6/08/2025

X’NISTA’ NOFFRI LIL ALLA U LIL ĦUTI?

“Meta kien għadu mad-dixxipli tiegħu, Ġesù ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha”, smajtu x’kont għedtilkom. Jiġifieri, li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu.” … Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, id-dixxipli kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.” (Atti 1, 4-5; 2,1-4)

Illum qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Għid il-Ħamsin meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli li mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u kienu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla (Lq 24, 52-53). Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu nisslet fihom dawk id-doni li kellhom bżonn biex  minn bnedmin beżgħanin jagħtihom il-fidi, t-tama u l-imħabba, il-kuraġġ li jmorru madwar id-dinja jxandru l-aħbar li Ġesù hu s-Salvatur għaliex huwa t-triq, il-verità u l-ħajja.

Jekk nistaqsu dwar id-doni tal-Ispirtu s-Santu tajjeb niftakru fi kliem San Pawl lir-Rumani: “Aħna għandna doni differenti skont il-grazzja li Alla tana; jekk għandna d-don tal-profezija, ħa nħaddmuh skont il-qjies tal-fidi; jekk għandna d-don tal-ministeru, ħa nservu; min għandu d-don tat-tagħlim, ħa jgħallem; min id-don tat-tħeġġiġ, ħa jħeġġeġ; min id-don tat-tqassim, ħa jqassam b’idejh miftuħa; min għandu l-awtorità fuq l-oħrajn, ħa jmexxi bil-ħerqa; min id-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ (Rum 12, 6-8).

Mela, tajjeb li nistaqsi lili nnifsi: “X’inhuma l-kapaċitajiet materjali u spiritwali li bihom nista’ nxandar kemm hu kbir, sabiħ u ħanin Alla li jismagħni, jinkuraġġini u jgħinni kull meta nitolbu. L-aħħar wegħda ta’ Ġesù hi:  “Ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt. 28, 20).


No comments:

Post a Comment