1- Marija taċċetta li tkun omm l-Iben t’Alla
L-anġlu tal-Mulej ġie mibgħut għand waħda mara żagħżugħa, minn Nazaret,
jisimha Marija mgħarrsa ma’ mastrudaxxa jismu Ġużeppi. Wara li sellmilha l-anġlu
taha l-aħbar: “Tibżax, Marija, ara int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u
ssemmih Ġesù”. Marija tħawwdet. Rat il-wisa’ u l-profondità ta’ dak li qalilha
l-messaġġier tal-Mulej.
Wieħed jieħu l-impressjoni li l-anġlu wasal għand Marija b’pakkett maħsub,
deċiż u magħluq li fih ix-xbejba ta’ Nazaret ma kellha ebda għażla, bħallikieku
l-unika triq li kellha kienet li tbaxxi rasha u tobdi. It-tħabbira tal-anġlu ma
kinetx “Int se ssir omm, trid jew ma tridx”. L-aħbar li wasslilha l-anġlu
kienet tispjega x’kien qed jipproponilha Alla, xi xtaq minnha, iżda hu ħalliha
fil-libertà li taħseb, titlob u tiddeċiedi. Kien għalhekk li l-anġlu ma qabadx
u telaq malli taha l-aħbar. Għinha tirrifletti biex tiddeċiedi. U baqa’
jistenna t-tweġiba ta’ Marija. L-anġlu telaq minn ħdejn Marija biss wara li din
qaltlu bid-deċiżjoni tagħha: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni
skont kelmtek”. Telaq ferħan l-anġlu. Nimmaġinah iwassal l-aħbar it-tajba
lill-Missier u lill-kori kollha tal-anġli.
2 – Marija żżur lil Eliżabetta
It-tħabbira tal-anġlu lil Marija kienet ukoll tħabbira li l-qariba tagħha
Eliżabetta kienet se ssir omm fi xjuħitha. L-anġlu lil Marija qalilha li
Eliżabetta, “dik li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal”, diġà kienet
fis-sitt xahar tat-tqala tagħha. Tgħid din l-informazzjoni l-anġlu tahielha bħala
argument biex jikkonvinċiha taċċetta li hi ssir omm f’żgħożitha, jew kien hemm
xi messaġġ aktar profond li għalih ukoll Marija kellha twieġeb?
Jidhirli li Marija dan it-tieni messaġġ qabditu: il-qariba tagħha, li
kienet avanzata fl-età, kienet riesqa lejn it-tmiem tat-tqala tagħha u kellha
bżonn l-għajnuna. Kien għalhekk li f’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef
lejn id-dar ta’ Żakkarija u Eliżabetta. Ma marritx biex tagħti l-aħbar li
dehrilha anġlu jew li kienet se ssir omm bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Marret
biex tgħin lil min hi ħasset li kellu bżonn l-għajnuna tagħha. Marija baqgħet
ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad marret lura d-dar. Il-kelma li Marija
tat lill-anġlu “Jiena l-qaddejja tal-Mulej” ma kienx kliem vojt. Marija saret
qaddejja tal-Mulej għal kulħadd!
Marija daħlet bis-sħiħ fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. Aċċettat li tkun omm
l-Iben t’Alla u bħala konsegwenza aċċettat li toħroġ minn darha, minnha
nnifisha biex bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu twassal għajuna u ferħ lil min kien
fil-bżonn. Hekk għamel l-Iben t’Alla meta għażel li jinżel u jgħammar fostna;
hekk ukoll għamlet ommu, mhux biss ma’ qaribtha Eliżabbetta iżda ma’ kull min,
tul iż-żmienijiet, kellu bżonn għajnuna.
3 – It-twelid ta’ Ġesù
Ġesù twieled f’sitwazzjoni ta’
faqar, bogħod minn Nażaret, pajjiżu, u mill-kenn tad-dar ta’ Ġużeppi u Marija. Ġo
Betlehem ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda. Kienu ħafna dawk li marru
jinkitbu hemm skont l-ordni li kien ħareġ Ċesari Awgustu. Dan it-twelid ġie mħabbar
lil xi rgħajja li kienu fir-raba', bil-lejl, għassa mal-merħla tagħhom. Dawn, imbagħad,
marru jaraw kienx veru dak li qalilhom l-anġlu ħabbar.
Aħna
mdorrijin nisħqu fuq din id-dehera ta’ faqar u faċli ninsew xi affarijiet.
L-ewwelnett li l-faqar li ħaddan Ġesù ma kienx tant jew ma kienx biss għax “ma
kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Ġesù ħaddan il-faqar ta’ suret
il-bniedem billi “xejjen lilu nnifsu u ...
sar jixbah lill-bnedmin (ara Fil:2:7).
Imbagħad,
billi il-Bambini tal-Milied soltu jkunu kważi għeriewen, nimmaġinaw li
l-familja ta’ Ġużeppi kienet tant fqira li Marija ma kellhiex xi tlibbes
lit-tarbija. Dan ma jaqbilx mar-realtà tal-fatti għax Marija kienet għaqlija u
kienet imħejjija għat-twelid ta’ binha, tant li l-evanġelista jgħidilna “hi
wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f'maxtura”. L-għera tat-tarbija Ġesù
hi l-mod li l-artisti sabu biex jesprimu l-verità tal-Inkarnazzjoni tiegħu. It-tarbija
mneżżgħa trid tgħidilna li l-Iben t’Alla sar tassew bniedem “li kien imġarrab bħalna
f'kollox, minbarra d-dnub” (Lhud 4, 15).
Mela,
ejjew inwarrbu minn moħħna u minn qalbna dak is-sentimentaliżmu li jnessina
l-kobor tal-misteru tal-Inkarnazzjoni u nżommu f’moħħna li l-Iben t’Alla, veru
Alla, sar bin il-bniedem, veru bniedem biex jagħtina seħem sħiħ fid-divinità
tiegħu, biex inkunu qaddisin għaliex Hu qaddis (ara Lev 19, 2).
4 – Preżentazzjoni ta’ Ġesù
Erbgħin jum wara
twelidu Ġesù ġie ppreżentat għall-ewwel darba fit-tempju, skont ma kienet
titlob il-Liġi ta’ Mosè, biex jiġi kkonsagrat lill-Mulej. Hu ġie mifdi
bl-offerta ta’ par gamiem jew żewġ bċieċen, skont ma kienet tgħid il-liġi.
Hi ħaġa nteressanti li
wieħed jara kemm l-evanġelista Luqa, fir-rakkont tiegħu, jinsisti li kollox sar
“skont il-Liġi ta’ Mosè”. Qisu jrid jistedinna biex nimmeditaw il-qalba
tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Difatti, dak li Hu l-Kelma ta’ Alla, li kien
fil-bidu ma' Alla, li kollox sar bih, u li permezz tiegħu kollox ġie maħluq
(Ara Ġw 1, 2-3), daħal sa minn twelidu taħt il-Ligi tal-Mulej. Tajjeb niftakru
li l-Liġi ġiet mogħtija lil-Mosè minn Ġesù, il-Kelma ta’ Alla li saret bniedem.
Hawn hu l-misteru: Dak li sawwar il-Liġi kellu jitrawwen biex ikun jista’ jgħix
fid-dinja skont din l-istess Liġi.
Mhux biss! Dak li għamel
il-bniedem fuq is-sura u x-xbiha tiegħu, kellu jibda jitgħallem jgħix ta’
bniedem u jidħol bis-sħiħ fl-istorja tal-bnedmin, bid-drawwiet kollha tal-post
u taż-żmien li fihom twieled. Bħal kull tarbija li tiġi fid-dinja kellu
jistenna li jikber, jitgħallem jiekol, jimxi, jieħu ħsieb tiegħu innifsu.
Jitghallem iħobb u jħalli lil min iħobbu.
Misteru tassew profond
li aħna m’aħniex kapaċi nispjegaw u li forsi jwassalna biex nistaqsu, bi spirtu
ta’ talb, flimkien ma’ Sidtna Marija: “Kif ikun dan?” (Ara Lq 1, 31). Żgur li
l-anġlu tal-Mulej iweġibna bħalma wieġeb lilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek,
u l-qawwa ta' l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled
minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1, 35). Qisu jgħidilna: “Titħawwdux
bil-misteru; biss emmnu! Ftakru żewġ affarijiet: li din hi ħidma ta’ l-Ispirtu
s-Santu u “kemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejjħulu”
(Dewt 4, 7).
Ħa tkun
il-preżentazzjoni ta’ Ġesù stedina għalina biex aħna wkoll nippreżentaw ruħna
fit-tempju tal-Mulej biex nikkonsagraw lilna nfusna lil Alla.
5 – It-tfajjel Ġesù fit-tempju
Meta kellu tnax-il
sena Ġesù, flimkien mal-ġenituri tiegħu, tela’ Ġerusalemm għall-festa tal-Għid,
kif kienu jgħamlu kull sena. Wara l-festa n-nies bdew imorru lura lejn
pajjiżhom, iżda Ġesù baqa’ Ġerusalemm mingħajr ma’ qal lill-ġenituri tiegħu.
Meta dawn indunaw li tilfu lil binhom, b’qalbhom maqsuma marru jfittxuh. Wara
tlitt ijiem sabuh fit-tempju. Marija, ommu, staqsietu: “Ibni, għaliex għamiltilna
hekk?” Ġesù reġa lura magħhom Nazaret, kien jobdihom u baqa’ jikber fl-għerf,
fis-snin u fil-grazzja.
Dan hu l-aħħar rakkont
ta’ San Luqa dwar it-tfulija ta’ Ġesù, u f’sentenza waħda jiġbor ġrajjiet
mistura ta’ kważi għoxrin sena: “Ġesù baqa' jikber fl-għerf, fis-snin u
fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”. Wara dan, San Luqa jirrakkonta
dwar il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista fid-deżert u jkompli jgħallimna
dwar il-ħidma ta’ Ġesù li fl-aħħar twassal għall-mewt tiegħu fuq is-salib,
il-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-sema.
Ir-rakkont tas-sejba
tat-tfajjel Ġesù fit-tempju jitfgħalna dawl dwar il-mixja twila tiegħu minn
Nazaret lejn Ġerusalemm. Tliet sentenzi jagħtu dan il-ħjiel: Ġesù kien imdorri
jmur Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, il-ġenituri damu tlitt ijiem biex sabuh
fit-tempju, u għall-mistoqsija ta’ ommu wieġeb: “Ma tafux li jiena għandi nkun
f'dak li hu ta' Missieri?” Marija u Ġużeppi dal-kliem ma fehmuhx, iżda ommu
kienet tgħożż f'qalbha dawn il-ħwejjeġ
kollha.
Ejjew inżommuhom
f’qalbna aħna wkoll dawn il-ġrajjiet, u nieħdu tagħlima li dan ir-rakkont
jista’ joffrilna. Ma kienx Ġesù li ntilef; il-ġenituri tiegħu ma kinux jafu
fejn kien! Fittxewh u sabuh fit-tempju
jitkellem ma’ għalliema dwar dak li hu ta’ Missieru. Alla ma jintilefx, aħna
nitilfuh! U jekk irridu nsibuh, irridu nfittxuh fit-tempju, fejn hu jgħallimna
u jistedinna naċċettaw dak li Alla jixtieq minn kull wieħed u waħda minna biex
inkunu nistgħu nieħdu sehem mis-salvazzjoni li hu joffrilna kuljum permezz
tal-mewt, il-qawmien u t-tlugħ tiegħu fis-sema.
No comments:
Post a Comment