12/18/2025

IR-RABA’ ĦADD TAL-AVVENT

 

Fit-tieni u t-tielet Ħadd tal-Avvent iltqajna ma’ Ġwanni l-Battista li kellu l-missjoni li jħejji l-Poplu Magħżul biex jilqa’ l-Messija mwiegħed. Illum niltaqgħu ma’ Ġużeppi, l-għarus tax-xbejba Marija minn Nazaret, magħżul biex ikun missier adottiv tal-Messija.

Il-bnedmin ma obdewx dak li qalilhom Alla u aċċettaw il-gidba tax-xitan moħbi taħt il-forma ta’ serp. Ħasbu li jimxu għal rashom; Alla ħaseb li jsalvahom permezz ta’ bniedem. Iżda l-bniedem ma jistax isalva lilu nnifsu. Allura, bis-setgħa ħallieqa tiegħu, Alla iddeċieda li jibgħat lil-Ibnu stess fid-dinja magħmul bniedem, bħalna f’kollox barra l-ħażen tad-dnub. Alla talab il-kollaborazzjoni tax-Xebba minn Nazaret, jisimha Marija, li  bil-kunsens ħieles tagħha, aċċettat li ssir omm mingħajr ma titlef xbubitha.  

Billi l-Iben t’Alla kien se jidħol fl-istorja tal-bnedmin, minbarra l-omm bla tebgħa, kien hemm bżonn li jagħżel raġel ġust, biex f’kollox jieħu r-responsabbiltà ta’ missier adottiv u jrabbi flimkien  max-Xebba Omm lil Iben t’Alla magħmul bniedem. Ir-raġel magħżul kien jismu Ġużeppi, li twieled fl-inħawi ta’ Betlehem fil-Ġudea, għalkemm imbagħad għex u ħadem bħala mastrudaxxa f’Nazaret fil-Galilea.

Alla ma jimponix ir-rieda tiegħu fuq il-bnedmin iżda jfittex il-kunsens tagħhom għall-missjoni li kien se jagħtihom. Fl-evanġelju tiegħu Mattew jirrakkonta kif Alla talab il-kunsens ta’ Ġużeppi li kien raġel ġust. Dan tħawwad meta sar jaf li martu kien se jkollha tifel, bla ma marru jgħixu flimkien, u beda jaħseb kif kien se jsolvi dil-problema. Għamel il-ħsieb li jibgħat lil Marija bil-moħbi tan-nies, għax deherlu li ma setgħax imur igħix magħha. Kien iħobbha ħafna lil Marija u ma riedx jixliha quddiem in-nies għax kieku għamel hekk in-nies kienu joqtluha żgur bħala mara adultera.

Kien għadu qed jaħsibha meta deherlu Anġlu fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.  Mattew semma l-ħolm, mhux għax Ġużeppi kien rieqed. Bħalma ġieli jiġri lilna wkoll, f’mument ta’ deċiżjoni importanti, aħna ġieli nistaqsu lilna nfusna “Imma dan veru, jew qed noħlom?”.

L-Anġlu spjega lil Ġużeppi x’kien qed jiġri fil-ġuf ta’ martu; qallu wkoll x’kien qed jitlob minnu Alla. Xtaqu li jkun  Missier adottiv fil-Familja ta’ Nazaret. Kien missier ta’ veru bir-responsabbiltà li ġġib magħha din il-missjoni. Marija stess tat xhieda ta’ dan meta binha ta’ tnax-il sena baqa’ fit-tempju bla ma qalilhom. Marija u Ġużeppi fittxewh u meta sabuh ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” (Lq 2, 48). Ġużeppi kien tassew missier.

L-anġlu lil Ġużeppi qallu: Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti bħala missieru se ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Ma għanda ebda tweġiba mingħand Ġużeppi, iżda l-evanġelista jgħidilna li għamel kif qallu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu, jiġifieri bla kliem imma bil-fatti, aċċetta lil bin Marija bħala ibnu u lix-xebba bla mittiefsa bħala martu.

Mattew jirrakkontalna kif Ġużeppi żamm kelmtu u ħa ħsieb ta’ Marija u ta’ binha Ġesù, skont ma’ kien dmiru, speċjalment meta r-Re Erodi pprova joqtol lit-tarbija Ġesù għax ħaseb li kienet se tkun theddida għalih. Għemilu jurina mħabba vera, umiltà u responsabiltà. L-insara jemmnu li kif Ġużeppi kien missier tajjeb għall-familja ta’ Nazaret hekk ukoll hu missier tajjeb għall familja ta’ ibnu li hi l-Knisja li tqisu bħala protettur tagħha. Aħna sikwit nirrikorru għall-għajnuna tal-Familja Mqaddsa anke jekk biss intennu l-isem ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, u nitolbuhom ikunu magħna dejjem speċjalment meta noqorbu lejn it-tmiem ta’ ħajjitna fuq l-art.


12/12/2025

IT-TIELET ĦADD TAL-AVVENT

Illum nerġgħu niltaqgħu ma’ Ġwanni l-Battista li mhux qiegħed fid-deżert iwettaq il-missjoni tiegħu ta’ ħabbar u għammied. Kien il-ħabs ikkundannat mir-Re Erodi. Id-dixxipli ta’ Ġwanni qalulu x’kien qed jagħmel Ġesù li hu kien wera bħala “l-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja”. Qalulu  li dak li Ġesù kien qed jgħallem u jagħmel ma kienx jaqbel eżatt ma’ dak li kien ħabbar Ġwanni. Dan daħħal dubju fosthom, u Ġwanni bagħat jistaqsi lil Ġesù: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.   Bħala tweġiba Ġesù ta lid-dixxipli, messaġġiera ta’ Ġwanni, l-missjoni li jsiru ħabbara għalih. Qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra.” Ġesù kien ċert li b’din it-tweġiba Ġwanni kien jagħraf li dak li kien qed jgħid u jagħmel Ġesù kien jaqbel ma’ dak li l-Profeti ħabbru dwar il-Messija li kellu jiġi fid-dinja mibgħut minn Alla. Ġesù qalilhom: “Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija”. 

Dan il-kliem ma kienx jgħodd biss għal Ġwanni u d-dixxipli tiegħu. Jgħodd għalina wkoll illum, għax faċli li nimxu wara Messija magħmul skont l-immaġinazzjoni tagħna. Nimmaġina li hu għalhekk li anke fi żmienna għadna ma rnexxilniex inwettqu r-rieda ta’ Ġesù meta qal: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed (Ġw 10, 16).

Għadha twila l-mixja favur l-għaqda fostna l-insara, iżda mixjin bil-mod. Il-Liturġija llum tfakkarna l-kliem tal-Profeta Iżaija: “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Għad jaraw is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel ta’ Alla tagħna. Qawwu l-idejn mitruħa; saħħu l-irkupptejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:  “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!” (Iż 35,1-3).

Fis-Salm Responsorjali l-liturġija tistedinna ngħidu t-talba meħuda mill-Profeta Iżaija: “Ejja, Mulej, ħa ssalvana” (Iż 34:4). Din it-talba nagħmlu tajjeb jekk ngħiduha sikwit mhux biss bi preparazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, iżda biex nistiednu lil Ġesù ħa jiġi jgħix f’moħħna u f’qalbna tul ħajjitna kollha biex dak kollu li naħsbu, nagħmlu u ngħidu jkun jista’ jwassalna fi ħdan Ġesù meta jkun qed jasal iż-żmien li nitilqu minn din id-dinja bit-tama li niltaqgħu miegħu u jkun jista’ jilqagħna fil-glorja li diġà ħejja għal kull wieħed u waħda minna kif wiegħed lil kull min jagħżel li jkun dixxiplu tiegħu u sinċerament jgħid it-talba li għallimna hu stess meta ngħidu “ikun li trid int”. Din mhix talba ta’ skjav li obbligat jagħmel dak li jikkmandah sidu. Hi talba ta’ iben u bint li jafu li huma maħbubin u li jixtiequ u jittamaw li fi tmiem ħajjithom jiġu milqugħa b’dirgħajn u qalb miftuħa beraħ fil-glorja tal-Missier fil-ġenna. Nittamaw li jkun jista’ jgħidilna: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ (Mt 25,  210). Alla ta ħafna doni, talenti, kwalitajiet sbieħ lil kull wieħed u waħda minna. Hu jistenna li t-tweġiba tagħna tkun bħal dik li Marija tat lill-Anġlu Gabriel: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”, jew dak li qal Ġesù innifsu: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.(Ġw 6, 38). Is-sabiħa hi li r-rieda ta’ min bagħatna fid-dinja taqbel eżattament ma dik li hi x-xewqa tagħna. Aħna nixtiequ li ngħixu ħajja b’saħħitna, bla gwerer jew mibegħda, fil-paċi, fil-ferħ, u li ma jkun jonqosna xejn. Dan hu propju dak li Alla jixtieq għal kull wieħed u waħda minna. Il-ħasra hi li aħna lil Alla ma nifhmuhx, għax jogħġbuna affarijiet oħra. Aħna wlied Adam u Eva u bħalhom nippreferu nemmnu lis-serp qarrieq. Kemm nagħmlu aħjar kieku nemmnu dak li jgħidilna Ġesù u nippruvaw inwettquh minkejja l-fatt li aħna bnedmin dgħajfa.

12/06/2025

IT-TIENI ĦADD TAL-AVVENT

 

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent il-liturġija tlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert. Nistaqsu: Minn kien Ġwanni?

Niltaqgħu ma’ Ġwanni qabel twelidu fit-Tħabbira tal-Anġlu lil Żakkarija li kien qed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla. Malli Żakkarija ra l-Anġlu, tħawwad u beża’, imma l-Anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax Alla semgħa t-talba tiegħek, u martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.” Din se tkun għalik ħaġa ta’ ferħ u se jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. “Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.  Hu se jreġġa’ lil ħafna  ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom. Hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex ilesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej (Luqa 1, 11-17). Il-ġirien ta’ Żakkarija u Eliżabetta bdew ixandru ma kullimkien dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ binhom kulħadd kienu jistaqsi: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”.

L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna li Ġwanni l-Battista kien raġel mibgħut minn Alla. Allura ma ġiex f’ismu, kien messaġġier b’missjoni. Meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu xi qassisin u Leviti għand Ġwanni biex jistaqsuh, “Int min int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” “Mela min tgħid li int?” Ġwanni wieġeb bil-kliem tal-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

X’qal Ġwanni dwar Ġesù? Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej staqsew lil Ġwanni: “Kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,  u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’ Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.” (Ġw 1,34).

X’qal Ġesù dwar Ġwanni? Darba Ġesù beda jitkellem dwar Ġwanni u staqsa: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. (Mt 11, 7-12)

Jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex ngħixu skont kif jitlobna Ġesù. Il-missjoni tagħna hi l-istess bħal dik ta’ Ġwanni. Jiġifieri, li bħala nsara nagħtu xhieda dwar Ġesù, li hu l-Iben t’Alla, li hu ħuna u s-salvatur tagħna. Niftakru dak li qalilna hu, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Għalhekk xieraq, u tajjeb għalina li minkejja l-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu li nistgħu, bla ma naqtgħu qalbna, biex ngħixu ta’ veri nsara. Aħna m’aħniex qaddisin, fis-sens li qatt ma nidinbu, imma tajjeb li nagħmlu bħall-publikan li stqarr li kien midneb u talab il-ħniena t’Alla. Niftakru dak li qalilna Ġesù, “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Meta Xmun Pietru qal lil Ġesù “Warrab minni għax jiena midneb” , Ġesù qallu, “Agħmel kuraġġ, inti sajjied tal-ħut imma jiena se nagħmlek sajjied tal-bnedmin (cfr 5, 10). Fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18). Niftakru li Ġesù qalilna: “Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5, 32).