ħaruf t’Alla u mhux il-ħolm tagħna, dak li jaqbel lilna.

Meta Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’  Jien ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.”(Ġw 1, 29-34).

Din hi x-xhieda li ta Ġwanni: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla,... Dan hu l-Iben ta’ Alla”.

Darba Ġwanni kien ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qalilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.” Meta ż-żewġ dixxipli semgħu lil Ġwanni jgħid dan, marru wara Ġesù li dar u meta  ra li kienu mixjin warajh, qalilhom: “Xi tridu?” Huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?”. Il-mod kif dawn iż-żewġ dixxipli semgħu il-kelma ta’ Ġwann kien differenti minn dak tan-nies li semgħu l-ewwel stedina “Araw”. Ġesù  weġibhom: “Ejjew u taraw”. Marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Wieħed miż-żewġ dixxipli ta’ Ġwanni li marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ħaġa li għamel Indrì kienet li mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” u ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” - jew Pietru. (Ġw 1, 40-42).

Ġesù iddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija, sab lil Filippu u qallu: “Ejja warajja.” Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indrì u Pietru. Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi.” Qallu Natanjel: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” “Ejja u ara,” wieġbu Filippu. Interessanti li l-istedina ta’ Ġwanni ”Araw il-Ħaruf t’Alla” ġiet ripetuta minn dawk li semgħuha u mhux biss emmnuha iżda wkoll xandruha b’mod li taw xhieda li Ġesù kien il-veru Ħaruf ta’ Alla.

1/10/2026

FESTA TAL- MAGĦMUDIJA TA’ ĠESÙ

Meta kien wasal iż-żmien biex Ġesù, li kellu madwar it-tletin sena, jibda l-ministeru pubbliku tiegħu, ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed (Mt 3, 13-15). 

Ġwanni nħasad jara  lil Ġesù jitħallat man-nies li kienu qed jitolbu l-magħmudija. Kienu nies li nidmu minn dnubiethom u riedu jibdlu ħajjithom. Dwar il-Magħmudija tiegħu Ġwanni kien igħid: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”(Mt 3, 11). Ġwanni kien jaf min kien Ġesù u żgur staqsa lilu nnifsu x’kien qed jagħmel Bin Alla hemm fost dawk il-midinbin. Aktar tard il-Fariżej u l-kapijiet reliġjużi kienu jitkażaw u jakkużaw lil Ġesù li kien ħabib tal-pubblikani u l-midinbin u li kien jiekol magħhom. It-tweġiba ta’ Ġesù, kienet: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin”(Mt 9, 12-13). Biex ikun jista’ jsejjaħ lill-midinbin għall-indiema, bilfors kellu jfittex li jsir ħabib tagħhom biex jgħallimhom u jurihom it-triq li minnha kellhom jgħaddu. Ma kienx jaqbel mad-dnubiet tal-midinbin iżda kien japprezza l-umanità tagħhom u kien jistedinhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 28-30).  Mill-imġieba tiegħu mal-imwarrbin Ġesù kien jagħti xhieda bil-fatti li hu ried il-veru ġid ta’ dawk li oħrajn kienu jwarrbuhom u jevitawhom, jekk mhux iżebilħuhom ukoll.

Ġwanni għammed lil Ġesù u waqt li dan kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u l-Ispirtu s-Santu niżel fuqu fis-sura ta’ ħamiema, u mis-sema ġie leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 3, 13-17). Sabiħ hu dal-kwadru li jurina t-Trinità Qaddisa flimkien fil-Magħmudija. Hemm leħen il-Missier li jistqarr li Ġesù hu Ibnu l-għażiż u hemm l-Ispirtu s-Santu li niżel fuq Ġesù taħt forma ta’ ħamiema ħabbara tal-paċi.

Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’” (Ġw 1, 32-34).

Ġesù, l-Iben t’Alla, matul il-ħidma pubblika tiegħu ‘għammed’ bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Fl-Evanġelji, niltaqgħu ma’ diversi mumenti li l-preżenza ta’ Ġesù mliet in-nies bl-Ispirtu s-Santu. Biżżejjed niftakru fiż-żjara li x-xbejba Marija, li kienet qed iġġorr f’ġufha lit-tarbija Ġesù, għamlet lil-qariba tagħha Eliżabetta. San Luqa jgħidilna: “Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu” (Lq 1, 41). Fl-Atti talAppostli Luqa jgħidilna li meta Ġesù kien għadu mal-Appostli ordnalhom biex joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, jiġifieri, li fi ftit jiem oħra kellhom jitgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.” (Atti 1, 4-5).

Ġesù waqqaf il-Magħmudija bħala Sagrament li jagħtina l-Ispirtu s-Santu bil-grazzja li nissejħu u nkunu tassew ulied Alla. San Pawl ifakkarna li “Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu” (Rum: 8, 14). Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla, għax irċevew l-Ispirtu li jagħmel minnhom ulied adottivi; u li bih nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati (Rum 8, 16-17).

Fi tmiem tal-Evanġelju ta’ Mattew naqraw kif Ġesù resaq ikellem lill-Appostli u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”. Mt 28, 16-20)

12/27/2025

FESTA TAL-FAMILJA MQADDSA TA’ ĠESÙ

Meta l-Maġi telqu, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu”. Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u lil ommu bil-lejl u telaq lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”(Mt 2: 13-15).

F’dan l-aħħar Ħadd tas-Sena 2025, il-Knisja tistedinna nirriflettu dwar il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù biex inżommuha bħala mudell ta’ kif għandna tkun il-familja tagħna, li hi mqaddsa hi wkoll. Lili qaluli li mhux sewwa li nistennew li l-familji tagħna jkunu qaddisin bħal dik ta’ Ġesù. Qaluli, l-ulied fil-familji tagħna mhumiex xi Ġesù, il-missirijiet mhumiex xi San Ġużepp, u l-ommijiet mhumiex xi Madonni mnissla mingħajr ħtija. U mbagħad il-familja ta’ Ġesù  kellhom l-anġli li kienu jgħidulhom x’għandhom jagħmlu. Aħna ma għandniex dil-kumdità tal-anġli li jgħidulna x’għandna nagħmlu. Veru?

Jekk inwarrbu minn moħħna dawk l-affarijiet li l-artisti, poeti u kittieba oħra poġġewlna quddiemna biex ifakkruna fil-Familja ta’ Ġesù, u nimmeditaw dak li jgħidulna l-Evanġelji naraw li San Ġużepp kien il-mastrudaxxa ta’ Nażaret, bniedem ġust u ħabrieki. Kien bniedem normali. Marija kienet mart il-mastrudaxxa, mara tad-dar. Kienet trabbi lil binha, u tieħu ħsieb ta’ żewġha. Minkejja l-faqar tagħhom kienet tara li fid-dar ma jonqoshom xejn. Kienet mara normali. Kellha ħbieb, ġirien u bħal ħaddieħor hi u żewġha kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi u diffikultajiet bħalma jiffaċċjaw il-familji tagħna llum. Kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u jmorru bħala rifuġjati fl-Eġittu, biex jaħarbu mir-Re Erodi li ried joqtol lil binhom.

Veru li l-Evanġelista  Mattew jgħidilna li l-anġlu tal-Mulej kien jidher lil Ġużeppi fil-ħolm u jgħidlu x’kellu jagħmel. Dejjem jgħidilna li l-anġlu kien jidhirlu fil-ħolm, biex jisħaq fuq il-fatt li ħolm mhumiex ċertezzi iżda possibilitajiet u sitwazzjonijiet li kellu jaħseb fuqhom u jiddeċiedi għall-ġid tal-familja. Żgur li kien jiddiskuti x-xewqat tiegħu ma’ Martu Marija, u martu kienet tgħinu u tgħid tagħha wkoll. Tajjeb niftakru li l-Familja ta’ Ġesù kienu jgħixu man-nies tar-raħal tagħhom, u jsegwu d-drawwiet tal-post, bil-biża’  u d-diffikultajiet, l-aħbarijiet u l-għajdut tan-nies. Kienu jippruvaw iwettqu l-ħolm u x-xewqat tagħhom u jirbħu l-problemi li jiltaqgħu magħhom. Kienu nies normali bħalna, u aħna msejjħin biex ngħixu ta’ nies bħalhom. Aħna wkoll illum imsejħin biex insiru qaddisin, bħalma kienu msejjħin huma. Is-sejħa biex insiru qaddisin, ma kienetx biss għalina jew għalihom. Aħna u huma wkoll, aħna wlied tal-istess Missier li ħalaqna xbiha tiegħu u bagħatilna lil Ibnu, veru Alla, bħala bniedem ta’ veru biex jgħinna nitgħallmu u naraw kif nistgħu aħna wkoll ngħixu ta’ veru bnedmin u ta’  veri wlied Alla.

Mela jekk noqgħodu attenti aħna nistgħu ngħixu ħajja qaddisa fil-familji tagħna, u nagħmlu li l-familji tagħna jkunu familji qaddisa minkejja l-iżbalji li nagħmlu, għax ta’ bnedmin li aħna nippruvaw nitgħallmu mill-iżbalji tagħna u ta’ ħaddieħor u nippruvaw nagħmlu  t-tajjeb kollu li nistgħu. Ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Ejjew nafdaw fil-Mulej Ġesù u naraw li huwa hu  li jagħmilna wlied qaddisin.

12/18/2025

IR-RABA’ ĦADD TAL-AVVENT

 

Fit-tieni u t-tielet Ħadd tal-Avvent iltqajna ma’ Ġwanni l-Battista li kellu l-missjoni li jħejji l-Poplu Magħżul biex jilqa’ l-Messija mwiegħed. Illum niltaqgħu ma’ Ġużeppi, l-għarus tax-xbejba Marija minn Nazaret, magħżul biex ikun missier adottiv tal-Messija.

Il-bnedmin ma obdewx dak li qalilhom Alla u aċċettaw il-gidba tax-xitan moħbi taħt il-forma ta’ serp. Ħasbu li jimxu għal rashom; Alla ħaseb li jsalvahom permezz ta’ bniedem. Iżda l-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu. Allura, bis-setgħa ħallieqa tiegħu, Alla iddeċieda li jibgħat lil-Ibnu stess fid-dinja magħmul bniedem, bħalna f’kollox barra l-ħażen tad-dnub. Alla talab il-kollaborazzjoni tax-Xebba minn Nazaret, jisimha Marija, li  bil-kunsens ħieles tagħha, aċċettat li ssir omm mingħajr ma titlef xbubitha.  

Billi l-Iben t’Alla kien se jidħol fl-istorja tal-bnedmin, minbarra l-omm bla tebgħa, kien hemm bżonn li jagħżel raġel ġust, biex f’kollox jieħu r-responsabbiltà ta’ missier adottiv u jrabbi flimkien  max-Xebba Omm lil Iben t’Alla magħmul bniedem. Ir-raġel magħżul kien jismu Ġużeppi, li twieled fl-inħawi ta’ Betlehem fil-Ġudea, għalkemm imbagħad għex u ħadem bħala mastrudaxxa f’Nazaret fil-Galilea.

Alla ma jimponix ir-rieda tiegħu fuq il-bnedmin iżda jfittex il-kunsens tagħhom għall-missjoni li kien se jagħtihom. Fl-evanġelju tiegħu Mattew jirrakkonta kif Alla talab il-kunsens ta’ Ġużeppi li kien raġel ġust. Dan tħawwad meta sar jaf li martu kien se jkollha tifel, bla ma marru jgħixu flimkien, u beda jaħseb kif kien se jsolvi dil-problema. Għamel il-ħsieb li jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies, għax deherlu li ma setgħax imur igħix magħha. Kien iħobbha ħafna lil Marija u ma riedx jixliha quddiem in-nies għax kieku għamel hekk in-nies kienu joqtluha żgur bħala mara adultera.

Kien għadu qed jaħsibha meta deherlu Anġlu fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.  Mattew semma l-ħolm, mhux għax Ġużeppi kien rieqed. Bħalma ġieli jiġri lilna wkoll, f’mument ta’ deċiżjoni importanti, aħna ġieli nistaqsu lilna nfusna “Imma dan veru, jew qed noħlom?”.

L-Anġlu spjega lil Ġużeppi x’kien qed jiġri fil-ġuf ta’ martu; qallu wkoll x’kien qed jitlob minnu Alla. Xtaqu li jkun  Missier adottiv fil-Familja ta’ Nazaret. Kien missier ta’ veru bir-responsabbiltà li ġġib magħha din il-missjoni. Marija stess tat xhieda ta’ dan meta binha ta’ tnax-il sena baqa’ fit-tempju bla ma qalilhom. Marija u Ġużeppi fittxewh u meta sabuh ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2, 48). Ġużeppi kien tassew missier.

L-anġlu lil Ġużeppi qallu: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti bħala missieru se ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Ma għanda ebda tweġiba mingħand Ġużeppi, iżda l-evanġelista jgħidilna li għamel kif qallu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu, jiġifieri bla kliem imma bil-fatti, aċċetta lil bin Marija bħala ibnu u lix-xebba bla mittiefsa bħala martu.

Mattew jirrakkontalna kif Ġużeppi żamm kelmtu u ħa ħsieb ta’ Marija u ta’ binha Ġesù, skont ma’ kien dmiru, speċjalment meta r-Re Erodi pprova joqtol lit-tarbija Ġesù għax ħaseb li kienet se tkun theddida għalih. Għemilu jurina mħabba vera, umiltà u responsabiltà. L-insara jemmnu li kif Ġużeppi kien missier tajjeb għall-familja ta’ Nazaret hekk ukoll hu missier tajjeb għall familja ta’ ibnu li hi l-Knisja li tqisu bħala protettur tagħha. Aħna sikwit nirrikorru għall-għajnuna tal-Familja Mqaddsa anke jekk biss intennu l-isem ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, u nitolbuhom ikunu magħna dejjem speċjalment meta noqorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjitna fuq l-art.


12/12/2025

IT-TIELET ĦADD TAL-AVVENT

Illum nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista li mhux qiegħed fid-deżert iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ ħabbar u għammied. Kien il-ħabs ikkundannat mir-Re Erodi. Id-dixxipli ta’ Ġwanni qalulu x’kien qed jagħmel Ġesù li hu kien wera bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Qalulu  li dak li Ġesù kien qed jgħallem u jagħmel ma kienx jaqbel eżatt ma’ dak li kien ħabbar Ġwanni. Dan daħħal dubju fosthom, u Ġwanni bagħat jistaqsi lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.   Bħala tweġiba Ġesù ta lid-dixxipli, messaġġiera ta’ Ġwanni, l-missjoni li jsiru ħabbara għalih. Qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.” Ġesù kien ċert li b’din it-tweġiba Ġwanni kien jagħraf li dak li kien qed jgħid u jagħmel Ġesù kien jaqbel ma’ dak li l-Profeti ħabbru dwar il-Messija li kellu jiġi fid-dinja mibgħut minn Alla. Ġesù qalilhom: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. 

Dan il-kliem ma kienx jgħodd biss għal Ġwanni u d-dixxipli tiegħu. Jgħodd għalina wkoll illum, għax faċli li nimxu wara Messija magħmul skont l-immaġinazzjoni tagħna. Nimmaġina li hu għalhekk li anke fi żmienna għadna ma rnexxilniex inwettqu r-rieda ta’ Ġesù meta qal: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed (Ġw 10, 16).

Għadha twila l-mixja favur l-għaqda fostna l-insara, iżda mixjin bil-mod. Il-Liturġija llum tfakkarna l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna. Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkupptejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:  “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!” (Iż 35,1-3).

Fis-Salm Responsorjali l-liturġija tistedinna ngħidu t-talba meħuda mill-Profeta Iżaija: “Ejja, Mulej, ħa ssalvana” (Iż 34:4). Din it-talba nagħmlu tajjeb jekk ngħiduha sikwit mhux biss bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, iżda biex nistiednu lil Ġesù ħa jiġi jgħix f’moħħna u f’qalbna tul ħajjitna kollha biex dak kollu li naħsbu, nagħmlu u ngħidu jkun jista’ jwassalna fi ħdan Ġesù meta jkun qed jasal iż-żmien li nitilqu minn din id-dinja bit-tama li niltaqgħu miegħu u jkun jista’ jilqagħna fil-glorja li diġà ħejja għal kull wieħed u waħda minna kif wiegħed lil kull min jagħżel li jkun dixxiplu tiegħu u sinċerament jgħid it-talba li għallimna hu stess meta ngħidu “ikun li trid int”. Din mhix talba ta’ skjav li obbligat jagħmel dak li jikkmandah sidu. Hi talba ta’ iben u bint li jafu li huma maħbubin u li jixtiequ u jittamaw li fi tmiem ħajjithom jiġu milqugħa b’dirgħajn u qalb miftuħa beraħ fil-glorja tal-Missier fil-ġenna. Nittamaw li jkun jista’ jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ (Mt 25,  210). Alla ta ħafna doni, talenti, kwalitajiet sbieħ lil kull wieħed u waħda minna. Hu jistenna li t-tweġiba tagħna tkun bħal dik li Marija tat lill-Anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”, jew dak li qal Ġesù innifsu: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.(Ġw 6, 38). Is-sabiħa hi li r-rieda ta’ min bagħatna fid-dinja taqbel eżattament ma dik li hi x-xewqa tagħna. Aħna nixtiequ li ngħixu ħajja b’saħħitna, bla gwerer jew mibegħda, fil-paċi, fil-ferħ, u li ma jkun jonqosna xejn. Dan hu propju dak li Alla jixtieq għal kull wieħed u waħda minna. Il-ħasra hi li aħna lil Alla ma nifhmuhx, għax jogħġbuna affarijiet oħra. Aħna wlied Adam u Eva u bħalhom nippreferu nemmnu lis-serp qarrieq. Kemm nagħmlu aħjar kieku nemmnu dak li jgħidilna Ġesù u nippruvaw inwettquh minkejja l-fatt li aħna bnedmin dgħajfa.

12/06/2025

IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT

 

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent il-liturġija tlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert. Nistaqsu: Minn kien Ġwanni?

Niltaqgħu ma’ Ġwanni qabel twelidu fit-Tħabbira tal-Anġlu lil Żakkarija li kien qed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla. Malli Żakkarija ra l-Anġlu, tħawwad u beża’, imma l-Anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax Alla semgħa t-talba tiegħek, u martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.” Din se tkun għalik ħaġa ta’ ferħ u se jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. “Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.  Hu se jreġġa’ lil ħafna  ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom. Hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex ilesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej (Luqa 1, 11-17). Il-ġirien ta’ Żakkarija u Eliżabetta bdew ixandru ma kullimkien dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ binhom kulħadd kienu jistaqsi: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”.

L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna li Ġwanni l-Battista kien raġel mibgħut minn Alla. Allura ma ġiex f’ismu, kien messaġġier b’missjoni. Meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu xi qassisin u Leviti għand Ġwanni biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” “Mela min tgħid li int?” Ġwanni wieġeb bil-kliem tal-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

X’qal Ġwanni dwar Ġesù? Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej staqsew lil Ġwanni: “Kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,  u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.” (Ġw 1,34).

X’qal Ġesù dwar Ġwanni? Darba Ġesù beda jitkellem dwar Ġwanni u staqsa: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. (Mt 11, 7-12)

Jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex ngħixu skont kif jitlobna Ġesù. Il-missjoni tagħna hi l-istess bħal dik ta’ Ġwanni. Jiġifieri, li bħala nsara nagħtu xhieda dwar Ġesù, li hu l-Iben t’Alla, li hu ħuna u s-salvatur tagħna. Niftakru dak li qalilna hu, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Għalhekk xieraq, u tajjeb għalina li minkejja l-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu li nistgħu, bla ma naqtgħu qalbna, biex ngħixu ta’ veri nsara. Aħna m’aħniex qaddisin, fis-sens li qatt ma nidinbu, imma tajjeb li nagħmlu bħall-publikan li stqarr li kien midneb u talab il-ħniena t’Alla. Niftakru dak li qalilna Ġesù, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Meta Xmun Pietru qal lil Ġesù “Warrab minni għax jiena midneb” , Ġesù qallu, “Agħmel kuraġġ, inti sajjied tal-ħut imma jiena se nagħmlek sajjied tal-bnedmin (cfr 5, 10). Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18). Niftakru li Ġesù qalilna: “Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5, 32).

 


11/29/2025

L-EWWEL ĦADD TAL-AVVENT

Illum il-Knisja tiċċelebra l-Ewwel Ħadd tal-Avvent u nibdew Sena Liturġika Ġdida. L-ewwel ħaġa  li nagħmlu hi li nibdew inħejju ruħna biex niċċelebraw lil Ġesù, veru Alla u veru bniedem, li twieled minn Marija ta’ Nazaret, xebba li saret omm u baqgħet verġni għax dak li sar permezz tagħha kien kollu ħidma tal-Ispirtu s-Santu li qabel, talab il-kunsens tagħha permess tat-tħabbira tal-anġlu Gabriel. Dan ma qalilhiex biss x’kien il-pjan ta’ Alla għaliha, iżda qagħad jistenna t-tweġiba tagħha. It-tfajla qagħdet taħseb fuq dak li qalilha l-anġlu u staqsietu: “Kif nista’ nsir omm la darba ma kellix x’naqsam ma raġel?”. L-anġlu qalilha li dan kien se jsir bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Alla l-Għoli kien se jixħet il-qawwa tad-dell tiegħu fuqha u dak li kien se jitwieled minnha kien se jkun qaddis u jissejjaħ Bin Alla. Wara din l-ispjega Marija, xebba għaqlija, wieġbet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” u l-Anġlu telaq minn quddiemha.

Din kienet l-ewwel stennija tat-twelid tal-Iben t’Alla magħmul bniedem bla ma tilef in-natura divina tiegħu.  Kif għaddietu dan iż-żmien tat-tqala tagħha, Marija? Ma naħsibx li x-xbejba ta’ Nazaret fehmet kulma qalilha l-Anġlu, iżda fejn ma fehmitx, staqsietu, u nimmaġina li għaddiet żmien fit-talb, forsi wkoll titkellem mal-iben li kien qed jikber fil-ġuf tagħha.  Kellha l-faċendi tad-dar x’tagħmel u ma ħlietx żmien fil-vojt. Anzi, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li tmur għand il-qariba tagħha Eliżabetta biex tgħinha għax din, fi xjuħitha kienet se twelled iben u dak kien diġà s-sitt xahar tat-tqala tagħha.

Din l-istennija għat-twelid tal-Iben t’Alla tista’ tgħinna nirriflettu dwar kif għandna niċċelebraw l-Avvent li qed nibdew illum. Tajjeb li noqgħodu nimmeditaw u nimmaġinaw x’għamlet ix-xbejba ta’ Nazaret u nippruvaw nimitawha kif nistgħu u kemm nistgħu biex ma naħlux wisq ħin u enerġija fit-tħejjija għall-festi, għar-rigali u affarijiet oħra li issa saru drawwiet ta’ preparazzjoni għall-festa tal-Milied. Tajjeb li bħal Marija lkoll inħejju lilna nfusna biex nilqgħu fi ħdanna  lil-Ġesù li qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Nistgħu nfittxu li nirċevuh fl-Ewkaristija, biex Ġesù jiġi jgħammar ġewwa fina, u nitkellmu miegħu bħalma nitkellmu man-nies li nħobbu, ħalli nsiru ħbieb tiegħu ta’ veru.

Aħna rridu niftakru li l-Knisja tistedinna niċċelebraw tliet żminijiet tal-Avvent. L-ewwel wieħed hu dak li jfakkarna fl-imgħoddi, li l-Milied  seħħ tassew u Alla wettaq il-wegħda tiegħu u niċċelebraw il-miġja tal-Messija. It-tieni hu dak li jrid iħejjina għall-ġejjieni meta Alla jwettaq il-wegħda tat-tieni miġja ta’ Ġesù bħala mħallef biex  iħabbar is-sentenza tal-ġudizzju skont kemm aħna nkunu tajna widen għal dak li qalilna hu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hemm l-Avvent li l-Knisja u aħna nixtiequ li jseħħ fina fil-preżent, tul ħajjitna, għaliex hu f’dan il-mument ta’ issa, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biss nistgħu nistiednu u nilqgħu lil Ġesù ġo qalbna u f’ħajjitna. Fil-Ktieb tal-Apokalissi Alla jgħidilna: “Lil dawk li nħobb, jiena nwiddibhom u rrażżanhom. Mela tħeġġeġ u indem. Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu” (Ap 3, 19-21).

Mela, l-Avvent irid ifakkarna fi tliet affarijiet: Kristu ġie, Kristu jerġa’ jiġi, Kristu qiegħed fostna jistedinna nsiru ħbieb tiegħu u nħalluh jgħix ġo fina. San Pawl iħeġġiġna: “Ħuti, waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu... Ejjew ngħixu kif jixraq” (Rm 13, 11.13). Kunu mħejjija għat-tieni miġja tiegħu għax “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn meta se jaslu ħlief il-Missier waħdu ... Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.(Mt 24, 36.42)

 

 

 


11/21/2025

DAN BNIEDEM ĠUST

Wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. (Lq 23:35-43)

 Illum il-Knisja tiċċelebra il-festa ta’ Kristu Re u nibdew l-aħħar ġimgħa tas-Sena Liturġika. Nhar il-Ħadd li ġej niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent tas-Sena A  u nibdew sena liturġika ġdida.

F’din il-festa nistgħu nħarsu lejn Ġesù u nimmaġinawh liebes ilbies regali b’kuruna tad-deheb fuq rasu u b’xettru tad-deheb f’idu ġħax il-messaġġ hu li Kristu hu tassew Sultan. Tajjeb li nisħqu fuq dan il-fatt. Iżda l-liturġija llum tippreferi tiċċelebrah fil-mument l-aktar diffiċli ta’ ħajtu meta ħassu abbandunat minn kulħadd anke minn Missieru. L-erbgħa Evanġelisti, jirrakkontaw li fost kliem maħsub biex joffendi u jwaqqa’ lil Ġesù għaċ-ċajt, il-Qassisin il-Kbar, is-suldati u oħrajn użaw kliem li bla ma riedu jagħti xhieda li Ġesù hu tassew Sultan. Ejja naraw xi whud minnhom.

Pilatu stqarr li Ġesù kien innoċenti iżda xorta waħda kkundannah għall-mewt u fuq is-salib kiteb ir-raġuni li għaliha ġie kkundannat: “Ġesù ta’ Nazaret, is-sultan tal-Lhud”. San Ġwann jgħidilna li din il-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg, u li ħafna nies qrawha. Il-Qassisin il-kbar marru jilmentaw ma’ Pilatu għax qalulu li Ġesù ma kienx veru sultan tagħhom iżda li ppoża ta’ sultan. Pilatu wieġeb bir-rabja: “Issa li ktibt ktibt”. Hekk il-kitba ta’ Pilatu xandret mal-Lhud u mal-pagani li Ġesù kien Sultan.

Fost l-insulti u l-għajjat kontra Ġesù kien hemm dik tal-kapijiet li bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Kienu żbaljati għal kollox għax fil-Bibbja nsibu li l-Messija maħtur minn Alla ġie mwiegħed mhux biex isalva lilu nnifsu iżda biex isalva lill-Poplu Lhudi magħzul apposta minn Alla bħala l-Poplu tiegħu. Imkien ma nsibu li l-Messija kellu jsalva lilu nnifsu. Sortunatament din hi l-mentalità ta’ ħafna mill-awtoritajiet tad-dinja anke llum, li l-ewwel li jaħsbu hu li jistagħnew huma u jsalvaw ġildhom  u dik ta’ sħabhom.

Lid-dixxipli tiegħu Ġesù  qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa. Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra (Mt 20, 25-28). Il-formazzjoni li l-Imgħallem kien qed jagħti lid-dixxipli ma kellha xejn x’taqsam mal-mod kif kienu jaħsbuha l-awtoritajiet ta’ żmienhom. Kien għalhekk li anqas biss għaddiet minn rasu li jsalva lilu nnifsu; mhux dak kien xogħolu. Jekk Ġesù ma kienx qed jaħsibha bħall-gvernijiet ta’ dak iż-żmien u ta’ żmienna kien sinjal li hu kien Sultan ta’ veru. Ġesù  qal ukoll: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” ( Ġw 10, 11). L-imgħallem ma setax imur kontra t-taglim tiegħu stress.

Fl-aħħarnett, hemm ix-xhieda tal-ħalliel it-tajjeb li ddefenda lil Ġesù u ċanfar lil-ħalliel l-ieħor li kien mislub bħalu u qallu: “Imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal  lil Ġesù, “Ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23, 43). Din hi kelma ta’ min hu tassew Sultan li jagħraf lil min jikkonverti, jaħfirlu, jaċċettah u jtih il-premju.

Meta Ġesù miet kien proprju ċenturjun Ruman li, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!” (Lq 23, 47).  Xieraq li nirriflettu sewwa fuq is-silta mill- Evanġelju li toffrilna l-liturġija llum.

 


11/13/2025

PERSEKUZZJONI U XHIEDA

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

Imbagħad qalilhom... Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21:5-19).

Mnejn kien qiegħed, Ġesù seta’ jara l-moviment li kien hemm fit-tempju w madwaru. Kien hemm min kien qed jammira s-sbuħija tat-tempju u min kien qed jagħti kas tal-offerti li n-nies kienu qed jagħtu għat-teżor tat-tempju.

Ġesù  ma kienx qed iħares biss, kien qed jara.  Ra li l-offerti li s-sinjuri kienu qed jagħtu kienu miż-żejjed li kellhom. Ra li armla fqira offriet biċċtejn żgħar tal-flus, u li dawn kienu kulma kellha biex tgħix. Tat kollox!

Ġesù jara, jifhem u japprezza dak li jkun qed jiġri madwaru. Kien qed jara l-ġejjieni. Kien qed jara li mhux biss it-tempju kellu jinqered, iżda wkoll is-sbuħija tal-verità u tal-paċi. Qalilhom li kienu se jiġu ħafna f’ismu u jgħidu “iż-żmien wasal”, u jbassru il-miġja tal-aħħar tad-dinja. Qalilhom: “Tinħasdux, tmorrux warajhom”. Qabel dan, il-mexxejja tas-sinagoga kellhom iduru kontrihom, jakkużawhom u jitfugħom il-ħabs minħabba f’ismu. Qalilhom dan mhux biex ibeżżagħhom, iżda biex jgħallimhom u  jħejjihom għax-xhieda li kellhom jagħtu dwaru u dwar it-tagħlim tiegħu.

Minħabba l-persekuzzjonijiet dawk li kienu ta’ Kristu, ġew imferrxa mad-dinja kollha. Dawn, kull fejn waslu waqqfu komunitajiet ta’ nsara, għall-ewwel żgħar iżda li kibru u taw il-frott. Kif qal Tertuljanu xi żewġ sekli wara Kristu: “Id-demm tal-martri huwa ż-żerriegħa tal-Insara, ż-żerriegħa tal-Knisja ta’ Kristu”. Għamlilhom il-kuraġġ għax qalilhom li ma kienx hemm għalfejn jinkwetaw dwar kif kellhom jiddefendu ruħhom għax hu kien se jkun magħhom u jagħtihom kliem u għerf li ħadd ma jkun jista’ jmerih.  U li min jibqa’ fidil lejn Kristu żgur li jkollu l-ħajja ta’ dejjem, għaliex Ġesù hu t-triq il-verità u l-ħajja, ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu. ( Ġw 14, 6).


11/07/2025

KATIDRAL: SIMBOLU TA’ AWTORITÀ

Illum il-Knisja fid-dinja kollha qed tiċċelebra d-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran li tinsab fiċ-ċentru ta’ Ruma. Wieħed jista’ jistaqsi r-raġuni għaliex din il-Bażilika tingħata tant importanza. Ir-raġuni hija waħda: Kull Djoċesi għandha l-Katidral tagħha li hi  l-Knisja li fiha l-Isqof tal-post ikollu s-sedja  tiegħu, li hi s-simbolu tal-awtorità tiegħu li jgħallem, li jmexxi f’għaqda waħda l-insara kattoliċi tad-djoċesi tiegħu biex ilkoll jimxu bħala familja waħda lejn il-Missier skont ma għallimna Sidna Ġesù. L-isqof ta’ Ruma hu l-Papa u l-Katidral tad-djoċesi ta’ Ruma hi l-Bażilka tal-Lateran u mhux dik ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Hawnhekk ta’ min jiftakar silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew li fiha Pietru jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù bħala “l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. Ġesù allura qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet” (Mt 16, 17-19).

Santu Wistin ifakkarna li Ġesù l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet tahom lil Pietru, però il-blata ma kienx Pietru iżda kienet l-istqarrija tiegħu li kienet imnebbħa lilu “minn Missieri li hu fis-Smewwiet”. San Pawl, fl-ewwel ittra lill-Korintin jgħidilna li dawk li mxew wara Mosè ”xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu” (1Kor 10, 4). L-għoti taċ-ċwievet tfisser fiduċja, għax tagħti l-awtorità biex dak li jirċievihom jkun jista’ jidħol u joħroġ mid-dar daqslikieku kienet tiegħu.

Hawnhekk qed nitkellmu dwar awtorità li għandha l-għeruq tagħha fil-koerenza fis-sens li dak li jkun jgħix skont il-fidi li għandu. Ara x’qalu  n-nies meta Ġesù temm id-diskors ta’ fuq il-Muntanja. Mattew jgħidilna: “Meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom” (Mt. 7, 29). Il-Fariżej u l-kittieba kienu jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra, waqt li dak li Ġesù kien jitlob mingħand l-oħrajn, kien jagħmlu hu l-ewwel; kliemu kien jaqbel ma għemilu.

Hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar konsagrazzjoni ta’ Knisja tal-ġebel iżda dwar  l-awtorità li għandu l-Papa li jgħallem, jinkoraġġixxi, jikkoreġi u  jmexxi, f’kelma waħda li jġib ruħu ta’ missier għal dawk li jridu jkunu fidili lejn it-tagħlim ta’ Ġesù. Għalhekk bl-Ingliż lil-Papa insejħulu “Holy Father” u t-Taljani jgħidulu “Santo Padre“.

Ejjew nifirħu mela f’din il-ġurnata u nagħtu glorja lil Alla li Permezz ta’ Ibnu fdalna l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet f’idejna l-bnedmin, li niżbaljaw u nammettu li aħna midinbin. Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. ... Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. .... Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra. Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10, 7-11).

B’dan jiena qed nifhem li Ġesù ntelaq f’idejna biex nisimgħuh, nimxu warajh, inħobbuh, inqimuh, inxandruh u nirċevuh speċjalment fl-Ewkaristija għax hu stess qalilna: “Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” (Ġw 6, 55-56).


10/31/2025

ĠESÙ TASSEW SULTAN

 

Bdejna x-xahar ta’ Novembru li jimmarka għeluq is-sena liturġika tal-Knisja tagħna. Fil-fatt l-aħħar Ħadd ta’ dan ix-xahar din is-sena huwa l-ewwel Ħadd tal-Avvent, u nibdew sena liturġika ġdida. Tul dan ix-xahar se  jkollna quddiemna x’inhi l-Knisja mwaqqfa minn Sidna Ġesù.  

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tfakkarna li hi l-Familja li tiġbor fiha bnedmin li għażlu li jgħixu skond ix-xhieda, l-eżempju u t-tagħlim li ħadu mingħand dawk li Ġesù sejjaħ, għażel, rawwem u bagħat madwar id-dinja kollha biex iwasslu t-tagħlim li hu tahom bil-kelma u l-eżempju. Din il-Familja  tiġbor fiha l-bnedmin kollha li qatt għexu jew li għad jgħixu fuq din l-art. Fost dawn naturalment ninsabu aħna li qed ngħixu bħalissa l-mixja tal-ħajja. Aħna għandna tliet ċertezzi, li twelidna, li qed ngħixu u li se mmutu. Min għandu l-fidi jemmen ħaġa oħra jiġifieri li bil-mewt l-ħajja ma tintemmx, tinbidel, għax minn din id-dinja aħna se nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem, fl-eternità. Aħna ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem u għalhekk nibżgħu mill-mewt. Għandna t-tagħlim li twasslilna l-Knisja li hu msejjes fuq il-ħajja, l-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù. Kif igħidilna San Pawl “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Il-bnedmin imutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1Kor 15, 20-23) .

Fl-ewwel ta’ Novembru l-Knisja tfakkarna fil-qaddisin kollha, l-bnedmin kollha li mietu fil-grazzja t’Alla u jinsabu fil-glorja tal-ġenna. Kif jgħidilna l-appostlu San Ġwann:  “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu. (1Ġw 3, 1-3).

Fil-liturġija tal-Għid tal-Imwiet il-Knisja trid tgħidilna li qaddisin mhumiex biss dawk li huma kanonizzati, u allura nafu bihom. Qaddisin huma dawk kollha li ppruvaw jgħixu ta’ wlied Alla. Għax Alla ma jwarrab lil ħadd li permezz ta’ Ibnu sar wieħed jew waħda minn uliedu. Ma dawn insemmu wkoll lil dawk li għadhom f’mument ta’ purifikazzjoni u li aħna nsejħulhom l-Erwieħ tal-Purgatorju. Il-knisja tistedinna nitolbu għalihom biex ngħinuhom f’dan il-mument ta’ purifikazzjoni u nitolbu lilhom biex jgħinuna fil-mixja tagħna fuq din l-art għaliex dawn huma diġà salvi. Billi aħna li għadna ħajjin ninsabu limitati miż-żmien u mill-post,  nitkellmu dwar l-affarijiet tal-ħajja ta’ dejjem skont il-vokabularju tagħna l-bnedmin u nesprimu ruħna bi kliem li bihom aħna niftehmu bejnietna.

Qrib l-aħħar tax-xahar il-Knisja tistedinna niċċelebraw is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala s-Sultan tal-Ħolqien Kollu. Huwa importanti li niċċelebraw din is-solennità mhux tant biex nagħtu titlu ieħor lil Sidna u Ħuna Ġesù, iżda għaliex dak kollu li għidna hawn, u dak kollu li niċċelebraw matul is-sena jagħmel sens jekk aħna nemmnu u ngħixu ta’ bnedmin bil-għaqal li jgħixu skond ir-rieda ta’ dan li wera li hu Sultan veru tagħna, li ma jsaltanx fuqna minn fuq tron tad-deheb. It-tron tiegħu hu salib kiefer, li fuqu kien hemm dikjarazzjoni ta’ Pilatu: “Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud” b’diversi lingwi. Pilatu kitibha bħala żeblieħ, iżda żbalja għax Ġesù veru li hu Sultan, mhux biss tal-Lhud, imma tagħna lkoll għaliex ma tax ħajtu għall-Lhud biss imma għall-bnedmin kollha li jaċċettawh bħala Feddej u Salvatur tagħhom, li jsaltan verament f’moħħhom u f’qalbhom.

10/25/2025

IL-FARIŻEW U L-PUBBLIKAN

F’dak iż-żmien Ġesù qal din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena naqdi dimiri. Il-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (ara Lq 18:9-14).

X’qed igħidilna Ġesù? Aħna nitolbu ħafna, anke jekk mhux dejjem nindunaw, u nagħmlu tajjeb, għaliex Ġesù nnifsu qalilna li għandna nitolbu dejjem mingħajr ma naqtgħu qalbna qatt. Nistgħu naqtgħu qalbna għaliex naħsbu li Ġesù jdum wisq biex jismagħna, allura ġieli ngħidu li għal xejn nitolbu. Ġesù Jgħidilna li meta nitolbu ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem għaliex Missierna tas-sema jaf sewwa x’għandna bżonn qabel ma nitolbuh.

Allura għalfejn iridna nitolbu? Mistoqsija tajba. Aħna ma nitolbux tant biex ngħidu lil Alla x’għandna bżonn iżda biex aħna nistqarru minn qalbna li aħna għandna bżonnu, u jekk ħaġa nitolbuha jfisser li rriduha u li lesti biex nilqgħu dak li hu jixtieq jagħtina għall-ġid tagħna.

Nagħmlu tajjeb jekk nibdew billi nirringrazzjaw lil Alla għaliex nemmnu li lest li jagħtina dak li verament ikun ta’ ġid għalina. Il-Fariżew bdiha tajjeb it-talba tiegħu għax f’qalbu talab: “O Alla, niżżik ħajr”. Iżda malajr żbalja bl-ikrah għax nesa’ li kien qed jitkellem ma’ Alla, u beda jmaqdar lill-oħrajn li huma wlied maħbubin t’Alla huma wkoll. Ġesù widdibna: Tiġġudikawx biex ma tiġux iġġudikati. Il-kmand ta’ Ġesù hu li nħobbu lil xulxin, li naħfru lil kull min jitlobna maħfra u li nagħmlu l-ġid anke lil min jagħmlilna d-deni. Wieħed biss jista’ jiġġudika għax miet fuq is-salib għal kull wieħed u waħda minna.

Il-pubblikan kien jaf li hu midneb. Kien jaf li bħala bniedem mhux perfett u li allura mhux dejjem jirnexxilu jagħmel is-sewwa li jixtieq jew li jwarrab il-ħażen li ma jixtieqx jagħmel. Hekk igħidilna li kien jiġrilu San Pawl.  Kiteb: “Ma nafx x’jien nagħmel: naf li m’iniex  nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rm 7, 19). Aħna jiġrilna hekk ukoll. Ma naqtgħux qalbna u nagħmlu bħalma għamel il-Pubblikan li fetaħ qalbu ma’ Alla u talbu l-ħniena. Dan mar fit-tempju biex jitlob u talab verament, u t-talba tiegħu ġiet milqugħha.

  Ġesù jfakkarna li weħidna aħna ċkejknin u li għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor u fuq kollox l-għajnuna ta’ Alla. Għalhekk talabna niċċekknu u nsiru bħat-tfal li jafu li għandhom bżonn ta’ min jgħinhom, u ma jistħux jitolbu l-għajnuna. Jitkabbar min jaħseb li ma għandu bżonn ħadd. Ġesù jridna li nkunu umli, fis-sens li nkunu veri, jiġifieri li bħal ħaddieħor aħna għandna kwalitajiet tajba mogħtija lilna minn Alla u li nistgħu nużawhom biex nagħmlu l-ġid u li għandna difetti li jeħtieġ li negħlbuhom biex jirnexxilna nagħmlu dak li hu tajjeb. L-importanti li ma naqtgħux qalbna u li ma ninsewx ma’ min inkunu nitkellmu meta nitolbu. Alla hu Missier li jħobbna tassew bla qjies.

10/17/2025

ITOLBU LI TRIDU

 Darba Ġesù qal parabbola biex lid-dixxipli tiegħu jurihom li għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom. Qalilhom: “Kien hemm imħallef li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel  rasu minn ħadd. Kien hemm ukoll mara armla, li kienet tmur għand l-imħallef titolbu jagħmel dmiru u jiddeċiedi l-kas tagħha. Dan darba qagħad jaħseb: “Jien ma nibżax minn Alla u ma nħabbilx rasi min-nies. Iżda din l-armla qed iddejjani ġejja u sejra teħodli rasi. Jaqbilli naqdiha għax sa  tifnini”. Hekk għamel u kkuntentaha (Ara Lq 18:1-8).

B’din il-parabbola Ġesù ma riedx iqabbel lil Alla mal-imħallef ħażin, ried biss jagħtina l-eżempju tal-armla li ma qatgħetx qalba u baqgħet tinsisti biex l-imħallef jaqdiha.

Ġesù qalilna: “Meta titlob lil Alla Missierek tagħmilx bħall-pagani. Dawn jaħsbu li aktar ma jgħidu, aktar jinstemgħu. Ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem “għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom”. (Mt 6,  6-8). Iridna nitolbu dejjem, għax il-perseveranza fit-talb tfisser fidi, fiduċja, imħabba. Tana eżempju ta’ kif għandna nitolbu sewwa. Qalilna, mela itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet...” Ġesù ma jridniex ‘ngħidu’ ħafna talb iridna nsaħħu fina spirtu ta’ talb. Jiġifieri jridna nitkellmu miegħu bħalma l-ulied jitkellmu mal-ġenituri tagħhom b’imħabba, fiduċja, fidi u rispett. Inkella nkunu qed ngħidu biss kliem vojt. Hu għalhekk li fi tmiem il-parabbola Ġesù jistaqsi : “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”. Nibża’ li ħafna drabi jsibna ngħidu ħafna talb mingħajr ma nkunu qed nitolbu ta’ veru, jekk moħħna u qalbna jkunu xi mkien ieħor. Ġieli waqt li nkunu qed ngħidu r-Rużarju, jiġuna ħsibijiet mingħajr ma nkunu rriduhom, ħafna drabi jkunu problemi li nkunu qed inħabbtu wiċċna magħhom u li għalihom Alla jkun qed jitlobna tweġiba u ngħidulu, “Ħa jkun li trid int, irrid nagħmel ir-rieda tiegħek. Inkunu qed nagħmlu bħall-Madonna waqt it-tħabbira tal-Anġlu meta qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek”. Allura, dak li qed insejħulha distrazzjoni, jista’ tkun messaġġ mingħand Alla dwar x’jixtieq minna.

Għalfejn nitolbu? Nitolbu biex inkunu bħal Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, u hekk inkunu qed nitolbu mal-Knisja u bħala Knisja, għax aħna parti mil-Ġisem mistiku ta’ Kristu anke meta nkunu qed nitolbu d-dar u weħidna.

Ġesù qalilna: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu” (Mt 7. 7-8). X’nistgħu nitolbu? Ġesù qalilna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom” (Ġw 15. 7). Naturalment ma nistgħux nitolbuh jagħmel dak li jmur kontra r-rieda tiegħu. Billi Alla huwa mħabba ma nistgħux nitolbu affarijiet li jmorru kontra l-imħabba, il-ġustizzja u dak li hu tajjeb.

Aħna ma nitolbux biex Alla jagħmel dak li rridu aħna. Nitolbu biex inqabblu xewqitna mar-rieda tiegħu, u hekk nagħmlu dak li l-Madonna qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Hekk nindunaw li Alla dejjem jismagħna u jagħtina aktar minn dak li għandna l-ħila nitolbuh. Għalhekk, kull meta nitolbu tajjeb li naħsbu x’jixtieq minna Alla  u li qatt ma ninsew nirringrazzjawh għal kull ma jagħmel magħna, speċjalment għal dak li ma nindunawx li jkun diġà tahulna.

 

 

10/11/2025

IS-SAMMARITAN JIRRINGRAZZJA

Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.( Lq 17:11-19)

Ftit qabel din is-silta, Luqa jgħidilna li l-appostlu talbu lil Ġesù: “Mulej kattar fina l-fidi”. Weġibhom: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda...”

Qed nimmaġina li r-rakkont tal-fejqan ta’ l-għaxar lebbrużi, b’xi mod iservi biex jurina fil-prattika li Ġesù  ma jimpurahx minn kemm hi kbira l-fidi tagħna. Biżżejjed li nemmnu fih u li nippruvaw ngħixu skont il-fidi tagħna. Ġesù ma nkwetax li l-għaxart irġiel ma kienux tal-istess reliġjon. Kienu flimkien, talbu l-ħniena ta’ Ġesù u  tahielhom.

Mela l-irġiel lebbrużi kienu għaxra, imma wieħed minhom kien Samaritan. Niftakru li l-Lhud u s-Samaritani ma kinux jinġiebu. Il-Lhud kienu jqisu li s-Samaritani ċaħdu l-fidi tagħhom u tebbgħu twemminhom.  Kienet il-marda li ġabithom flimkien lil dawn l-irġiel. Flimkien obdew il-liġi u waqfu ‘l bogħod minn Ġesù. Flimkien għollew leħinhom u talbu l-ħniena ta’ Ġesù. Flimkien semgħu x’qalilhom Ġesù u telqu flimkien għal għonq it-triq. Huma u sejrin għand is-saċerdoti kienu għadhom ma fiqux, iżda baqgħu mexjin. Fiequ flimkien l-għaxra li huma, is-Samaritan ukoll.

Ġesù ma fejjaqhomx hemm quddiemu.  Qalilhom: “Morru  uru rwieħkom lill-qassisin”. Għalfejn? Skont il-liġi min kien ifieq mill-marda tal-lebbra kellu jmur għand saċerdot biex dan jivverifika  li dak il-bnienem kien fieq tassew, ħalli jkun jista’ jidħol lura fi-raħal tiegħu, jitħallat ma’ niesu u jingħaqad ma’ familtu. Nimmaġina li rawha stramba li Ġesù qalilhom biex imorru għand is-saċerdoti qabel il-fejqan. Iżda huma emmnu, kellhom fiduċja f’Ġesù. Li  qabdu u telqu biex jiltaqgħu mal-qassisin kien sinjal ċar li emmnu f’Ġesù u fil-Kelma tiegħu.

 Il-fejqan tagħhom seħħ meta kienu għadhom sejrin  għand il-qassisin. Matul il-mixja l-għaxra fiequ mil-lebbra. Mela, dak li Ġesù qal lis-Samaritan li reġa’ lura biex jirringrazzjah, jgħodd ukoll għad-disa’ l-oħra li baqgħu sejrin. Qallu “Il-fidi tiegħek fejqitek”. Ma nistgħux nemmnu li s-Sammaritan biss fieq. Ilkoll fiequ, għax ilkoll emmnu u għamlu dak li qalilhom Ġesù. In-nuqqas ta’ ringrazzjament minn naħa tad-disgħa ma reġġghax lura l-fejqan. Ġesù ma jaħdimx b’dan il-mod. L-imħabba ta’ Ġesù mhix kondizzjonata minn-nuqqas tal-gratitudni tagħna. Ġesù iħobbna bla qjies u għal dejjem.

Ir-raġel Samaritan kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Ġesù qabad u qal: “Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Kemm-il darba aħna, nies twajba, ninsew nirringrazzjaw lil Alla għal kull ma jagħmel magħna. Alla ma għandux bżonn il-grazzi tagħna, aħna għandna bżonn niftakru u nagħtu xhieda ta’ dak li Alla jagħmel magħna ‘l ħin kollu. Hu dmir tagħna li nagħmlu dan. Lilna wkoll Ġesù jgħidilna:  “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.


10/03/2025

IL-FIDI TIEGĦEK FEJQITEK

Darba l-appostli qalu lil Ġesù: “Kattar fina l-fidi!”. Kien qed jgħidilhom li minkejja r-rieda tajba tagħna, aħna l-bnedmin nidinbu allavolja nwegħdu sinċerament li naħarbu mill-okkażjonijiet li soltu jwaqqgħuna fid-dnub. Qalilna biex noqgħodu attenti, biex inwiddbu lil min jiżbalja, biex naħfru lil kull min jonqosna f’xi ħaġa. “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” hekk għallimna nitolbu Ġesù. Mhux faċli! Għalhekk mhux l-ewwel darba li nħossu li ma għandniex biżżejjed fidi, u mill-fond ta’ qalbna, bħall-appostli nitolbu lill-Mulej biex ikattar fina l-fidi. Għandna x-xewqa li nkunu aħjar. Din ġejja mill-istedina ta’ Ġesù biex inkunu qaddisin għax aħna wlied ta’ Missier li hu qaddis. Tajjeb niftakru li l-fidi hi don mogħti lilna u nagħmlu tajjeb li nitolbu lil Alla biex ikattrilna dan id-don.

Lill-appostli Ġesù weġibhom: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom (Lq 17:5-10). Ġesù ma riedx jinsinwa li l-Appostli ma kellhomx fidi, iżda li din ma titkejjilx bid-daqs jew bil-piż, iżda bl-użu, x’nagħmlu biha. Il-bidwi jiżra’  ż-żerriegħa għax jaf li żerriegħa merfugħa tibqa’ biss żerriegħa weħidha, waqt li miżrugħa tagħti l-frott.

Ġesù fejjaq lil waħda-mara li kienet ilha snin twal tbati bil-mard. Imbagħad din il-mara daħlet fil-folla għax qalet: “Jekk biss imiss it-tarf tal-mantar tiegħu infieq”. Hekk għamlet bla ma qalet lil ħadd. Fieqet! Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek.”(Mk 5, 34) Lill-agħma ta’ Ġeriko li kien jittallab il-karità u talab il-ħniena ta’ Ġesù u baqa’ jitlob jgħajjat, allavolja ippruvaw isikktuh. Ġesù staqsih “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej,” wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.” U minnufih beda jara, (Lq 18, 41-43).

Ġesù jisma’ t-talb tagħna meta nemmnu li se jismagħna. Sikwit nitolbu grazzji u għajnuna iżda f’qalbna jkollna d-dubju: “Tgħid se jismagħni” u sikwit noqgħodu niċċekkjaw jekk hux qed jismagħna. Din mhix fidi. Darba, Ġesù seħet siġra tat-tin li kellha ħafna weraq u ma kellhiex frott. L-għada, meta Pietru ra s-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq qal lil Ġesù: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet!” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla. Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefa’ u nxteħet il-baħar’, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom” (Mk 11, 20,24) . Kull tant naħsbu li Alla jdum wisq biex jismagħna, u naqtgħu qalbna u nieqfu nitolbu u nitwarrbu minn dak li jista’ jgħinna. Xi drabi nimmaġinaw li għandu jismagħna kif nimmaġinaw aħna. Iżda nafu li Ġesù hu ħallieq u jweġibna skont is-setgħa tiegħu bla ma nindunaw li jkun qed jismagħna, għax jaf x’inhu ta’ ġid u x’inhu l-aħjar għalina, u meta jkun l-aħjar. Mhux l-ewwel darba smajt min jgħidli “Imnalla ma semgħanix kif xtaqt jien”.  Ejjew mela nafdaw aktar fit-tjieba tal-Mulej li aċċetta li jmut għalina biex isalvana.

 

9/25/2025

L-GĦAŻLA HI F’IDEJNA

 

Ġesù qal lill-Fariżej din il-parabbola: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh”.

Il-parabbola nafuha. Ir-raġel għani kien moħħu li jgawdi kemm jista’ l-ġid li kellu.  Ma nafux mnejn ġabu dal-ġid. Kien wirtu? Ħadem bil-għaqal? Kien frott tal-korruzzjoni? Mhux li jinteressana. Anqas nafu x’jismu! Ġesù ma għandu xejn kontra l-għonja. Jixtieq li l-għana li għandhom jużawha biex jagħmlu l-ġid. Ir-raġel l-ieħor kien fqir, u ma nafux għaliex! Tgħid twieled fil-faqar? Ma kienx bil-għaqal? Min jaf! Imma nafu x’kien jismu, Lazzru. Nafu li kien marid ħafna, li kien imur ħdejn id-dar tal-għani jixxennaq li jitrejjaq b’dak li forsi kien jaqa’ mill-mejda. It-tnejn li huma mietu. Miet il-fqir u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Miet l-għani wkoll, u difnuh. Il-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja tispiċċa taħt l-art.

Il-qofol tal-parabbola hu dak li jiġri wara l-mewt tal-ġisem meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Missier, għax il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel. Kif tinbidel jiddependi minn kemm inkunu tajna kas tal-parir ta’ Ġesù: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jagħżlu lilha. Imma hu dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha! (Mt 7, 13-14). X’irridu nagħmlu biex insibu t-triq li twassal għall-ħajja? Ġesù  qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”. (Ġw  14, 6). U kif nagħmlu biex nimxu ma’ Ġesù lejn il-ħajja? Hu stess jgħidilna: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha”. (Lq 9, 23-24).

Ġesù jridna ngħixu fil-faqar? Hemm il-faqar li ħaddan “Ġesù li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom biex tistgħu tistagħnu bil-faqar tiegħu” (2Cor 8, 9). Dawk li jħaddnu dan il-faqar ikunu “Henjin ... għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5, 3). Dan it-tip ta’ faqar ngħixuh meta nkunu kapaċi ngħinu bil-ġid li jkollna lil min għandu bżonn. Ġesù qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Mhux ta’ b’xejn li l-għani sab ruħu fi tbatija kbira, għax qatt ma ġietu ħniena mill-fqir marid u bil-ġuħ jixxennaq għal ftit ikel li kien jaqa’ mill-mejda tiegħu.

Imbagħad hemm il-faqar li hu impost frott tal-ħażen tal-bnedmin, bħal serq, korruzzjoni, vjolenza, gwerer u ħwejjeġ oħra li l-bnedmin kapaċi jivvintaw. ... u dan il-faqar imur kontra r-rieda t’Alla.  Tajjeb  li kull darba li nkunu se nagħmlu xi għażla niftakru fi kliem Abraham: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati”. L-għażla hi f’idejna.

9/19/2025

14 ta’ Settembru – Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

                                                      DAĦLA  

llum il-Knisja qed tiċċelebra l-festa tal-eżaltazzjoni tas-Salib. Il-familja tagħna, qraba u ħbieb qed niċċelebraw il-ħajja ta’ Sr. Carolina Mamo tal-Little Sisters of the Poor, li llum tagħlaq xahar li ħallietna. Qed niccelebraw ukoll il-ħajja ta’ ommi Helen, li llum tagħlaq 34 sena li ħallietna.

Fil-vanġelu, se naqraw li Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.» Ejjew nerfgħu għajnejna lejn is-salib li fuq Ġesù tana t-tama ta’ ħajja bla tmiem.

Għar-Rumani s-salib kien għodda kiefra ta’ tortura biex jimponu s-setgħa tal-Imperu Ruman. Imma meta Ġesù għannaq is-salib, għax ried, biddel l-għodda ta’ kefrija f’għajn ta’ mħabba liema bħala għax ma’ hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.  

Għalhekk ejjew nifirħu f’din il-festa tas-Salib, u nirringrazzjaw lil Alla li tana din l-għajn ta’ salvazzjoni, u li minħabba fiha nemmnu li oħtna Sr. Carolina u l-mejtin kollha tagħna, nies ta’ rieda tajba, diġà qed jaraw lil Ġesù wiċċ imb’wiċċ fil-glorja tiegħu.


OMELIJA

Kienu jgħidu li għandna tliet ċertezzi f’din il-ħajja: twelidna, qed ngħixu u se mmutu. Aħna l-insara għandna ċertezza oħra: Ġesù qal: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” (Ġw 6, 51). Ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem. Hemm ix-xhieda tan-nies li raw, kielu, xorbu u tkellmu mal-uniku bniedem li kellu l-esperjenza personali tal-vera qawmien mil-mewt, Sidna Ġesù.

San Ġwann kiteb: “Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Però nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3, 1a, 2). L-Ispirtu rrivelalna li “għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh” (1 Kor 2:10).

San Pawl kiteb: “Ħuti: Kristu tassew qam mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Kulħadd skont kif imissu. L-ewwel frott hu Kristu. Warajh, dawk li huma ta’ Kristu f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier. (1 Kor 15, 20).

Aħna li nemmnu, nafu fejn sejrin, għax Ġesù qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Nieħdu sehem minn dak li wiegħed Ġesù jekk nisimgħu u nagħmlu dak li jgħidilna, jekk inżommu fina t-tama, x-xewqa sinċiera li aħna se nkunu fejn jinsab Hu.

Fl-aħħar Ċena Ġesù talab; “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int”. “M’iniex nitlob għal dawn id-dixxipli biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom (Ġw 17, 20-24). Ġesù kien qed jaħseb fina!

Fil-funerali sikwit ngħidu li se niċċelebraw il-ħajja tal-mejjet. Illum mhux qed niċċelebraw il-funeral ta’ oħti Carolina. Għalina oħti mejta. Ġisimha miet u ndifen u mhux se nerġgħu narawh kif nafuh. Iżda nafu li Carolina għadha ħajja. Min jaf kemm-il darba tul ħajjitha rċeviet l-Ewkaristija, il-ħobż li min jiekol minnu jgħix għal dejjem. Ġieni li nitkellem dwar il-ħajja li Carolina qed tgħix issa.

Ġisimna jaf biss żewġ dimensjonijiet, iż-żmien, l-“issa” u l-ispazju, “hawn”. Ma nistgħux inkunu “hawn” u xi mkien ieħor fl-istess ħin. Għalhekk ma nistgħux nifhmu x’inhi l-eternità qabel ma nduquha. Meta Ġesù  tkellem dwar il-ħajja ta’ dejjem uża kliem li nifhmuh; ikel (Ġw 6, 26), pranzu, festa li Sultan iħejji għat-tieġ ta’ ibnu” (Mt 22, 2). Nafu min hu s-Sultan. Nafu li aħna mistednin.

Allura x’qed tagħmel Carolina? Qed tiehu sehem f’din il-festa li Alla ħejja għalina lkoll. Nemmen li diġà qed tgawdi s-sbuħija ta’ Alla għax qed tarah wiċċ imb’wiċċ, ħaġa li aħna għad ma nistgħux ingawduha jekk mhux meta nħarsu lejna l-bnedmin magħmula xbiha tiegħu u lejn il-ħlejjaq, kollha xogħol idejh. Nemmen li malli mmutu niltaqgħu ma’ dawk li tgħallimna nħobbu fuq din l-art: ġenituri, aħwa, qraba, ħbieb...

Aħna d-Dumnikani kull filgħaxija niftakru dak li San Duminku qal lil dawk li kienu qed jibku għax kien qed imut. Qalilhom “Wara mewti nkun nista’ nagħmlilkom ġid aktar milli għamiltilkom f’ħajti”.  L-istess ħaġa tgħidhilna Sr. Carolina, “Jiena aktar utli għalikom fejn qegħda”. Għalhekk, ma nibżgħux nitolbuha tgħinna u tidhol għalina quddiem Ġesù, u nirringrazzjawha. Hi qed tarah wiċċ imb’wiċċ fil-Ġenna, fejn hemm imħabba bla qjies.

Fit-18 ta’ Awwissu meta f’Torino, l-Italja, kienu qed jċċelebraw il-funeral ta’ Carolina, fil-knisja tagħna jiena qaddist għal ruħha. Billi n-nies ma kienux jafu min hi din Sr. Carolina, għidtilhom xi ħaġa fuqha. Għidtilhom li mietet fl-14 ta’ Awwissu, li kien il-birthday tagħha. Ġieni li ngħidilhom li stħajjilt lil Ġesù  jgħidilha: “Carolina, ħallejtek tiċċelebra l-birthday tiegħek ma’ ħutek is-sorijiet li kienu qed jitolbu miegħek u għalik. Il-lejla però se nieħdok miegħi biex tifraħ magħna fil-Ġenna fil-Festa tat-Tlugħ fis-sema ta’ Ommi u ommok. Ejja!”. U mietet.

Bqajt impresjonat għax ma nafx mnejn ġieni dal-ħsieb.