Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu
jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom
boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma
jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm
tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u
l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura
mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk
il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu
jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku
kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq
dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin
ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu
lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin
il-bniedem” (Lq 12:32-40).
Ġesù kien qed
jgħallem lin-nies biex joqogħdu attenti mill-għadu tagħna x-xitan, li l-ħin
kollu jittantana biex nagħmlu dak li jgħidilna u wara li nċedulu, idur kontrina
u jagħmel minn kollox biex jaqtgħalna qalbna.
Għalhekk San Pietru jwissina: ‘Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom
ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min se jibla’. Iqfulu, sħaħ
fil-fidi” (1Pt 5, 8-9) Il-fidi taghna hi l-għaqda ma’ Ġesù, fiduċja sħiħa fih.
Illum Ġesù jinkuraġġina: “Le, merħla
ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!”. Alla
għoġbu jagħmilna wliedu u werrieta tiegħu. Nemmnuh dan?
Mhix darba jew
tnejn li Ġesù jgħidilna “Tibżgħu xejn?”.
Il-fidi tagħna ħafna drabi hi dgħajfa, imħabbitna wkoll. Iżda l-imħabba ta’
Alla hi soda u ma tispiċċa qatt u anqas il-fiduċja li hu għandu fina, ma tonqos
qatt. Jiena nħobb niftakar fl-istqarrija ta’ San Pietru wara li ra l-kwantità
ta’ ħut li qabdu wara li kalaw ix-xbiek għas-sajd kif qalilhom Ġesù. Pietru dar
fuq Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”.
It-tweġiba ta’ Ġesù kienet: “Tibżax;
minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies (Lq 5, 8).
X’jitob minna
Ġesù? Li nammettu l-iżbalji tagħna u nindmu. Li nersqu lejh għax qalilna: “Ejjew
għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Jitlobna nżommu
l-imsiebaħ tagħna mixgħula għax hu
jixtieqna li nkunu “dwal għall-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħna u
jagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet “ (Mt 5, 16) .
It-tieni qari
jpoġġilna lil Abraham u l-martu Sarah bħala eżempju ta’ fidi soda. Abraham “kien
iħares ’il quddiem” u telaq jimxi lejn fejn Alla qallu bla ma kien jaf sewwa
fejn hu sejjer. Minn-naħa tagħha Sarah “emmnet li fi xjuħitha kellha ssir omm,
għax emmnet li dak li għamlilha l-wegħda
kien iżomm kelmtu”.
Inħarsu ‘l
quddiem aħna wkoll fejn nixtiequ naslu bħala wlied Alla. Ħafna drabi niddubitaw
jekk għandniex fidi biżżejjed biex insalvaw. Jeħtieġ nemmnu li s-salvazzjoni
jagħtihielna Ġesù, u mhux il-ħila tagħna. Hu jħobbna b’imħabba bla qies. Niftakru
fit-talba li Ġesù għamel waqt l-Aħħar Ċena: “Missier, irrid li dawk li tajtni
jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi. Qed
nitlob ukoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom” (Ġw 17,
24 u 20). Jekk dawn il-kliem nemmnuhom tassew, allura nemmnu ukoll dak li
rrepetejna fis-salm Responsorjali: “Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu”. Alla
għażilna għalih, u ħadd ma jista’ jisraqna minn idejh jekk nibqgħu iggranfati ma’
Ġesù. Hu se jwassalna l-ġenna. “Għalhekk
ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u
jingħatalkom.” (Mk 11, 24).
No comments:
Post a Comment