DAĦLA
Fil-vanġelu, se naqraw li Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert,
hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu
l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex
kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.» Ejjew
nerfgħu għajnejna lejn is-salib li fuq Ġesù tana t-tama ta’ ħajja bla tmiem.
Għar-Rumani
s-salib kien għodda kiefra ta’ tortura biex jimponu s-setgħa tal-Imperu Ruman. Imma
meta Ġesù għannaq is-salib, għax ried, biddel l-għodda ta’ kefrija f’għajn ta’
mħabba liema bħala għax ma’ hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti
ħajtu għal ħbiebu.
Għalhekk ejjew nifirħu f’din il-festa tas-Salib, u nirringrazzjaw lil Alla li tana din l-għajn ta’ salvazzjoni, u li minħabba fiha nemmnu li oħtna Sr. Carolina u l-mejtin kollha tagħna, nies ta’ rieda tajba, diġà qed jaraw lil Ġesù wiċċ imb’wiċċ fil-glorja tiegħu.
OMELIJA
Kienu jgħidu li
għandna tliet ċertezzi f’din il-ħajja: twelidna, qed ngħixu u se mmutu. Aħna
l-insara għandna ċertezza oħra: Ġesù qal: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel
mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” (Ġw 6, 51).
Ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem. Hemm ix-xhieda tan-nies
li raw, kielu, xorbu u tkellmu mal-uniku bniedem li kellu l-esperjenza
personali tal-vera qawmien mil-mewt, Sidna Ġesù.
San Ġwann kiteb:
“Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat
lilna. Però nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1
Ġw 3, 1a, 2). L-Ispirtu rrivelalna li “għajn qatt ma rat u widna qatt ma
semgħet, u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li
jħobbuh” (1 Kor 2:10).
San Pawl kiteb:
“Ħuti: Kristu tassew qam mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Bħalma
l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Kulħadd
skont kif imissu. L-ewwel frott hu Kristu. Warajh, dawk li huma ta’ Kristu
f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn
Alla l-Missier. (1 Kor 15, 20).
Aħna li nemmnu,
nafu fejn sejrin, għax Ġesù qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Nieħdu
sehem minn dak li wiegħed Ġesù jekk nisimgħu u nagħmlu dak li jgħidilna, jekk
inżommu fina t-tama, x-xewqa sinċiera li aħna se nkunu fejn jinsab Hu.
Fl-aħħar Ċena
Ġesù talab; “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn
inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int”. “M’iniex
nitlob għal dawn id-dixxipli biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija
bis-saħħa tal-kelma tagħhom (Ġw 17, 20-24). Ġesù kien qed jaħseb fina!
Fil-funerali
sikwit ngħidu li se niċċelebraw il-ħajja tal-mejjet. Illum mhux qed niċċelebraw
il-funeral ta’ oħti Carolina. Għalina oħti mejta. Ġisimha miet u ndifen u mhux
se nerġgħu narawh kif nafuh. Iżda nafu li Carolina għadha ħajja. Min jaf
kemm-il darba tul ħajjitha rċeviet l-Ewkaristija, il-ħobż li min jiekol minnu
jgħix għal dejjem. Ġieni li nitkellem dwar il-ħajja li Carolina qed tgħix issa.
Ġisimna jaf biss
żewġ dimensjonijiet, iż-żmien, l-“issa” u l-ispazju, “hawn”. Ma nistgħux inkunu
“hawn” u xi mkien ieħor fl-istess ħin. Għalhekk ma nistgħux nifhmu x’inhi
l-eternità qabel ma nduquha. Meta Ġesù
tkellem dwar il-ħajja ta’ dejjem uża kliem li nifhmuh; ikel (Ġw 6, 26),
pranzu, festa li Sultan iħejji għat-tieġ ta’ ibnu” (Mt 22, 2). Nafu min hu
s-Sultan. Nafu li aħna mistednin.
Allura x’qed
tagħmel Carolina? Qed tiehu sehem f’din il-festa li Alla ħejja għalina lkoll.
Nemmen li diġà qed tgawdi s-sbuħija ta’ Alla għax qed tarah wiċċ imb’wiċċ, ħaġa
li aħna għad ma nistgħux ingawduha jekk mhux meta nħarsu lejna l-bnedmin
magħmula xbiha tiegħu u lejn il-ħlejjaq, kollha xogħol idejh. Nemmen li malli
mmutu niltaqgħu ma’ dawk li tgħallimna nħobbu fuq din l-art: ġenituri, aħwa,
qraba, ħbieb...
Aħna d-Dumnikani
kull filgħaxija niftakru dak li San Duminku qal lil dawk li kienu qed jibku
għax kien qed imut. Qalilhom “Wara mewti nkun nista’ nagħmlilkom ġid aktar
milli għamiltilkom f’ħajti”. L-istess
ħaġa tgħidhilna Sr. Carolina, “Jiena aktar utli għalikom fejn qegħda”.
Għalhekk, ma nibżgħux nitolbuha tgħinna u tidhol għalina quddiem Ġesù, u
nirringrazzjawha. Hi qed tarah wiċċ imb’wiċċ fil-Ġenna, fejn hemm imħabba bla
qjies.
Fit-18 ta’
Awwissu meta f’Torino, l-Italja, kienu qed jċċelebraw il-funeral ta’ Carolina, fil-knisja
tagħna jiena qaddist għal ruħha. Billi n-nies ma kienux jafu min hi din Sr.
Carolina, għidtilhom xi ħaġa fuqha. Għidtilhom li mietet fl-14 ta’ Awwissu, li
kien il-birthday tagħha. Ġieni li ngħidilhom li stħajjilt lil Ġesù jgħidilha: “Carolina, ħallejtek tiċċelebra
l-birthday tiegħek ma’ ħutek is-sorijiet li kienu qed jitolbu miegħek u għalik.
Il-lejla però se nieħdok miegħi biex tifraħ magħna fil-Ġenna fil-Festa tat-Tlugħ
fis-sema ta’ Ommi u ommok. Ejja!”. U mietet.
Bqajt
impresjonat għax ma nafx mnejn ġieni dal-ħsieb.
No comments:
Post a Comment