Lill-appostli Ġesù weġibhom: “Kieku kellkom
fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut:
“Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom (Lq 17:5-10).
Ġesù ma riedx jinsinwa li l-Appostli ma kellhomx fidi, iżda li din ma
titkejjilx bid-daqs jew bil-piż, iżda bl-użu, x’nagħmlu biha. Il-bidwi jiżra’ ż-żerriegħa għax jaf li żerriegħa merfugħa tibqa’
biss żerriegħa weħidha, waqt li miżrugħa tagħti l-frott.
Ġesù fejjaq lil waħda-mara li kienet ilha snin
twal tbati bil-mard. Imbagħad din il-mara daħlet fil-folla għax qalet: “Jekk
biss imiss it-tarf tal-mantar tiegħu infieq”. Hekk għamlet bla ma qalet lil
ħadd. Fieqet! Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u
kun imfejqa mill-marda tiegħek.”(Mk 5, 34) Lill-agħma ta’ Ġeriko li kien
jittallab il-karità u talab il-ħniena ta’ Ġesù u baqa’ jitlob jgħajjat,
allavolja ippruvaw isikktuh. Ġesù staqsih “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara,
Mulej,” wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.” U
minnufih beda jara, (Lq 18, 41-43).
Ġesù jisma’ t-talb tagħna meta nemmnu li se
jismagħna. Sikwit nitolbu grazzji u għajnuna iżda f’qalbna jkollna d-dubju:
“Tgħid se jismagħni” u sikwit noqgħodu niċċekkjaw jekk hux qed jismagħna. Din
mhix fidi. Darba, Ġesù seħet siġra tat-tin li kellha ħafna weraq u ma kellhiex frott. L-għada, meta Pietru ra s-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq qal lil Ġesù:
“Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet!” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu
f’Alla. Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefa’
u nxteħet il-baħar’, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li
jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb
tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom” (Mk 11, 20,24) . Kull tant
naħsbu li Alla jdum wisq biex jismagħna, u naqtgħu qalbna u nieqfu nitolbu u
nitwarrbu minn dak li jista’ jgħinna. Xi drabi nimmaġinaw li għandu jismagħna
kif nimmaġinaw aħna. Iżda nafu li Ġesù hu ħallieq u jweġibna skont is-setgħa
tiegħu bla ma nindunaw li jkun qed jismagħna, għax jaf x’inhu ta’ ġid u x’inhu
l-aħjar għalina, u meta jkun l-aħjar. Mhux l-ewwel darba smajt min jgħidli
“Imnalla ma semgħanix kif xtaqt jien”. Ejjew mela nafdaw aktar fit-tjieba tal-Mulej
li aċċetta li jmut għalina biex isalvana.
No comments:
Post a Comment