L-evanġelju llum
iġibilna il-laqgħa ta’ Ġesù fid-dar ta’ Marta. Tidher storja sempliċi, iżda
mhix. Luqa ma jagħtinhiex wisq dettalji, u nibqgħu b’ħafna mistoqsijiet.
Il-familja ta’ Marta u Marija tinkludi wkoll lil ħuhom Lazzru. Għaliex anqas
biss jissemma? L-evanġelista jgħidilna li “huma u sejrin, daħal f’raħal”. Min
kien miexi ma’ Ġesù? U għaliex ma jissemmewx aktar? Fejn marru u għaliex Ġesù biss daħal, u fid-dar kien
hemm biss iż-żewġt aħwa bniet? Nistgħu nagħmlu aktar mistoqsijiet.
Tajjeb li
niffukaw fuq it-tlieta li kien hemm id-dar, Marta, Marija u Ġesù. It-tlieta
kienu ħbieb. Marta laqgħet lil Ġesù f’darha, u naturalment riedet li tilqgħu bl-aħjar
mod possibbli. Imma x-xogħol waqa’ fuqha biss. Marija wkoll riedet tilqa’ lil
Ġesù bl-aħjar mod, u nxeħtet ħdejh biex
tisma’ x’kien jgħid. Il-mistieden mhux ta’ min iħallih fil-ġenb mingħajr ħadd
ma jitkellem miegħu. Mela għandna lil Marta li kienet qed tħejji l-ikel, u
għandna lil Marija li baqgħet titkellem mal-mistieden. Meta Marta talbet lill-Ġesù
biex jgħid lil oħtha tgħinha fit-tħejjija għall-ikel, Ġesù weġibha: “Inti tinkwieta
fuq ħafna ħwejjeġ; imma ħaġa waħda hi meħtieġa. Marija għażlet l-aħjar sehem,
li ma jitteħdilhiex”.
Fl-antik, forsi
aktar minn fi żmienna min kien jikkummenta din l-istorja kien jinterpretaha
bħala għażla bejn il-ħajja attiva: “Marta, Marta, Inti taħseb u tinkwieta fuq
ħafna affarijiet”, u l-ħajja kontemplattiva: “ Marija għażlet l-aħjar sehem li
ma jitteħdilhiex”. It-tnejn kienu qed jaqdu dmirhom lejn il-Mistieden. Li
titma’ lil mistieden hu dmir, li titħaddet mal-mistieden ukoll. Li tisma’ lil
Ġesù hi l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu, għax b’hekk insiru dixxipli tiegħu.
Marta wkoll
riedet tisma’ lil Ġesù għalhekk xtaqet li Marija tmur tgħinnha biex hi wkoll
tisma’ waqt jkunu ż-żewġt aħwa flimkien ma’ Ġesù. Għalina ma ħemmx għalfejn naraw
liema l-aħjar li ngħażlu bejn il-ħajja kontemplattiva u dik attiva. San Duminku
għażel li jgħaqqad it-tnejn flimkien u San Tumas t’Akwinu tana l-motto li lilna
jogħoġobna ħafna: “Contemplari et contemplata aliis tradere” (Li tikkontempla, “li
titkellem ma’ Alla”, u tgħaddi lil ħaddieħor dak li tkun ikkontemplajt, jew
“titkellem dwar Alla”. Hekk kien jagħmel San Duminku, iżda qablu dan kien jagħmlu
Ġesù li kien sikwit jinġabar fit-talb “jitkellem ma’ Missieru” qabel ma
jgħallem jew jagħmel il-ħidma pastorali tiegħu. Ġesù u Duminku ma kienux
jitraskuraw la l-waħda (it-talb) anqas l-oħra (il-predikazzjoni). Qabel
S.Duminku kien hemm biss il-Monaċi jew l-eremiti (kontemplattivi), u predikaturi
kienu l-isqfijiet biss. Bit-twaqqif tal-Ordni tal-Predikaturi San Duminku ġabar
f’ħaġa waħda l-ħajja kontemplattiva u dik attiva, li hi x-xandir tal-kelma t’Alla billi
nużaw id-doni li Alla jagħti lil kull min Ġesù jistieden għal warajh, kulħadd
skont is-sejha tiegħu. Mela jekk nindunaw li qed nittraskuraw xi waħda minn dawn
l-affarijiet, għandna nieqfu ħalli nsibu l-bilanċ bejn li nitkellmu ma’ Alla, u
nitkellmu dwar Alla, bħalma għamel San Duminku, u tant oħrajn bħalu.
No comments:
Post a Comment