F’dak iż-żmien, kien hemm xi
wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet;
iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla
fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan
meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex
iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u
jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min
jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel
jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.
Imbagħad qalilhom... Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u
jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom
il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun
jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux
taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u
għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.
U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u
ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba
f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ
sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!” (Lq 21:5-19).
Mnejn kien qiegħed, Ġesù seta’ jara l-moviment li kien hemm fit-tempju w madwaru. Kien hemm min kien qed jammira s-sbuħija tat-tempju u min kien qed jagħti kas tal-offerti li n-nies kienu qed jagħtu għat-teżor tat-tempju.
Ġesù ma kienx qed iħares biss,
kien qed jara. Ra li l-offerti li s-sinjuri
kienu qed jagħtu kienu miż-żejjed li kellhom. Ra li armla fqira offriet biċċtejn
żgħar tal-flus, u li dawn kienu kulma kellha biex tgħix. Tat kollox!
Ġesù jara, jifhem u japprezza dak li jkun qed jiġri madwaru. Kien qed
jara l-ġejjieni. Kien qed jara li mhux biss it-tempju kellu jinqered, iżda
wkoll is-sbuħija tal-verità u tal-paċi. Qalilhom li kienu se jiġu ħafna f’ismu
u jgħidu “iż-żmien wasal”, u jbassru il-miġja tal-aħħar tad-dinja. Qalilhom:
“Tinħasdux, tmorrux warajhom”. Qabel dan, il-mexxejja tas-sinagoga kellhom
iduru kontrihom, jakkużawhom u jitfugħom il-ħabs minħabba f’ismu. Qalilhom dan
mhux biex ibeżżagħhom, iżda biex jgħallimhom u jħejjihom għax-xhieda li kellhom jagħtu dwaru
u dwar it-tagħlim tiegħu.
Minħabba l-persekuzzjonijiet dawk li kienu ta’ Kristu, ġew imferrxa
mad-dinja kollha. Dawn, kull fejn waslu waqqfu komunitajiet ta’ nsara,
għall-ewwel żgħar iżda li kibru u taw il-frott. Kif qal Tertuljanu xi żewġ sekli
wara Kristu: “Id-demm tal-martri huwa ż-żerriegħa tal-Insara, ż-żerriegħa
tal-Knisja ta’ Kristu”. Għamlilhom il-kuraġġ għax qalilhom li ma kienx hemm
għalfejn jinkwetaw dwar kif kellhom jiddefendu ruħhom għax hu kien se jkun
magħhom u jagħtihom kliem u għerf li ħadd ma jkun jista’ jmerih. U li min jibqa’ fidil lejn Kristu żgur li
jkollu l-ħajja ta’ dejjem, għaliex Ġesù hu t-triq il-verità u l-ħajja, ħadd ma
jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħu. ( Ġw 14, 6).

No comments:
Post a Comment