10/17/2025

ITOLBU LI TRIDU

 Darba Ġesù qal parabbola biex lid-dixxipli tiegħu jurihom li għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom. Qalilhom: “Kien hemm imħallef li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel  rasu minn ħadd. Kien hemm ukoll mara armla, li kienet tmur għand l-imħallef titolbu jagħmel dmiru u jiddeċiedi l-kas tagħha. Dan darba qagħad jaħseb: “Jien ma nibżax minn Alla u ma nħabbilx rasi min-nies. Iżda din l-armla qed iddejjani ġejja u sejra teħodli rasi. Jaqbilli naqdiha għax sa  tifnini”. Hekk għamel u kkuntentaha (Ara Lq 18:1-8).

B’din il-parabbola Ġesù ma riedx iqabbel lil Alla mal-imħallef ħażin, ried biss jagħtina l-eżempju tal-armla li ma qatgħetx qalba u baqgħet tinsisti biex l-imħallef jaqdiha.

Ġesù qalilna: “Meta titlob lil Alla Missierek tagħmilx bħall-pagani. Dawn jaħsbu li aktar ma jgħidu, aktar jinstemgħu. Ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem “għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom”. (Mt 6,  6-8). Iridna nitolbu dejjem, għax il-perseveranza fit-talb tfisser fidi, fiduċja, imħabba. Tana eżempju ta’ kif għandna nitolbu sewwa. Qalilna, mela itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet...” Ġesù ma jridniex ‘ngħidu’ ħafna talb iridna nsaħħu fina spirtu ta’ talb. Jiġifieri jridna nitkellmu miegħu bħalma l-ulied jitkellmu mal-ġenituri tagħhom b’imħabba, fiduċja, fidi u rispett. Inkella nkunu qed ngħidu biss kliem vojt. Hu għalhekk li fi tmiem il-parabbola Ġesù jistaqsi : “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”. Nibża’ li ħafna drabi jsibna ngħidu ħafna talb mingħajr ma nkunu qed nitolbu ta’ veru, jekk moħħna u qalbna jkunu xi mkien ieħor. Ġieli waqt li nkunu qed ngħidu r-Rużarju, jiġuna ħsibijiet mingħajr ma nkunu rriduhom, ħafna drabi jkunu problemi li nkunu qed inħabbtu wiċċna magħhom u li għalihom Alla jkun qed jitlobna tweġiba u ngħidulu, “Ħa jkun li trid int, irrid nagħmel ir-rieda tiegħek. Inkunu qed nagħmlu bħall-Madonna waqt it-tħabbira tal-Anġlu meta qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek”. Allura, dak li qed insejħulha distrazzjoni, jista’ tkun messaġġ mingħand Alla dwar x’jixtieq minna.

Għalfejn nitolbu? Nitolbu biex inkunu bħal Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, u hekk inkunu qed nitolbu mal-Knisja u bħala Knisja, għax aħna parti mil-Ġisem mistiku ta’ Kristu anke meta nkunu qed nitolbu d-dar u weħidna.

Ġesù qalilna: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu” (Mt 7. 7-8). X’nistgħu nitolbu? Ġesù qalilna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom” (Ġw 15. 7). Naturalment ma nistgħux nitolbuh jagħmel dak li jmur kontra r-rieda tiegħu. Billi Alla huwa mħabba ma nistgħux nitolbu affarijiet li jmorru kontra l-imħabba, il-ġustizzja u dak li hu tajjeb.

Aħna ma nitolbux biex Alla jagħmel dak li rridu aħna. Nitolbu biex inqabblu xewqitna mar-rieda tiegħu, u hekk nagħmlu dak li l-Madonna qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Hekk nindunaw li Alla dejjem jismagħna u jagħtina aktar minn dak li għandna l-ħila nitolbuh. Għalhekk, kull meta nitolbu tajjeb li naħsbu x’jixtieq minna Alla  u li qatt ma ninsew nirringrazzjawh għal kull ma jagħmel magħna, speċjalment għal dak li ma nindunawx li jkun diġà tahulna.

 

 

No comments:

Post a Comment