9/25/2025

L-GĦAŻLA HI F’IDEJNA

 

Ġesù qal lill-Fariżej din il-parabbola: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh”.

Il-parabbola nafuha. Ir-raġel għani kien moħħu li jgawdi kemm jista’ l-ġid li kellu.  Ma nafux mnejn ġabu dal-ġid. Kien wirtu? Ħadem bil-għaqal? Kien frott tal-korruzzjoni? Mhux li jinteressana. Anqas nafu x’jismu! Ġesù ma għandu xejn kontra l-għonja. Jixtieq li l-għana li għandhom jużawha biex jagħmlu l-ġid. Ir-raġel l-ieħor kien fqir, u ma nafux għaliex! Tgħid twieled fil-faqar? Ma kienx bil-għaqal? Min jaf! Imma nafu x’kien jismu, Lazzru. Nafu li kien marid ħafna, li kien imur ħdejn id-dar tal-għani jixxennaq li jitrejjaq b’dak li forsi kien jaqa’ mill-mejda. It-tnejn li huma mietu. Miet il-fqir u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Miet l-għani wkoll, u difnuh. Il-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja tispiċċa taħt l-art.

Il-qofol tal-parabbola hu dak li jiġri wara l-mewt tal-ġisem meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Missier, għax il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel. Kif tinbidel jiddependi minn kemm inkunu tajna kas tal-parir ta’ Ġesù: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jagħżlu lilha. Imma hu dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha! (Mt 7, 13-14). X’irridu nagħmlu biex insibu t-triq li twassal għall-ħajja? Ġesù  qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”. (Ġw  14, 6). U kif nagħmlu biex nimxu ma’ Ġesù lejn il-ħajja? Hu stess jgħidilna: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha”. (Lq 9, 23-24).

Ġesù jridna ngħixu fil-faqar? Hemm il-faqar li ħaddan “Ġesù li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom biex tistgħu tistagħnu bil-faqar tiegħu” (2Cor 8, 9). Dawk li jħaddnu dan il-faqar ikunu “Henjin ... għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5, 3). Dan it-tip ta’ faqar ngħixuh meta nkunu kapaċi ngħinu bil-ġid li jkollna lil min għandu bżonn. Ġesù qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Mhux ta’ b’xejn li l-għani sab ruħu fi tbatija kbira, għax qatt ma ġietu ħniena mill-fqir marid u bil-ġuħ jixxennaq għal ftit ikel li kien jaqa’ mill-mejda tiegħu.

Imbagħad hemm il-faqar li hu impost frott tal-ħażen tal-bnedmin, bħal serq, korruzzjoni, vjolenza, gwerer u ħwejjeġ oħra li l-bnedmin kapaċi jivvintaw. ... u dan il-faqar imur kontra r-rieda t’Alla.  Tajjeb  li kull darba li nkunu se nagħmlu xi għażla niftakru fi kliem Abraham: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati”. L-għażla hi f’idejna.

No comments:

Post a Comment