Illum il-Knisja fid-dinja
kollha qed tiċċelebra d-Dedikazzjoni tal-Bażilika tal-Lateran li tinsab
fiċ-ċentru ta’ Ruma. Wieħed jista’ jistaqsi r-raġuni għaliex din il-Bażilika
tingħata tant importanza. Ir-raġuni hija waħda: Kull Djoċesi għandha l-Katidral
tagħha li hi l-Knisja li fiha l-Isqof
tal-post ikollu s-sedja tiegħu, li hi s-simbolu
tal-awtorità tiegħu li jgħallem, li jmexxi f’għaqda waħda l-insara kattoliċi tad-djoċesi
tiegħu biex ilkoll jimxu bħala familja waħda lejn il-Missier skont ma għallimna
Sidna Ġesù. L-isqof ta’ Ruma hu l-Papa u l-Katidral tad-djoċesi ta’ Ruma hi
l-Bażilka tal-Lateran u mhux dik ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Hawnhekk ta’ min jiftakar silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew li fiha
Pietru jistqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù bħala “l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. Ġesù
allura qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam
uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u
fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma
jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot
fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul
fis-smewwiet” (Mt 16, 17-19).
Santu Wistin ifakkarna li Ġesù l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet tahom
lil Pietru, però il-blata ma kienx Pietru iżda kienet l-istqarrija tiegħu li
kienet imnebbħa lilu “minn Missieri li hu fis-Smewwiet”. San Pawl, fl-ewwel
ittra lill-Korintin jgħidilna li dawk li mxew wara Mosè ”xorbu tassew
mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu”
(1Kor 10, 4). L-għoti taċ-ċwievet tfisser fiduċja, għax tagħti l-awtorità biex dak
li jirċievihom jkun jista’ jidħol u joħroġ mid-dar daqslikieku kienet tiegħu.
Hawnhekk qed nitkellmu dwar awtorità li għandha l-għeruq tagħha fil-koerenza
fis-sens li dak li jkun jgħix skont il-fidi li għandu. Ara x’qalu n-nies meta Ġesù temm id-diskors ta’ fuq
il-Muntanja. Mattew jgħidilna: “Meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu
mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu
s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom” (Mt. 7, 29). Il-Fariżej u l-kittieba
kienu jgħidu ħaġa u jagħmlu oħra, waqt li dak li Ġesù kien jitlob mingħand
l-oħrajn, kien jagħmlu hu l-ewwel; kliemu kien jaqbel ma għemilu.
Hawnhekk mhux qed nitkellmu dwar konsagrazzjoni ta’ Knisja tal-ġebel iżda
dwar l-awtorità li għandu l-Papa li
jgħallem, jinkoraġġixxi, jikkoreġi u jmexxi, f’kelma waħda li jġib ruħu ta’ missier
għal dawk li jridu jkunu fidili lejn it-tagħlim ta’ Ġesù. Għalhekk bl-Ingliż
lil-Papa insejħulu “Holy Father” u t-Taljani jgħidulu “Santo Padre“.
Ejjew nifirħu mela f’din il-ġurnata u nagħtu glorja lil Alla li Permezz
ta’ Ibnu fdalna l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet f’idejna l-bnedmin, li niżbaljaw
u nammettu li aħna midinbin. Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Tassew tassew
ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. ... Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd
jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. ....
Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra. Jiena r-ragħaj it-tajjeb.
Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10, 7-11).
B’dan jiena qed nifhem li Ġesù ntelaq f’idejna biex nisimgħuh, nimxu
warajh, inħobbuh, inqimuh, inxandruh u nirċevuh speċjalment fl-Ewkaristija għax
hu stess qalilna: “Ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol
ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” (Ġw 6, 55-56).
