Darba, Ġesù sejjaħ lit-tnax l-appostlu
madwaru, u bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. Meta temmew din
il-missjoni l-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x’kienu għamlu; imbagħad
ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. Imma l-folol saru
jafu fejn mar u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna
ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan.
Il-jum kien wasal biex jintemm. L-appostli resqu
lejn Ġesù u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u l-irziezet tal-qrib
biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post
imwarrab”. Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”.
Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ
ħutiet". Kien hemm madwar ħamest elef raġel.
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom
bilqiegħda ħamsin ħamsin”. Hekk għamlu. Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ
ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli
biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien
fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa. (Ara Lq 9, 1-17).
L-istorja tat-tkattir tal-ħobż nafuha, fiha ħafna tagħlim x’nisiltu minn dar-rakkont ta’ San Luqa. L-erbgħa Evanġelisti jirrakkuntawha din il-ġrajja. Ilkoll isemmu d-diffikultà li l-appostli kellhom biex jagħtu l-ikel lill-folla ta’ aktar minn ħamest elef raġel. Ħasbu li l-aħjar soluzzjoni kienet li kulħadd jaħseb għal rasu. Din lil Ġesù ma għoġbitux, għax meta kulhadd jaħseb għal rasu, dejjem ikunu l-ftit li jirnexxilhom jieħdu ħafna u l-ħafna jilħqu jieħdu biss ftit jew jibqgħu b’xejn. Ġesù jixtieqna nitgħallmu naqsmu bejnietna l-ġid li jkollna u ngħinu lil xulxin. Aħna lkoll ulied Alla. Għalhekk qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Weġbuh: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”. Qalilhom biex ipoġġu lin-nies bil-qiegħda. Kien jaf x’se jagħmel. Ħa l-ħobż u l-ħut, ħares lejn is-sema, berikom, qasamhom, tahom lid-dixxipli biex iqassmuhom lin-nies. Kulħadd kiel kemm ried u li fadal tal-ħobż ġabruh fi tnax-il qoffa. Alla jaf ikattar il-ftit li noffrulu!
“Agħtuhom intom x’jieklu” hi sejħa vokazzjonali. Ġesù għażel tnejn u sebgħin raġel ieħor u bagħathom tnejn tnejn
qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur. Qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma
l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad
tiegħu” (Lq 10, 1-3). Tajjeb li niftakru li l-kelma ta’ Ġesù biex nitolbu lil
sid il-ħsad mhix tant biex ngħidulu x’għandu jagħmel hu, iżda hija stedina biex
inħejju lilna nfusna u naċċettaw is-sejħat tiegħu biex ngħixu ħajja nisranija. Għandna
l-eżempju tal-Madonna li għat-tħabbira tal-Anġlu wieġbet: “Ara, jiena
l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”. Għandna l-eżempju tal-appostli
li meta Ġesù sejħilhom ħallew kollox u marru warajh. Għadu ħaj f’moħħi dak li
meta kont għadni ġuvnott kienet tgħidli ommi: “Itlob lil Ġesù biex jgħidlek x’jixtieq
minnek”.
Kemm ngħiduhom minn qalbna l-kliem “Ikun li
trid int” meta ngħidu t-talba li għallimna Ġesù? Ma nibżgħux nemmnu u nwieġbu "Iva" għal dak
li jitlobna Alla għax hu jieħu ħsieb ikattar dak il-ftit li noffrulu. B’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet Ġesù ta jieklu
lil aktar minn ħamest elef raġel.
No comments:
Post a Comment