Wara
l-aħħar ikla ma’ ħbiebu, Ġesù, imdawwar b’dawk li kienu ħalfu li jħobbuh, telaq
lejn il-ġnien fejn kien soltu jmur jitlob. Hemm sab ruħu imdawwar minn naħa
l-waħda bil-ħbieb li ħadhom in-ngħas u raqdu, u minn naħa l-oħra mill-għedewwa
li kienu resqin biex jaqbduh bi traditur quddiem u suldati armati sew warajh.
L-evanġelista Luqa jitkellem
dwar anġlu li deher mis-sema biex ifarraġ lil Ġesù li kien qiegħed jgħereq
l-għaraq tad-demm meta kien qed jiġi mitlub li jaċċetta t-tbatija tal-passjoni
li kienet qrib sewwa. Luqa qisu ried ipoġġi eku tat-tħabbira tal-anġlu lil
Marija. Jekk hu hekk, allura, aktar milli jwassal il-faraġ, kien aktar anġlu
ħabbar li kien qed jistenna biex iwassal it-tweġiba ta’ Ġesù lil Missieru. “Ħa
jsir minni skont kelmtek” wieġbet l-Omm; “Mhux kif irrid jien, imma kif trid
int” wieġeb l-Iben. Hu għalhekk li l-liturġija tfakkarna “[Ġesù] aċċetta li minn rajh ibati”. Mill-ġnien tidwi wkoll
il-kelma, “li spirtu iva jrid, imma l-ġisem dgħajjef” (Mt 26, 41).
Hekk kif aċċetta li jkompli
jwettaq il-pjan ta’ Missieru, Ġesù, kważi bil-għaġġla, ġie arrestat, beda miexi
l-vjaġġ li kellu jwasslu għand Pilatu u l-kundanna għall-mewt, diġà maħsuba u
mfassla. Dan, Ġesù kien jafu minn qabel.
Ġuda bies lill-Imgħallem.
Is-suldati arrestaw u rabtu lil Ġesù daqs li kieku kien xi qattiel perikoluż.
Kien l-uniku wieħed li kien tassew ħieles. San Ġwann (Ġw 18, 6) jgħidilna li
fil-ġnien stess meta Ġesù staqsihom lil min kienu qegħdin ifittxu u qalilhom
“Jiena hu!”kollha kemm huma waqgħu lura fl-art.
Matul il-mixja ħaduh għand
il-qassis il-kbir, Kajfa, u għall-ewwel ma tkellem xejn, iżda mbagħad wieġeb,
“Għad taraw lil Bin il-Bniedem bilqegħda fuq il-lemin ta’ Alla” (Lk 22, 54).
Akkużawh li kien qed jidgħi. Ħaduh għand Pilatu, fejn għallewwel żamm sieket,
iżda mbagħad tkellem u Pilatu iddikjara li ma kien sab ebda raġuni għal
kundanna. Ħaduh għand Erodi u Ġesù ma fetaħx fommu, u ġie mżeblaħ. Reġgħu ħaduh
għand Pilatu li stqarr li, għalkemm bla ħtija, kien se jikkastigah u jeħilsu,
waqt li ppreżentah lin-nies li kienu nġabru: “Ekku l-bniedem!”.
Kien vjaġġ mimli kuntrasti:
il-mixli kien veru ħieles; il-kbarat li kkundannawh kienu tassew ilsiera. L-ikkundannat
hu ħieles, ħellies u salvatur.
Qabel ma ġie ġġudikat,
Ġesù digà kien ġie kkundannat għall-mewt.
Għallem is-sewwa, għamel
ħafna ġid. Kien skomdu għal min ried jibqa’ jsaltan fis-saltna ċkejkna tiegħu
(sinagoga, imperu). Ħalfu li jwarrbuh minn nofs.
Bla ma kien ikkundannat, ġie
msawwat – hekk hi l-ġustizzja tal-bniedem ... hekku l-bniedem! Għamluh oġġett
taż-żufjett, lil dak li, sa ftit qabel kien imfittex mill-folol jitolbuh
fejqan! Għamluh re taż-żufjett lil dak li kien sultan ta’ veru, l-uniku wieħed
ta’ veru!
Tgħabba bil-ġisem tagħna dak
li twieled ġo Betlem. Tgħabba bil-miżerja tagħna u bata fil-laħam il-ħaj u
fl-ispirtu dak li fejjaq, sabbar, ħeles mill-mewt u qajjem lil dawk
li resqu lejh jitolbuh ħniena.
Is-sinjuri tal-ġwerer,
tal-korruzzjoni u tal-ġideb ħalfu mewt kiefra lil min wera li hu sultan
tal-paċi vera.
Tul il-mixja mill-palazz ta’
Pilatu lejn l-għolja tal-Golgota kien hemm nies kurjużi biex jaraw raġel miexi
lejn mewt qalila. Xi wħud bkew. Oħrajn ferħu bid-diżgrazzja ta’ ħaddieħor. Xi
wħud, ftit wisq, għenuh. Min għenu jġorr is-salib, min mesaħlu l-għaraq u
d-demm. Ġesù wissihom: “Tibkux lili.” Lil min nibku, mela?
Nibku lilna nfusna,
speċjalment meta għal xi ħaġa u għal xi żmien nitbegħdu minn Alla biex nagħmlu
ta’ rasna. Jalla dan il-biki tagħna jserraħna u jreġġgħana lejn is-sewwa.
Nibku lil dawk li huma vittmi
tal-egoiżmu tal-bniedem li ma jibżax jistagħna minn fuq dahar iċ-ċkejken,
l-imwarrab, l-imkeċċi anke minn pajjiżu. Jalla l-biki tagħna jkun għajn ta’
solidarjetà, għerq ta’ bidla – konverżjoni. Jalla l-biki tagħna jkun talba
għall-ġustizzja u l-paċi
Nitolbu lil Alla jagħtina
l-grazzja li nitgħallmu nibku għal dnubietna li minħabba l-egoiżmu saru nassa
madwarna!
Imnażża minn ħwejjġu u mċaħħad minn kull dinjità umana,
Ġesù ġie msammar fuq l-għuda. ‘Il fuq minn rasu Pilatu kiteb ir-raġuni għaliex
ġie msallab: “Ġesù nazzarenu sultan tal-Lhud”. Lil min ikkonfoffa biex joqtol
lil Ġesù din il-kitba ma għoġbitux. Riedu jgħidu li Ġesù mhux sultan. Lilna ma
tgħoġobniex anqas il-kitba ta’ Pilatu għaliex Ġesù mhux sultan tal-Lhud biss,
għaliex hu sultan veru imma tagħna lkoll.
Is-suldati sammru lil Ġesù
mal-għuda, iżda kien hu li, għax ried, reħa ruħu f’idejn Missieru. Iżda ma
għamilx dan qabel ma ħafer lil min ħadem biex joqtlu, qabel ma ta lil Ommu
bħala wirt mill-aktar qaddis, u qabel ma wera l-għatx li kellu għas-salvazzjoni
tal-bnedmin. Seta, allura jghid: “Temmejt kollox”. Meta ħa l-aħħar nifs fost
ħafna tbatija kien jaf li dak ma kienx it-tmiem, għaliex meta ntelaq f’idejn
il-Missier, għadda mill-mewt għall-ħajja u qam rebbieħ kmieni meta kien għadu
d-dlam, fl-għodwa ta’ Ħadd il-Qawmien. Kif kien qal: “Ħottu dan it-tempju u
jiena nerġa’ nibnih fi tlett ijiem” (Ġw 2, 19).
Aħna nemmnu li qed ingawdu
minn dan il-qawmien, u għad ingawdu aktar bis-sħiħ.
No comments:
Post a Comment