7/26/2025

IKUN LI TRID INT

Li jkun f’kuntatt kontinwu ma’ Missieru  kien important ħafna għal Ġesù. Kien jitkellem miegħu biex ikun jaf x’irid minnu, u biex jara jekk dak li jixtieq kienx jaqbel mar rieda ta’ Missieru. Tajjeb nisimgħu t-talba ta’ Ġesù fil-Ġetsemani: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26, 39). Hekk kien jitkellem Ġesù ma’ Missieru. Kien jitlob ħafna, kull ħin u kullimkien.

Darba kif Ġesù spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” Ġesù qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek. Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum. Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’”  

Din hi t-talba tal-Missiera kif tahielna San Luqa. It-talba tal-Missierna li soltu ngħidu hi dik li nsibu fl-Evanġelju ta’ Mattew (Mt 6, 9-13).

Skont Luqa, wieħed mid-dixxipli talab lil Ġesù biex jgħallimhom jitolbu, qisu biex ikollhom talba bħallikieku dokument li jimmarkahom bħala dixxipli tiegħu. Mattew jgħidilna li kif Ġesù ra l-folol, tala’ fuq muntanja, qagħad bilqiegħda, resqu lejh il-folol u d-dixxipli tiegħu u qabad jgħallimhom. Qalilhom ħafna affarijiet f’dak li nsejħulu d-Diskors tal-Muntanja. Fost l-oħrajn qalilhom kif għandhom jitolbu.

Jidher li Ġesù ma riedx jgħallimhom talba, ried jgħallimhom jitolbu. Hekk il-‘Missierna’ ma tibqax biss talba biex nitgħallmuha bl-amment. Ried li tkun bħal programm ta’ ħajja, affarijiet li Ġesù jixtieqna nagħmlu jekk irridu nimxu warajh, u qalilna nitolbuh jgħinna nagħmluhom, “Għax minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” (Ġw 13, 35).

L-ewwelnett talabhom li lil Alla jsejħulu, “Missier”. Jekk ilkoll insejħu lil Alla “Missier”, inkunu qed nammettu li aħna lkoll aħwa. Ġesù ma riedx li nkunu biss għaqda, soċjetà, klabb. Ried li nkunu Familja mibnija fuq l-imħabba. San Pawl jgħallimna: “Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla “ (Rum 8, 15-16).

Imbagħad qalilhom: “Meta titolbu, toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.... Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom” (Mt 6, 8). Ġesù ma jridx biss talb li kapaċi ngħiduh bl-amment. Irid li nitkellmu ma’ Alla Missierna billi niftħu qalbna miegħu bħal ulied li jafu li Alla jħobbhom tassew. Mela jridna nitkellmu, bis-sempliċità, bil-libertà u bl-onestà filwaqt li nirriflettu fuq dak li qed ngħidu.

Mhux se nispjega kull ħaġa li hemm miktuba fil-Missierna. Nixtieq ninsisti li Ġesù  jixtieqna nitkellmu ma’ Missieru, u mhux  biss ngħidu t-talba. Irridu nkunu onesti m’Alla, u niftħu qalbna miegħu. Qalilna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom (Ġw 15, 7). Fl-Evanġelju ta’ San Mark Ġesù qalilna: “Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom” (Mk 11, 24). Jekk nidħlu f’din l-intimità ma’ Alla nistgħu nitolbu kullimkien, il-ħin kollu, kull ma rridu. Nirringrazzjawh! Ngħidulu x’qed inħossu, ngħidulu bid-dwejjaq u bil-ferħ tagħna.

Talabna nħobbu lil xulxin. Ngħinu lil xulxin. Naħfru lil-xulxin. Jekk insibuha diffiċli naħfru, ngħidulu: “Qed insibha diffiċli naħfer lil dawk li weġġgħuni. Għinni! Għidli x’nagħmel”. Jekk għandi problemi, xejn ma jżommni li nitolbu jagħtini idea kif nista’ nsolvihom”.  Araw x’libertà tahom Alla lil dawk li jemmnu li huma wliedu!

“Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom... “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15, 11). “Ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”. (Ġw 15, 16-17).

No comments:

Post a Comment