Illum mill-Ktieb tal-Proverbji (Prov 8,22-31) smajna l-qari li jgħid “Dan jgħid il-Għerf ta’ Alla: Il-Mulej kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu, sa minn qabel l-eqdem għemejjel tiegħu. Jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu, nitliegħeb il-ħin kollu quddiemu; fuq l-art imħejjija għall-bnedmin.”Fid-daħla tal-Evanġelju tiegħu, San Ġwann igħidilna l-istess ħaġa fi kliem ieħor: “Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; u l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu. Il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.” (Ġw 1, 1-3. 14).
Wara Pentekoste, il-festa taI-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli miġbura Familja waħda ma’ Marija, Omm Alla u ommna, illum qed nagħmlu l-festa tat-Trinità Mqaddsa, u se nitkellmu dwar Alla, kif ippreżentahulna Sidna Ġesù.
Li Alla jeżisti hi ħaġa li nistgħu naslu għaliha bl-intelliġenza tagħna, għaliex sa mill-bidu nett il-bniedem kellu l-esperjenza li jitħaddet ma’ Alla u jaħdem miegħu. Matul iż-żmien il-bniedem beda jipprova jifhem min kien Alla u l-ħolqien ta’ madwaru. Minn dak kien jammira beda jagħmel allat, beda jqimhom u jibża minnhom. Iżda Alla għażel għalih poplu u permezz ta’ Abraham għallmu jemmen li hemm Alla wieħed.
Meta wasal iż-żmien Alla bagħat fid-dinja lil Ibnu, li kien miegħu sa minn qabel il-ħolqien taż-żmien u tad-dinja. Bin Alla sar bniedem veru, bħalna, mingħajr ma tilef id-divinità tiegħu. Ġesù ġie biex ikellimna dwar Alla. Qalilna li hu Missieru. Qalilna li jekk nemmnu li Alla ħalaqna xbiha tiegħu, aħna wliedu, u aħna lkoll aħwa. Jekk aħwa, jeħtieġ li nħobbu lil xulxin, kif iħobbna Hu
Tul ħajtu fuq l-art Ġesù qatt ma waqaf jitkellem ma’ Missieru u dwar Missieru u għallimna nsejħulu Missier u li nistgħu nitolbuh kull ma hu tajjeb għalina u għal ħutna kollha. Biex ifiehemna ftit min hu Alla, uża xbiha li nistgħu nifhmuha, il-familja li fiha nitwieldu, li tgħinna nikbru fl-età, fil-għaqal u fl-imħabba. B’dan il-mod qalilna li Missieru mhux Alla solitarju, ta’ waħdu u ma jimpurtah minn ħadd, għax b’saħħtu. Qalilna li Alla hu wieħed fi tliet persuni, mhux tliet Allat. Hu sejħilhom Missier, Iben u Spirtu Santu. Aħna l-bnedmin tgħallimna nsejħulu l-misteru tas-Santissma Trinità. Misterju ta’ veru, tant li bil-ħila tagħna ma konniex insiru nafu li jeżisti kieku ma kienx Ġesù nnifsu li ħabbarulna.
Tajjeb mela li nisimgħu dak li Ġesù qalilna fl-evanġelju li naqraw fil-quddiesa llum. Wara li ħasel riġlejn id-dixxipli Ġesù qalilhom: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi l-Ispirtu tal-verità, hu jwassalkom għall-verità kollha; għaliex ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi”. (Ġw 16, 12-15).
X’qed jagħmel l-Ispirtu s-Santu? Qed jgħinna nitgħallmu aktar dwar il-fidi tagħna u l-imħabba li għandha ssaltan f’qalbna biex inżommu ħajja ġewwa fina t-tama ta’ ħajja għal dejjem fil-glorja tat-Trinità qaddisa. Ġesù talab: “Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna” (Ġw 17, 11).
6/14/2025
BAQAGĦLI ĦAFNA ĦWEJJEĠ X’NGĦIDILKOM
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment