Ftit qabel din is-silta, Luqa jgħidilna li
l-appostlu talbu lil Ġesù: “Mulej kattar fina l-fidi”. Weġibhom: “Kieku kellkom
fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda...”
Qed nimmaġina li r-rakkont tal-fejqan ta’
l-għaxar lebbrużi, b’xi mod iservi biex jurina fil-prattika li Ġesù ma jimpurahx minn kemm hi kbira l-fidi tagħna.
Biżżejjed li nemmnu fih u li nippruvaw ngħixu skont il-fidi tagħna. Ġesù ma nkwetax
li l-għaxart irġiel ma kienux tal-istess reliġjon. Kienu flimkien, talbu l-ħniena
ta’ Ġesù u tahielhom.
Mela l-irġiel lebbrużi kienu għaxra, imma
wieħed minhom kien Samaritan. Niftakru li l-Lhud u s-Samaritani ma kinux
jinġiebu. Il-Lhud kienu jqisu li s-Samaritani ċaħdu l-fidi tagħhom u tebbgħu
twemminhom. Kienet il-marda li ġabithom flimkien
lil dawn l-irġiel. Flimkien obdew il-liġi u waqfu ‘l bogħod minn Ġesù. Flimkien
għollew leħinhom u talbu l-ħniena ta’ Ġesù. Flimkien semgħu x’qalilhom Ġesù u
telqu flimkien għal għonq it-triq. Huma u sejrin għand is-saċerdoti kienu
għadhom ma fiqux, iżda baqgħu mexjin. Fiequ flimkien l-għaxra li huma, is-Samaritan
ukoll.
Ġesù ma fejjaqhomx hemm quddiemu. Qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. Għalfejn? Skont
il-liġi min kien ifieq mill-marda tal-lebbra kellu jmur għand saċerdot biex dan
jivverifika li dak il-bnienem kien fieq
tassew, ħalli jkun jista’ jidħol lura fi-raħal tiegħu, jitħallat ma’ niesu u
jingħaqad ma’ familtu. Nimmaġina li rawha stramba li Ġesù qalilhom biex imorru
għand is-saċerdoti qabel il-fejqan. Iżda huma emmnu, kellhom fiduċja f’Ġesù. Li
qabdu u telqu biex jiltaqgħu mal-qassisin
kien sinjal ċar li emmnu f’Ġesù u fil-Kelma tiegħu.
Il-fejqan tagħhom seħħ meta kienu għadhom
sejrin għand il-qassisin. Matul il-mixja
l-għaxra fiequ mil-lebbra. Mela, dak li
Ġesù qal lis-Samaritan li reġa’ lura biex jirringrazzjah, jgħodd ukoll
għad-disa’ l-oħra li baqgħu sejrin. Qallu “Il-fidi tiegħek fejqitek”. Ma
nistgħux nemmnu li s-Sammaritan biss fieq. Ilkoll fiequ, għax ilkoll emmnu u
għamlu dak li qalilhom Ġesù. In-nuqqas ta’ ringrazzjament minn naħa tad-disgħa ma
reġġghax lura l-fejqan. Ġesù ma jaħdimx b’dan il-mod. L-imħabba ta’ Ġesù mhix
kondizzjonata minn-nuqqas tal-gratitudni tagħna. Ġesù iħobbna bla qjies u għal
dejjem.
Ir-raġel Samaritan kif ra ruħu mfejjaq, raġa’
lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu
ħajr. Ġesù qabad u qal: “Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom
li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Kemm-il darba
aħna, nies twajba, ninsew nirringrazzjaw lil Alla għal kull ma jagħmel magħna.
Alla ma għandux bżonn il-grazzi tagħna, aħna għandna bżonn niftakru u nagħtu
xhieda ta’ dak li Alla jagħmel magħna ‘l ħin kollu. Hu dmir tagħna li nagħmlu
dan. Lilna wkoll Ġesù jgħidilna: “Qum,
mur; il-fidi tiegħek salvatek”.
No comments:
Post a Comment