Illum il-Knisja qed tisedinna naħsbu fuq iż-żjara li l-Madonna għamlet lill-qariba tagħha Eliżabetta. Din hi żjara li tista' tgħallimna ħafna. Nixxtieq niġbed l-attenzjoni għal ħaġa waħda. Naraha interessanti ħafna li San Luqa jgħidilna li malli Gabrijel ircieva l-kunsens tax-xebba ta' Nażaret għall-pjan ta' Alla biex minnha jitwieled iben li jkun opra tal-Ispirtu s-Santu, "l-anġlu telaq minn quddiemha".
Ir-reazzjoni ta' Alla l-Missier għall-kunsens ta' Marija, x-xebba ta' Nażaret, San Luqa jagħtihielna permezz ta' Eliżabetta, li kienet fis-sitt xahar tat-tqala tagħha bit-tarbija li kellha tkun il-Prekursur, ta' bin ix-xebba Marija, Ġesù "li jissejjaħ Bin Alla". Din il-mara anzjana, malli semgħet it-tislima tax-xebba Marija "mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek" u kompliet tgħidilha,: "Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej". It-tqala tax-xebba bla mittiefsa, Marija, u dik tal-anzjana Eliżabetta, li ma setax ikollha tfal, kienu xogħol tal-Ispirtu s-Santu, "għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir".
L-eżempju ta' dawn iż-żewġ nisa huwa stedina għalina biex naċċettaw b'kuraġġ u b'fiduċja s-sejħat li jagħmlilna l-Ispirtu s-Santu biex naħdmu id f'id miegħu ħalli nibnu dinja aħjar. Kien għalhekk li Ġesù sar bniedem bħalna biex aħna ngawdu l-ħajja fil-milja tagħha issa, fuq din l-art. Dan hu l-proġett ta' Alla għalina. Din hi wkoll ix-xewqa tagħna. Mela, ejjew ngħidu "IVA" kull darba li l-Ispirtu t'Alla jistedinna: "Int imxi warajja". Iva tassew hienja jkunu dawk li jaċċettaw is-sejħat li jagħmlilhom l-Ispirtu Mqaddes t'Alla.
No comments:
Post a Comment