11/29/2025

L-EWWEL ĦADD TAL-AVVENT

Illum il-Knisja tiċċelebra l-Ewwel Ħadd tal-Avvent u nibdew Sena Liturġika Ġdida. L-ewwel ħaġa  li nagħmlu hi li nibdew inħejju ruħna biex niċċelebraw lil Ġesù, veru Alla u veru bniedem, li twieled minn Marija ta’ Nazaret, xebba li saret omm u baqgħet verġni għax dak li sar permezz tagħha kien kollu ħidma tal-Ispirtu s-Santu li qabel, talab il-kunsens tagħha permess tat-tħabbira tal-anġlu Gabriel. Dan ma qalilhiex biss x’kien il-pjan ta’ Alla għaliha, iżda qagħad jistenna t-tweġiba tagħha. It-tfajla qagħdet taħseb fuq dak li qalilha l-anġlu u staqsietu: “Kif nista’ nsir omm la darba ma kellix x’naqsam ma raġel?”. L-anġlu qalilha li dan kien se jsir bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Alla l-Għoli kien se jixħet il-qawwa tad-dell tiegħu fuqha u dak li kien se jitwieled minnha kien se jkun qaddis u jissejjaħ Bin Alla. Wara din l-ispjega Marija, xebba għaqlija, wieġbet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” u l-Anġlu telaq minn quddiemha.

Din kienet l-ewwel stennija tat-twelid tal-Iben t’Alla magħmul bniedem bla ma tilef in-natura divina tiegħu.  Kif għaddietu dan iż-żmien tat-tqala tagħha, Marija? Ma naħsibx li x-xbejba ta’ Nazaret fehmet kulma qalilha l-Anġlu, iżda fejn ma fehmitx, staqsietu, u nimmaġina li għaddiet żmien fit-talb, forsi wkoll titkellem mal-iben li kien qed jikber fil-ġuf tagħha.  Kellha l-faċendi tad-dar x’tagħmel u ma ħlietx żmien fil-vojt. Anzi, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li tmur għand il-qariba tagħha Eliżabetta biex tgħinha għax din, fi xjuħitha kienet se twelled iben u dak kien diġà s-sitt xahar tat-tqala tagħha.

Din l-istennija għat-twelid tal-Iben t’Alla tista’ tgħinna nirriflettu dwar kif għandna niċċelebraw l-Avvent li qed nibdew illum. Tajjeb li noqgħodu nimmeditaw u nimmaġinaw x’għamlet ix-xbejba ta’ Nazaret u nippruvaw nimitawha kif nistgħu u kemm nistgħu biex ma naħlux wisq ħin u enerġija fit-tħejjija għall-festi, għar-rigali u affarijiet oħra li issa saru drawwiet ta’ preparazzjoni għall-festa tal-Milied. Tajjeb li bħal Marija lkoll inħejju lilna nfusna biex nilqgħu fi ħdanna  lil-Ġesù li qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Nistgħu nfittxu li nirċevuh fl-Ewkaristija, biex Ġesù jiġi jgħammar ġewwa fina, u nitkellmu miegħu bħalma nitkellmu man-nies li nħobbu, ħalli nsiru ħbieb tiegħu ta’ veru.

Aħna rridu niftakru li l-Knisja tistedinna niċċelebraw tliet żminijiet tal-Avvent. L-ewwel wieħed hu dak li jfakkarna fl-imgħoddi, li l-Milied  seħħ tassew u Alla wettaq il-wegħda tiegħu u niċċelebraw il-miġja tal-Messija. It-tieni hu dak li jrid iħejjina għall-ġejjieni meta Alla jwettaq il-wegħda tat-tieni miġja ta’ Ġesù bħala mħallef biex  iħabbar is-sentenza tal-ġudizzju skont kemm aħna nkunu tajna widen għal dak li qalilna hu. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, hemm l-Avvent li l-Knisja u aħna nixtiequ li jseħħ fina fil-preżent, tul ħajjitna, għaliex hu f’dan il-mument ta’ issa, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum biss nistgħu nistiednu u nilqgħu lil Ġesù ġo qalbna u f’ħajjitna. Fil-Ktieb tal-Apokalissi Alla jgħidilna: “Lil dawk li nħobb, jiena nwiddibhom u rrażżanhom. Mela tħeġġeġ u indem. Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu” (Ap 3, 19-21).

Mela, l-Avvent irid ifakkarna fi tliet affarijiet: Kristu ġie, Kristu jerġa’ jiġi, Kristu qiegħed fostna jistedinna nsiru ħbieb tiegħu u nħalluh jgħix ġo fina. San Pawl iħeġġiġna: “Ħuti, waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu... Ejjew ngħixu kif jixraq” (Rm 13, 11.13). Kunu mħejjija għat-tieni miġja tiegħu għax “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf xejn meta se jaslu ħlief il-Missier waħdu ... Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom”.(Mt 24, 36.42)

 

 

 


No comments:

Post a Comment