10/31/2025

ĠESÙ TASSEW SULTAN

 

Bdejna x-xahar ta’ Novembru li jimmarka għeluq is-sena liturġika tal-Knisja tagħna. Fil-fatt l-aħħar Ħadd ta’ dan ix-xahar din is-sena huwa l-ewwel Ħadd tal-Avvent, u nibdew sena liturġika ġdida. Tul dan ix-xahar se  jkollna quddiemna x’inhi l-Knisja mwaqqfa minn Sidna Ġesù.  

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tfakkarna li hi l-Familja li tiġbor fiha bnedmin li għażlu li jgħixu skond ix-xhieda, l-eżempju u t-tagħlim li ħadu mingħand dawk li Ġesù sejjaħ, għażel, rawwem u bagħat madwar id-dinja kollha biex iwasslu t-tagħlim li hu tahom bil-kelma u l-eżempju. Din il-Familja  tiġbor fiha l-bnedmin kollha li qatt għexu jew li għad jgħixu fuq din l-art. Fost dawn naturalment ninsabu aħna li qed ngħixu bħalissa l-mixja tal-ħajja. Aħna għandna tliet ċertezzi, li twelidna, li qed ngħixu u li se mmutu. Min għandu l-fidi jemmen ħaġa oħra jiġifieri li bil-mewt l-ħajja ma tintemmx, tinbidel, għax minn din id-dinja aħna se nidħlu fil-ħajja ta’ dejjem, fl-eternità. Aħna ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem u għalhekk nibżgħu mill-mewt. Għandna t-tagħlim li twasslilna l-Knisja li hu msejjes fuq il-ħajja, l-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù. Kif igħidilna San Pawl “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Il-bnedmin imutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1Kor 15, 20-23) .

Fl-ewwel ta’ Novembru l-Knisja tfakkarna fil-qaddisin kollha, l-bnedmin kollha li mietu fil-grazzja t’Alla u jinsabu fil-glorja tal-ġenna. Kif jgħidilna l-appostlu San Ġwann:  “Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu. (1Ġw 3, 1-3).

Fil-liturġija tal-Għid tal-Imwiet il-Knisja trid tgħidilna li qaddisin mhumiex biss dawk li huma kanonizzati, u allura nafu bihom. Qaddisin huma dawk kollha li ppruvaw jgħixu ta’ wlied Alla. Għax Alla ma jwarrab lil ħadd li permezz ta’ Ibnu sar wieħed jew waħda minn uliedu. Ma dawn insemmu wkoll lil dawk li għadhom f’mument ta’ purifikazzjoni u li aħna nsejħulhom l-Erwieħ tal-Purgatorju. Il-knisja tistedinna nitolbu għalihom biex ngħinuhom f’dan il-mument ta’ purifikazzjoni u nitolbu lilhom biex jgħinuna fil-mixja tagħna fuq din l-art għaliex dawn huma diġà salvi. Billi aħna li għadna ħajjin ninsabu limitati miż-żmien u mill-post,  nitkellmu dwar l-affarijiet tal-ħajja ta’ dejjem skont il-vokabularju tagħna l-bnedmin u nesprimu ruħna bi kliem li bihom aħna niftehmu bejnietna.

Qrib l-aħħar tax-xahar il-Knisja tistedinna niċċelebraw is-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu bħala s-Sultan tal-Ħolqien Kollu. Huwa importanti li niċċelebraw din is-solennità mhux tant biex nagħtu titlu ieħor lil Sidna u Ħuna Ġesù, iżda għaliex dak kollu li għidna hawn, u dak kollu li niċċelebraw matul is-sena jagħmel sens jekk aħna nemmnu u ngħixu ta’ bnedmin bil-għaqal li jgħixu skond ir-rieda ta’ dan li wera li hu Sultan veru tagħna, li ma jsaltanx fuqna minn fuq tron tad-deheb. It-tron tiegħu hu salib kiefer, li fuqu kien hemm dikjarazzjoni ta’ Pilatu: “Ġesù Nazzarenu Sultan tal-Lhud” b’diversi lingwi. Pilatu kitibha bħala żeblieħ, iżda żbalja għax Ġesù veru li hu Sultan, mhux biss tal-Lhud, imma tagħna lkoll għaliex ma tax ħajtu għall-Lhud biss imma għall-bnedmin kollha li jaċċettawh bħala Feddej u Salvatur tagħhom, li jsaltan verament f’moħħhom u f’qalbhom.

10/25/2025

IL-FARIŻEW U L-PUBBLIKAN

F’dak iż-żmien Ġesù qal din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena naqdi dimiri. Il-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (ara Lq 18:9-14).

X’qed igħidilna Ġesù? Aħna nitolbu ħafna, anke jekk mhux dejjem nindunaw, u nagħmlu tajjeb, għaliex Ġesù nnifsu qalilna li għandna nitolbu dejjem mingħajr ma naqtgħu qalbna qatt. Nistgħu naqtgħu qalbna għaliex naħsbu li Ġesù jdum wisq biex jismagħna, allura ġieli ngħidu li għal xejn nitolbu. Ġesù Jgħidilna li meta nitolbu ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem għaliex Missierna tas-sema jaf sewwa x’għandna bżonn qabel ma nitolbuh.

Allura għalfejn iridna nitolbu? Mistoqsija tajba. Aħna ma nitolbux tant biex ngħidu lil Alla x’għandna bżonn iżda biex aħna nistqarru minn qalbna li aħna għandna bżonnu, u jekk ħaġa nitolbuha jfisser li rriduha u li lesti biex nilqgħu dak li hu jixtieq jagħtina għall-ġid tagħna.

Nagħmlu tajjeb jekk nibdew billi nirringrazzjaw lil Alla għaliex nemmnu li lest li jagħtina dak li verament ikun ta’ ġid għalina. Il-Fariżew bdiha tajjeb it-talba tiegħu għax f’qalbu talab: “O Alla, niżżik ħajr”. Iżda malajr żbalja bl-ikrah għax nesa’ li kien qed jitkellem ma’ Alla, u beda jmaqdar lill-oħrajn li huma wlied maħbubin t’Alla huma wkoll. Ġesù widdibna: Tiġġudikawx biex ma tiġux iġġudikati. Il-kmand ta’ Ġesù hu li nħobbu lil xulxin, li naħfru lil kull min jitlobna maħfra u li nagħmlu l-ġid anke lil min jagħmlilna d-deni. Wieħed biss jista’ jiġġudika għax miet fuq is-salib għal kull wieħed u waħda minna.

Il-pubblikan kien jaf li hu midneb. Kien jaf li bħala bniedem mhux perfett u li allura mhux dejjem jirnexxilu jagħmel is-sewwa li jixtieq jew li jwarrab il-ħażen li ma jixtieqx jagħmel. Hekk igħidilna li kien jiġrilu San Pawl.  Kiteb: “Ma nafx x’jien nagħmel: naf li m’iniex  nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx” (Rm 7, 19). Aħna jiġrilna hekk ukoll. Ma naqtgħux qalbna u nagħmlu bħalma għamel il-Pubblikan li fetaħ qalbu ma’ Alla u talbu l-ħniena. Dan mar fit-tempju biex jitlob u talab verament, u t-talba tiegħu ġiet milqugħha.

  Ġesù jfakkarna li weħidna aħna ċkejknin u li għandna bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor u fuq kollox l-għajnuna ta’ Alla. Għalhekk talabna niċċekknu u nsiru bħat-tfal li jafu li għandhom bżonn ta’ min jgħinhom, u ma jistħux jitolbu l-għajnuna. Jitkabbar min jaħseb li ma għandu bżonn ħadd. Ġesù jridna li nkunu umli, fis-sens li nkunu veri, jiġifieri li bħal ħaddieħor aħna għandna kwalitajiet tajba mogħtija lilna minn Alla u li nistgħu nużawhom biex nagħmlu l-ġid u li għandna difetti li jeħtieġ li negħlbuhom biex jirnexxilna nagħmlu dak li hu tajjeb. L-importanti li ma naqtgħux qalbna u li ma ninsewx ma’ min inkunu nitkellmu meta nitolbu. Alla hu Missier li jħobbna tassew bla qjies.

10/17/2025

ITOLBU LI TRIDU

 Darba Ġesù qal parabbola biex lid-dixxipli tiegħu jurihom li għandhom jitolbu dejjem bla ma jaqtgħu qalbhom. Qalilhom: “Kien hemm imħallef li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel  rasu minn ħadd. Kien hemm ukoll mara armla, li kienet tmur għand l-imħallef titolbu jagħmel dmiru u jiddeċiedi l-kas tagħha. Dan darba qagħad jaħseb: “Jien ma nibżax minn Alla u ma nħabbilx rasi min-nies. Iżda din l-armla qed iddejjani ġejja u sejra teħodli rasi. Jaqbilli naqdiha għax sa  tifnini”. Hekk għamel u kkuntentaha (Ara Lq 18:1-8).

B’din il-parabbola Ġesù ma riedx iqabbel lil Alla mal-imħallef ħażin, ried biss jagħtina l-eżempju tal-armla li ma qatgħetx qalba u baqgħet tinsisti biex l-imħallef jaqdiha.

Ġesù qalilna: “Meta titlob lil Alla Missierek tagħmilx bħall-pagani. Dawn jaħsbu li aktar ma jgħidu, aktar jinstemgħu. Ma hemmx għalfejn ngħidu ħafna kliem “għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom”. (Mt 6,  6-8). Iridna nitolbu dejjem, għax il-perseveranza fit-talb tfisser fidi, fiduċja, imħabba. Tana eżempju ta’ kif għandna nitolbu sewwa. Qalilna, mela itolbu hekk: “Missierna, li inti fis-smewwiet...” Ġesù ma jridniex ‘ngħidu’ ħafna talb iridna nsaħħu fina spirtu ta’ talb. Jiġifieri jridna nitkellmu miegħu bħalma l-ulied jitkellmu mal-ġenituri tagħhom b’imħabba, fiduċja, fidi u rispett. Inkella nkunu qed ngħidu biss kliem vojt. Hu għalhekk li fi tmiem il-parabbola Ġesù jistaqsi : “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”. Nibża’ li ħafna drabi jsibna ngħidu ħafna talb mingħajr ma nkunu qed nitolbu ta’ veru, jekk moħħna u qalbna jkunu xi mkien ieħor. Ġieli waqt li nkunu qed ngħidu r-Rużarju, jiġuna ħsibijiet mingħajr ma nkunu rriduhom, ħafna drabi jkunu problemi li nkunu qed inħabbtu wiċċna magħhom u li għalihom Alla jkun qed jitlobna tweġiba u ngħidulu, “Ħa jkun li trid int, irrid nagħmel ir-rieda tiegħek. Inkunu qed nagħmlu bħall-Madonna waqt it-tħabbira tal-Anġlu meta qaltlu: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek”. Allura, dak li qed insejħulha distrazzjoni, jista’ tkun messaġġ mingħand Alla dwar x’jixtieq minna.

Għalfejn nitolbu? Nitolbu biex inkunu bħal Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, u hekk inkunu qed nitolbu mal-Knisja u bħala Knisja, għax aħna parti mil-Ġisem mistiku ta’ Kristu anke meta nkunu qed nitolbu d-dar u weħidna.

Ġesù qalilna: “Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu, u jiftħulkom. Għax kull min jitlob, jaqla’, min ifittex isib, u min iħabbat jiftħulu” (Mt 7. 7-8). X’nistgħu nitolbu? Ġesù qalilna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom” (Ġw 15. 7). Naturalment ma nistgħux nitolbuh jagħmel dak li jmur kontra r-rieda tiegħu. Billi Alla huwa mħabba ma nistgħux nitolbu affarijiet li jmorru kontra l-imħabba, il-ġustizzja u dak li hu tajjeb.

Aħna ma nitolbux biex Alla jagħmel dak li rridu aħna. Nitolbu biex inqabblu xewqitna mar-rieda tiegħu, u hekk nagħmlu dak li l-Madonna qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. Hekk nindunaw li Alla dejjem jismagħna u jagħtina aktar minn dak li għandna l-ħila nitolbuh. Għalhekk, kull meta nitolbu tajjeb li naħsbu x’jixtieq minna Alla  u li qatt ma ninsew nirringrazzjawh għal kull ma jagħmel magħna, speċjalment għal dak li ma nindunawx li jkun diġà tahulna.

 

 

10/11/2025

IS-SAMMARITAN JIRRINGRAZZJA

Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.( Lq 17:11-19)

Ftit qabel din is-silta, Luqa jgħidilna li l-appostlu talbu lil Ġesù: “Mulej kattar fina l-fidi”. Weġibhom: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda...”

Qed nimmaġina li r-rakkont tal-fejqan ta’ l-għaxar lebbrużi, b’xi mod iservi biex jurina fil-prattika li Ġesù  ma jimpurahx minn kemm hi kbira l-fidi tagħna. Biżżejjed li nemmnu fih u li nippruvaw ngħixu skont il-fidi tagħna. Ġesù ma nkwetax li l-għaxart irġiel ma kienux tal-istess reliġjon. Kienu flimkien, talbu l-ħniena ta’ Ġesù u  tahielhom.

Mela l-irġiel lebbrużi kienu għaxra, imma wieħed minhom kien Samaritan. Niftakru li l-Lhud u s-Samaritani ma kinux jinġiebu. Il-Lhud kienu jqisu li s-Samaritani ċaħdu l-fidi tagħhom u tebbgħu twemminhom.  Kienet il-marda li ġabithom flimkien lil dawn l-irġiel. Flimkien obdew il-liġi u waqfu ‘l bogħod minn Ġesù. Flimkien għollew leħinhom u talbu l-ħniena ta’ Ġesù. Flimkien semgħu x’qalilhom Ġesù u telqu flimkien għal għonq it-triq. Huma u sejrin għand is-saċerdoti kienu għadhom ma fiqux, iżda baqgħu mexjin. Fiequ flimkien l-għaxra li huma, is-Samaritan ukoll.

Ġesù ma fejjaqhomx hemm quddiemu.  Qalilhom: “Morru  uru rwieħkom lill-qassisin”. Għalfejn? Skont il-liġi min kien ifieq mill-marda tal-lebbra kellu jmur għand saċerdot biex dan jivverifika  li dak il-bnienem kien fieq tassew, ħalli jkun jista’ jidħol lura fi-raħal tiegħu, jitħallat ma’ niesu u jingħaqad ma’ familtu. Nimmaġina li rawha stramba li Ġesù qalilhom biex imorru għand is-saċerdoti qabel il-fejqan. Iżda huma emmnu, kellhom fiduċja f’Ġesù. Li  qabdu u telqu biex jiltaqgħu mal-qassisin kien sinjal ċar li emmnu f’Ġesù u fil-Kelma tiegħu.

 Il-fejqan tagħhom seħħ meta kienu għadhom sejrin  għand il-qassisin. Matul il-mixja l-għaxra fiequ mil-lebbra. Mela, dak li Ġesù qal lis-Samaritan li reġa’ lura biex jirringrazzjah, jgħodd ukoll għad-disa’ l-oħra li baqgħu sejrin. Qallu “Il-fidi tiegħek fejqitek”. Ma nistgħux nemmnu li s-Sammaritan biss fieq. Ilkoll fiequ, għax ilkoll emmnu u għamlu dak li qalilhom Ġesù. In-nuqqas ta’ ringrazzjament minn naħa tad-disgħa ma reġġghax lura l-fejqan. Ġesù ma jaħdimx b’dan il-mod. L-imħabba ta’ Ġesù mhix kondizzjonata minn-nuqqas tal-gratitudni tagħna. Ġesù iħobbna bla qjies u għal dejjem.

Ir-raġel Samaritan kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Ġesù qabad u qal: “Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Kemm-il darba aħna, nies twajba, ninsew nirringrazzjaw lil Alla għal kull ma jagħmel magħna. Alla ma għandux bżonn il-grazzi tagħna, aħna għandna bżonn niftakru u nagħtu xhieda ta’ dak li Alla jagħmel magħna ‘l ħin kollu. Hu dmir tagħna li nagħmlu dan. Lilna wkoll Ġesù jgħidilna:  “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.


10/03/2025

IL-FIDI TIEGĦEK FEJQITEK

Darba l-appostli qalu lil Ġesù: “Kattar fina l-fidi!”. Kien qed jgħidilhom li minkejja r-rieda tajba tagħna, aħna l-bnedmin nidinbu allavolja nwegħdu sinċerament li naħarbu mill-okkażjonijiet li soltu jwaqqgħuna fid-dnub. Qalilna biex noqgħodu attenti, biex inwiddbu lil min jiżbalja, biex naħfru lil kull min jonqosna f’xi ħaġa. “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” hekk għallimna nitolbu Ġesù. Mhux faċli! Għalhekk mhux l-ewwel darba li nħossu li ma għandniex biżżejjed fidi, u mill-fond ta’ qalbna, bħall-appostli nitolbu lill-Mulej biex ikattar fina l-fidi. Għandna x-xewqa li nkunu aħjar. Din ġejja mill-istedina ta’ Ġesù biex inkunu qaddisin għax aħna wlied ta’ Missier li hu qaddis. Tajjeb niftakru li l-fidi hi don mogħti lilna u nagħmlu tajjeb li nitolbu lil Alla biex ikattrilna dan id-don.

Lill-appostli Ġesù weġibhom: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom (Lq 17:5-10). Ġesù ma riedx jinsinwa li l-Appostli ma kellhomx fidi, iżda li din ma titkejjilx bid-daqs jew bil-piż, iżda bl-użu, x’nagħmlu biha. Il-bidwi jiżra’  ż-żerriegħa għax jaf li żerriegħa merfugħa tibqa’ biss żerriegħa weħidha, waqt li miżrugħa tagħti l-frott.

Ġesù fejjaq lil waħda-mara li kienet ilha snin twal tbati bil-mard. Imbagħad din il-mara daħlet fil-folla għax qalet: “Jekk biss imiss it-tarf tal-mantar tiegħu infieq”. Hekk għamlet bla ma qalet lil ħadd. Fieqet! Ġesù qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek.”(Mk 5, 34) Lill-agħma ta’ Ġeriko li kien jittallab il-karità u talab il-ħniena ta’ Ġesù u baqa’ jitlob jgħajjat, allavolja ippruvaw isikktuh. Ġesù staqsih “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej,” wieġbu dak. U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.” U minnufih beda jara, (Lq 18, 41-43).

Ġesù jisma’ t-talb tagħna meta nemmnu li se jismagħna. Sikwit nitolbu grazzji u għajnuna iżda f’qalbna jkollna d-dubju: “Tgħid se jismagħni” u sikwit noqgħodu niċċekkjaw jekk hux qed jismagħna. Din mhix fidi. Darba, Ġesù seħet siġra tat-tin li kellha ħafna weraq u ma kellhiex frott. L-għada, meta Pietru ra s-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq qal lil Ġesù: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet!” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla. Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefa’ u nxteħet il-baħar’, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur. Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom” (Mk 11, 20,24) . Kull tant naħsbu li Alla jdum wisq biex jismagħna, u naqtgħu qalbna u nieqfu nitolbu u nitwarrbu minn dak li jista’ jgħinna. Xi drabi nimmaġinaw li għandu jismagħna kif nimmaġinaw aħna. Iżda nafu li Ġesù hu ħallieq u jweġibna skont is-setgħa tiegħu bla ma nindunaw li jkun qed jismagħna, għax jaf x’inhu ta’ ġid u x’inhu l-aħjar għalina, u meta jkun l-aħjar. Mhux l-ewwel darba smajt min jgħidli “Imnalla ma semgħanix kif xtaqt jien”.  Ejjew mela nafdaw aktar fit-tjieba tal-Mulej li aċċetta li jmut għalina biex isalvana.