10/31/2025

ĠESÙ TASSEW SULTAN

 

Bdejna x-xahar ta’ Novembru li jimmarka għeluq is-sena liturġika tal-Knisja tagħna. Fil-fatt l-aħħar Ħadd ta’ dan ix-xahar din is-sena huwa l-ewwel Ħadd tal-Avvent, u nibdew sena liturġika ġdida. Tul dan ix-xahar se  jkollna quddiemna x’inhi l-Knisja mwaqqfa minn Sidna Ġesù.  

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tfakkarna li hi l-Familja li tiġbor fiha bnedmin li għażlu li jgħixu skond ix-xhieda, l-eżempju u t-tagħlim li ħadu mingħand dawk li Ġesù sejjaħ, għażel, rawwem u bagħat madwar id-dinja kollha biex iwasslu t-tagħlim li hu tahom bil-kelma u l-eżempju. Din il-Familja  tiġbor fiha l-bnedmin kollha li qatt għexu jew li għad jgħixu fuq din l-art. Fost dawn naturalment ninsabu aħna li qed ngħixu bħalissa l-mixja tal-ħajja. Aħna għandna tliet ċertezzi, li twelidna, li qed ngħixu u li se mmutu. Min għandu l-fidi jemmen ħaġa oħra jiġifieri li bil-mewt l-ħajja ma tintemmx, tinbidel, għax minn din id-dinja aħna se nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem, fl-eternità. Aħna ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem u għalhekk nibżgħu mill-mewt. Għandna t-tagħlim li twasslilna l-Knisja li hu msejjes fuq il-ħajja, l-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù. Kif igħidilna San Pawl “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Il-bnedmin imutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1Kor 15, 20-23) .

Fl-ewwel ta’ Novembru l-Knisja tfakkarna fil-qaddisin kollha, l-bnedmin kollha li mietu fil-grazzja t’Alla u jinsabu fil-glorja tal-ġenna. Kif jgħidilna l-appostlu San Ġwann:  “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu. (1Ġw 3, 1-3).

Fil-liturġija tal-Għid tal-Imwiet il-Knisja trid tgħidilna li qaddisin mhumiex biss dawk li huma kanonizzati, u allura nafu bihom. Qaddisin huma dawk kollha li ppruvaw jgħixu ta’ wlied Alla. Għax Alla ma jwarrab lil ħadd li permezz ta’ Ibnu sar wieħed jew waħda minn uliedu. Ma dawn insemmu wkoll lil dawk li għadhom f’mument ta’ purifikazzjoni u li aħna nsejħulhom l-Erwieħ tal-Purgatorju. Il-knisja tistedinna nitolbu għalihom biex ngħinuhom f’dan il-mument ta’ purifikazzjoni u nitolbu lilhom biex jgħinuna fil-mixja tagħna fuq din l-art għaliex dawn huma diġà salvi. Billi aħna li għadna ħajjin ninsabu limitati miż-żmien u mill-post,  nitkellmu dwar l-affarijiet tal-ħajja ta’ dejjem skont il-vokabularju tagħna l-bnedmin u nesprimu ruħna bi kliem li bihom aħna niftehmu bejnietna.

Qrib l-aħħar tax-xahar il-Knisja tistedinna niċċelebraw is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala s-Sultan tal-Ħolqien Kollu. Huwa importanti li niċċelebraw din is-solennità mhux tant biex nagħtu titlu ieħor lil Sidna u Ħuna Ġesù, iżda għaliex dak kollu li għidna hawn, u dak kollu li niċċelebraw matul is-sena jagħmel sens jekk aħna nemmnu u ngħixu ta’ bnedmin bil-għaqal li jgħixu skond ir-rieda ta’ dan li wera li hu Sultan veru tagħna, li ma jsaltanx fuqna minn fuq tron tad-deheb. It-tron tiegħu hu salib kiefer, li fuqu kien hemm dikjarazzjoni ta’ Pilatu: “Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud” b’diversi lingwi. Pilatu kitibha bħala żeblieħ, iżda żbalja għax Ġesù veru li hu Sultan, mhux biss tal-Lhud, imma tagħna lkoll għaliex ma tax ħajtu għall-Lhud biss imma għall-bnedmin kollha li jaċċettawh bħala Feddej u Salvatur tagħhom, li jsaltan verament f’moħħhom u f’qalbhom.

No comments:

Post a Comment