Il-Fariżej u s-Sadduċej talbu lil-Ġesù jagħtihom sinjal mis-sema. Ma kienux ifittxu s-sewwa. Riedu jġarrbuh. Hu Weġibhom: “Ebda sinjal ma jingħatalkom ħlief dak ta’ Ġona.” Ġesù ħalliehom b’hekk u telaq.
Huma u jaqsmu għax-xatt l-ieħor Ġesù qal lid-dixxipli: “Iftħu
għajnejkom, u oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u tas-Sadduċej!” Ma
fehmuhx! Qalilhom: “Kif ma ntbaħtux li mhux għall-ħobż għedtilkom, imma
mit-tagħlim tagħhom!”
Meta waslu fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa
lid-dixxipli tiegħu: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” Weġbuh: “Xi
wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed
mill-profeti.” “Imma intom, min tgħidu li jien?” qalilhom. Qabeż Xmun Pietru u
qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.”
Ġesù qallu: “Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm
urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. Jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja
tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah
tas-Saltna tas-Smewwiet. Kulma torbot
fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul
fis-smewwiet. (Ara Mt 16: 1-19)
Qed niċċelebraw is-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, l-Imnarja. Fit-22
ta’ Frar niċċelebraw il-Kattedra ta’ San Pietru u fil-25 ta’ Jannar il-Konverżjoni
ta’ San Pawl. Nistaqsi jekk hemmx għalfejn niċċelebraw b’solennità akbar liż-żewġ
appostli flimkien? Inwieġeb: “Iva, għaliex meta niċċelebrawhom flimkien, mhux
qed niċċelebraw tant lilhom, daqskemm dak li flimkien jirrappreżentaw,
jiġifieri il-Knisja ta’ Kristu”. Fl-Aħħar Ċena Ġesù lil Pietru tah missjoni
importanti. Qallu: “Pietru, illum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal
tliet darbiet li tafni! Iżda jiena talbt għalik biex il-fidi tiegħek ma tiġix
nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa wettaq lil ħutek” (Lq 22, 31)
Kien qallu: “inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi”. Wara
l-esperjenza qarsa taċ-ċaħda, Pietru kellu l-esperjenza tal-konverżjoni,
bil-missjoni li jsaħħaħ lid-dixxipli ħutu.
Pawlu kien għadu Sawlu fi triqtu lejn Damasku meta kellu l-esperjenza
tal-konverżjoni. Sama’ leħen li qallu “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed
tippersegwitani?” Hu wieġeb: “Min int, Mulej?” u l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù,
li int qiegħed tippersegwita. Qum, idħol il-belt, u hemmhekk jgħidulek
x’għandek tagħmel”.
F’Damasku il-Mulej deher lil wieħed dixxiplu jismu Ħananija. Qallu:
“Mur fid-dar ta’ Ġuda, staqsi għal wieħed jismu Sawlu minn Tarsu”. Ħananija kien
jibża’ minn Sawlu. Ġesù qallu: “Tibżax, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula
minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael”
(Atti 9,1-22).
X’hemm li jgħaqqad dawn iż-żewġ appostli? Mhux Wisq! Wieħed kien
sajjied, l-ieħor kien Fariżew istruwit u żelanti. It-tnejn saru jħobbu lil Ġesù
b’qalbhom kollha. It-tnejn kienu magħżula minn Ġesù nnifsu f’munenti differenti.
Ta’ karattru differenti għarfu jaħdmu flimkien għal Kristu. It-tnejn irċevew mingħandu
l-missjoni li kellhom iwettqu. It-tnejn aċċettaw il-martirju ġewwa Ruma.
Drajna nsejħulhom il-kolonni tal-Knisja. Illum nippreferi nsejħilhom
id-dwal tal-Knisja, għax għalhekk is-solennità tallum insejħulha l-Imnarja. Iż-żewġ
appostli kellhom il-missjoni li jkunu dwal kbar, wieħed biex iwettaq lil ħutu u
jżommhom magħquda f’familja waħda, minkejja d-differenzi ta’ bejniethom. Il-missjoni
tal-ieħor kienet li jwassal id-dawl ta’ Kristu lil dawk li ma kienux jafu bih.
Wieħed gwardjan tal-fidi, l-ieħor xandari tal-Mulej fost il-ġnus.
Il-Papa, suċċessur ta’ Pietru, għandu l-missjoni li jwettaq lil ħutu
u jżommhom magħqudin fil-fidi. Għandu wkoll il-missjoni ta’ Pawlu, li jgħin lill-Knisja
tilqa’ t-tiġdid li jixtieq inissel fiha l-Ispirtu s-Santu. Dan ġie mogħti
lill-Knisja bħala Difensur “Hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li Għedtilkom”
(Ġw 14, 26). Nitolbu mela għall-Papa u nimxu miegħu lejn il-Missier.
No comments:
Post a Comment