10/25/2025

IL-FARIŻEW U L-PUBBLIKAN

F’dak iż-żmien Ġesù qal din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena naqdi dimiri. Il-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (ara Lq 18:9-14).

X’qed igħidilna Ġesù? Aħna nitolbu ħafna, anke jekk mhux dejjem nindunaw, u nagħmlu tajjeb, għaliex Ġesù nnifsu qalilna li għandna nitolbu dejjem mingħajr ma naqtgħu qalbna qatt. Nistgħu naqtgħu qalbna għaliex naħsbu li Ġesù jdum wisq biex jismagħna, allura ġieli ngħidu li għal xejn nitolbu. Ġesù Jgħidilna li meta nitolbu ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem għaliex Missierna tas-sema jaf sewwa x’għandna bżonn qabel ma nitolbuh.

Allura għalfejn iridna nitolbu? Mistoqsija tajba. Aħna ma nitolbux tant biex ngħidu lil Alla x’għandna bżonn iżda biex aħna nistqarru minn qalbna li aħna għandna bżonnu, u jekk ħaġa nitolbuha jfisser li rriduha u li lesti biex nilqgħu dak li hu jixtieq jagħtina għall-ġid tagħna.

Nagħmlu tajjeb jekk nibdew billi nirringrazzjaw lil Alla għaliex nemmnu li lest li jagħtina dak li verament ikun ta’ ġid għalina. Il-Fariżew bdiha tajjeb it-talba tiegħu għax f’qalbu talab: “O Alla, niżżik ħajr”. Iżda malajr żbalja bl-ikrah għax nesa’ li kien qed jitkellem ma’ Alla, u beda jmaqdar lill-oħrajn li huma wlied maħbubin t’Alla huma wkoll. Ġesù widdibna: Tiġġudikawx biex ma tiġux iġġudikati. Il-kmand ta’ Ġesù hu li nħobbu lil xulxin, li naħfru lil kull min jitlobna maħfra u li nagħmlu l-ġid anke lil min jagħmlilna d-deni. Wieħed biss jista’ jiġġudika għax miet fuq is-salib għal kull wieħed u waħda minna.

Il-pubblikan kien jaf li hu midneb. Kien jaf li bħala bniedem mhux perfett u li allura mhux dejjem jirnexxilu jagħmel is-sewwa li jixtieq jew li jwarrab il-ħażen li ma jixtieqx jagħmel. Hekk igħidilna li kien jiġrilu San Pawl.  Kiteb: “Ma nafx x’jien nagħmel: naf li m’iniex  nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rm 7, 19). Aħna jiġrilna hekk ukoll. Ma naqtgħux qalbna u nagħmlu bħalma għamel il-Pubblikan li fetaħ qalbu ma’ Alla u talbu l-ħniena. Dan mar fit-tempju biex jitlob u talab verament, u t-talba tiegħu ġiet milqugħha.

  Ġesù jfakkarna li weħidna aħna ċkejknin u li għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor u fuq kollox l-għajnuna ta’ Alla. Għalhekk talabna niċċekknu u nsiru bħat-tfal li jafu li għandhom bżonn ta’ min jgħinhom, u ma jistħux jitolbu l-għajnuna. Jitkabbar min jaħseb li ma għandu bżonn ħadd. Ġesù jridna li nkunu umli, fis-sens li nkunu veri, jiġifieri li bħal ħaddieħor aħna għandna kwalitajiet tajba mogħtija lilna minn Alla u li nistgħu nużawhom biex nagħmlu l-ġid u li għandna difetti li jeħtieġ li negħlbuhom biex jirnexxilna nagħmlu dak li hu tajjeb. L-importanti li ma naqtgħux qalbna u li ma ninsewx ma’ min inkunu nitkellmu meta nitolbu. Alla hu Missier li jħobbna tassew bla qjies.

No comments:

Post a Comment