7/26/2025

IKUN LI TRID INT

Li jkun f’kuntatt kontinwu ma’ Missieru  kien important ħafna għal Ġesù. Kien jitkellem miegħu biex ikun jaf x’irid minnu, u biex jara jekk dak li jixtieq kienx jaqbel mar rieda ta’ Missieru. Tajjeb nisimgħu t-talba ta’ Ġesù fil-Ġetsemani: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26, 39). Hekk kien jitkellem Ġesù ma’ Missieru. Kien jitlob ħafna, kull ħin u kullimkien.

Darba kif Ġesù spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” Ġesù qalilhom: “Meta titolbu, għidu, ‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek. Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum. Aħfrilna dnubietna, għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina, u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’”  

Din hi t-talba tal-Missiera kif tahielna San Luqa. It-talba tal-Missierna li soltu ngħidu hi dik li nsibu fl-Evanġelju ta’ Mattew (Mt 6, 9-13).

Skont Luqa, wieħed mid-dixxipli talab lil Ġesù biex jgħallimhom jitolbu, qisu biex ikollhom talba bħallikieku dokument li jimmarkahom bħala dixxipli tiegħu. Mattew jgħidilna li kif Ġesù ra l-folol, tala’ fuq muntanja, qagħad bilqiegħda, resqu lejh il-folol u d-dixxipli tiegħu u qabad jgħallimhom. Qalilhom ħafna affarijiet f’dak li nsejħulu d-Diskors tal-Muntanja. Fost l-oħrajn qalilhom kif għandhom jitolbu.

Jidher li Ġesù ma riedx jgħallimhom talba, ried jgħallimhom jitolbu. Hekk il-‘Missierna’ ma tibqax biss talba biex nitgħallmuha bl-amment. Ried li tkun bħal programm ta’ ħajja, affarijiet li Ġesù jixtieqna nagħmlu jekk irridu nimxu warajh, u qalilna nitolbuh jgħinna nagħmluhom, “Għax minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi” (Ġw 13, 35).

L-ewwelnett talabhom li lil Alla jsejħulu, “Missier”. Jekk ilkoll insejħu lil Alla “Missier”, inkunu qed nammettu li aħna lkoll aħwa. Ġesù ma riedx li nkunu biss għaqda, soċjetà, klabb. Ried li nkunu Familja mibnija fuq l-imħabba. San Pawl jgħallimna: “Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!” Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla “ (Rum 8, 15-16).

Imbagħad qalilhom: “Meta titolbu, toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.... Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom” (Mt 6, 8). Ġesù ma jridx biss talb li kapaċi ngħiduh bl-amment. Irid li nitkellmu ma’ Alla Missierna billi niftħu qalbna miegħu bħal ulied li jafu li Alla jħobbhom tassew. Mela jridna nitkellmu, bis-sempliċità, bil-libertà u bl-onestà filwaqt li nirriflettu fuq dak li qed ngħidu.

Mhux se nispjega kull ħaġa li hemm miktuba fil-Missierna. Nixtieq ninsisti li Ġesù  jixtieqna nitkellmu ma’ Missieru, u mhux  biss ngħidu t-talba. Irridu nkunu onesti m’Alla, u niftħu qalbna miegħu. Qalilna: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom (Ġw 15, 7). Fl-Evanġelju ta’ San Mark Ġesù qalilna: “Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom” (Mk 11, 24). Jekk nidħlu f’din l-intimità ma’ Alla nistgħu nitolbu kullimkien, il-ħin kollu, kull ma rridu. Nirringrazzjawh! Ngħidulu x’qed inħossu, ngħidulu bid-dwejjaq u bil-ferħ tagħna.

Talabna nħobbu lil xulxin. Ngħinu lil xulxin. Naħfru lil-xulxin. Jekk insibuha diffiċli naħfru, ngħidulu: “Qed insibha diffiċli naħfer lil dawk li weġġgħuni. Għinni! Għidli x’nagħmel”. Jekk għandi problemi, xejn ma jżommni li nitolbu jagħtini idea kif nista’ nsolvihom”.  Araw x’libertà tahom Alla lil dawk li jemmnu li huma wliedu!

“Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom... “Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15, 11). “Ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”. (Ġw 15, 16-17).

7/18/2025

ĦAĠA WAĦDA HI MEĦTIEĠA

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex” (Lq 10: 38-42).

L-evanġelju llum iġibilna il-laqgħa ta’ Ġesù fid-dar ta’ Marta. Tidher storja sempliċi, iżda mhix. Luqa ma jagħtinhiex wisq dettalji, u nibqgħu b’ħafna mistoqsijiet. Il-familja ta’ Marta u Marija tinkludi wkoll lil ħuhom Lazzru. Għaliex anqas biss jissemma? L-evanġelista jgħidilna li “huma u sejrin, daħal f’raħal”. Min kien miexi ma’ Ġesù? U għaliex ma jissemmewx aktar? Fejn marru  u għaliex Ġesù biss daħal, u fid-dar kien hemm biss iż-żewġt aħwa bniet? Nistgħu nagħmlu aktar mistoqsijiet.

Tajjeb li niffukaw fuq it-tlieta li kien hemm id-dar, Marta, Marija u Ġesù. It-tlieta kienu ħbieb. Marta laqgħet lil Ġesù  f’darha, u naturalment riedet li tilqgħu bl-aħjar mod possibbli. Imma x-xogħol waqa’ fuqha biss. Marija wkoll riedet tilqa’ lil Ġesù bl-aħjar mod, u nxeħtet  ħdejh biex tisma’ x’kien jgħid. Il-mistieden mhux ta’ min iħallih fil-ġenb mingħajr ħadd ma jitkellem miegħu. Mela għandna lil Marta li kienet qed tħejji l-ikel, u għandna lil Marija li baqgħet titkellem mal-mistieden. Meta Marta talbet lill-Ġesù biex jgħid lil oħtha tgħinha fit-tħejjija għall-ikel, Ġesù weġibha: “Inti tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma ħaġa waħda hi meħtieġa. Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Fl-antik, forsi aktar minn fi żmienna min kien jikkummenta din l-istorja kien jinterpretaha bħala għażla bejn il-ħajja attiva: “Marta, Marta, Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna affarijiet”, u l-ħajja kontemplattiva: “ Marija għażlet l-aħjar sehem li ma jitteħdilhiex”. It-tnejn kienu qed jaqdu dmirhom lejn il-Mistieden. Li titma’ lil mistieden hu dmir, li titħaddet mal-mistieden ukoll. Li tisma’ lil Ġesù hi l-aħjar ħaġa li nistgħu nagħmlu, għax b’hekk insiru dixxipli tiegħu.

Marta wkoll riedet tisma’ lil Ġesù għalhekk xtaqet li Marija tmur tgħinnha biex hi wkoll tisma’ waqt jkunu ż-żewġt aħwa flimkien ma’ Ġesù. Għalina ma ħemmx għalfejn naraw liema l-aħjar li ngħażlu bejn il-ħajja kontemplattiva u dik attiva. San Duminku għażel li jgħaqqad it-tnejn flimkien u San Tumas t’Akwinu tana l-motto li lilna jogħoġobna ħafna: “Contemplari et contemplata aliis tradere” (Li tikkontempla, “li titkellem ma’ Alla”, u tgħaddi lil ħaddieħor dak li tkun ikkontemplajt, jew “titkellem dwar Alla”. Hekk kien jagħmel San Duminku, iżda qablu dan kien jagħmlu Ġesù li kien sikwit jinġabar fit-talb “jitkellem ma’ Missieru” qabel ma jgħallem jew jagħmel il-ħidma pastorali tiegħu. Ġesù u Duminku ma kienux jitraskuraw la l-waħda (it-talb) anqas l-oħra (il-predikazzjoni). Qabel S.Duminku kien hemm biss il-Monaċi jew l-eremiti (kontemplattivi), u predikaturi kienu l-isqfijiet biss. Bit-twaqqif tal-Ordni tal-Predikaturi San Duminku ġabar f’ħaġa waħda l-ħajja kontemplattiva u dik attiva, li hi x-xandir tal-kelma t’Alla billi nużaw id-doni li Alla jagħti lil kull min Ġesù jistieden għal warajh, kulħadd skont is-sejha tiegħu. Mela jekk nindunaw li qed nittraskuraw xi waħda minn dawn l-affarijiet, għandna nieqfu ħalli nsibu l-bilanċ bejn li nitkellmu ma’ Alla, u nitkellmu dwar Alla, bħalma għamel San Duminku, u tant oħrajn bħalu.


7/12/2025

“U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU?”

Darba wieħed għaref fil-Liġi biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. (Lq 10:25-37).

Wieħed għaref fil-liġi, li min jaf kemm studja taħt għalliema bravi, qam biex jiddiskuti ma Ġesù il-mastrudaxxa li kien qed jippriedka u jfejjaq il-morda. Dak staqsa lil Ġesù x’kellu jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem. Mistoqsija li tajjeb nagħmluha aħna wkoll ħalli nżommu quddiemna fejn nixtiequ naslu, jiġifieri fil-glorja ta’ dejjem.

Biex immur x’imkien irrid inkun naf fejn sejjer, kif nista’ nasal hemm, u jekk ikolli xi dubju nistaqsi.

Din id-diskursata kienet bejn wieħed li studja ħafna u ħaseb li jaf ħafna, u mastrudaxxa li ma tantx kellu ċans jistudja. Meta n-nies kienu jisimgħu lil Ġesù jitkellem, kienu jistagħġbu u kienu jgħidu: “Dan kif jaf daqshekk bla ma tgħallem? Ġesù kien igħidilhom: “It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni  (Ġw 7, 14-16). Ġesù lill-għaref qallu: “X’tgħid il-Liġi?”.  Dak wieġeb li l-Liġi tgħallem li għandna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha u lill-proxxmu tagħna bħalma nħobbu lilna nfusna. Anzi, Ġesù jixtieq li nħobbu lill-proxxmu bħalma ħabbna hu (Ġw13, 35) “Imħabba akbar minn din ma ħawnx” (Ġw 15, 13).

Ġesù qal lil-għaref fil-Liġi biex jobdi l-Liġi. Din it-tweġiba lill-għaref fil-Liġi ma għoġbitux għax ma rnexxilux iġarrab lil Ġesù kif xtaq. Allura, staqsih: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. Ġesù wieġeb permezz tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Il-parabbola lkoll nafuha, u se nipprova nagħti t-tweġiba li biha il-Mulej ried jgħallem lill-Għaref u lilna.

Wieħed raġel kien għaddej għall-affari tiegħu u qabżu fuqu xi ħallelin. Dawn neżżgħuh, biċċruh, ħallewh nofsu mejjet u telqu. Qassis u Levita li kienu għaddejin minn hemm, raw lir-raġel kważi mejjet u forsi qalu, “Ara miskin!”, u baqgħu sejrin għall-affari tagħhom. Wieħed Samaritan kien għaddej minn hemm. Meta wasal ħdejn il-midrub, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-feriti, infaxxahomlu, tellgħu fuq il-bhima tiegħu, u wasslu fil-lukanda. L-għada ħallas lil sid il-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”.

Il-mistoqsija ta’ Ġesu’ lill-Għaref tal-Liġi u lilna wkoll hi: “Minn dawn it-tlieta, min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu l-għaref. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Mela hemm ir-raġel li waqa f’idejn il-ħallelin u hemm dak li ġietu ħniena minnu u tah l-għajnuna li kellu bżonn. Hemm il-vittma u min kellu tassew ħniena minnu għax kellu l-imħabba f’qalbu. Kien hemm dak li sofra u dak li henn għalih, il-vittma u l-proxxmu.

Ġesù qalilna: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! (Mt 7, 21). Ir-rieda tal-Missier hi li nħobbu lil proxxmu bħalma jħobbna Ibnu Ġesù. Allura lili tiġini l-mistoqsija: “Min hu tassew il-proxxmu tagħna?”. Forsi malajr inwieġbu: “Dak li jkollu bżonn l-għajnuna tagħna”. Naħseb li nkunu qed niżbaljaw.

Min għandu l-aktar ħniena, dak li għandu l-aktar bżonnha jew dak li għandu l-akbar imħabba f’qalbu u lest li jaqsamha ma dawk li jeħtiġuha u jitolbuha? Min għandu l-akbar imħabba? Ġesù s-Salvatur tagħna! Hu stess qal: “Imħabba akbar minn din ma hawnx: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13).

Min hu l-veru Proxxmu? Dak li għandu l-akbar ħniena, l-akbar imħabba u li jaqsamha magħna ‘l-ħin kollu. Mela, Ġesù hu l-Proxxmu tagħna! Tinstama’ stramba din! Għalhekk hu tajjeb li nieqfu biex nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel u jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” (Ġw 14 12-14). Iva, “ma’ Kristu, bi Kristu u fi Kristu” insiru proxxmu tassew aħna wkoll. Nisimgħu darb’oħra dak li Ġesù qal lill-Għaref tal-Liġi u lilna: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14, 15). Jiġifieri, “Mur u agħmel hekk inti wkoll”, biex hekk fik tidher l-imħabba bla qies ta’ Kristu. Hekk Ġesù jkun jista’ jgħid għalina wkoll: “Min jara lilkom jara lili u min jara lili jara lil Missieri li bagħatni” (ara Ġw 14, 9). Fi tmiem il-quddiesa ċ-ċelebrant jgħidilna, “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, jiġifieri, “Morru, u kunu Proxxmu intom ukoll”.

 

7/04/2025

IL-ĦSAD HUWA KBIR, IMMA L-ĦADDIEMA FTIT!

Il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. ... Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’” (Lq 10:1-9).

Fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu Ġesù sejjaħ nies li setgħu jgħinuh. Kienu nies sempliċi, sajjieda. Kien iżommhom qribu biex isiru midħla tiegħu, iħarriġhom u jagħmilhom veri dixxipli. Darba, wara li għadda lejl fit-talb lil Alla Missieru sejjaħ lid-dixxipli u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli (Lq 6, 12-13), biex jibqgħu miegħu u jibgħathom jippridkaw. Meta Ġesù sejħilhom l-ewwel darba qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin” (Mt 4, 19).

Ġesù mbagħad għażel 72 dixxiplu ieħor u bagħathom tnejn tnejn qablu kull fejn kien se jmur hu. Qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup”.

X’differenza hemm bejn dawn iż-żewġ sejħat?

It-tnax l-appostlu jirrappreżentaw lit-tnax-il tribù ta’ Iżrael, poplu magħżul minn Alla, biex minnu kellu jitwieled il-Messija. Ġesù ried li fuq dawn it-tnax jibni l-Knisja tiegħu. Qabel ma telgħa s-Sema Ġesù qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, għammduhom u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28, 19-20).

It-tnejn u sebgħin dixxipli li jsemmihom biss Luqa, jirrappreżentaw il-ġnus kollha li fosthom Ġesù bagħat lill-appostli biex fihom jiżirgħu il-Kelma ta’ Alla, li hi Ġesù nnifsu. Luqa ma jgħidilniex li Ġesù tahom xi setgħa speċjali. Qalilhom biss li l-ħsad hu kbir, li l-ħaddiema huma ftit, li għandhom jitolbu lil sid il-ħsad jibgħat aktar ħaddiema u li kien qiegħed jibgħathom bħal ħrief qalb l-ilpup. Lil dawn ukoll qalilhom kif għandhom iġibu ruhom waqt li jwettqu l-missjoni tagħom.

Din is-sejħa għalhekk tinvolvi lilna, l-insara tallum. Ma qalilniex biex niżirgħu, qalilna biex nieħdu ħsieb il-ħsad. Bidwi waħdu kapaċi jiżra’ ħafna għelieqi imma fi żmien il-ħsad hemm bżonn l-għajnuna ta’ ħafna nies ta’ rieda tajba, speċjalment il-membri tal-familja Nisranija. Trid inqas nies biex tizra’, trid aktar nies biex jiġbru l-prodott li wasal ghall-ħsad, qabel ma jitħassar jew jinsteraq. Ejjew niftakru l-parabbola tas-Sikrana (Mt 13, 24-30). Il-bidwi żera’  żerrigħa tajba. L-għadu żera’ s-sikrana. Il-Knisja titlobna nkunu żerriegħa tajba kulħadd skont il-vokazzjoni tiegħu, Saċerdoti, Reliġjużi, Missirijiet, Ommijiet u Lajċi, Miżżewġin jew le.

Illum l-evanġelju jistedinna nitolbu l-sid il-ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu, għax l-għadu tagħna l-ħin kollu, u bil-mezzi kollha dejjem qed jiżra’ s-sikrana fid-dinja tagħna. Nafu li jekk ma nagħtux sehemna lkoll flimkien fid-dinja jsir dak li qed naraw issa stess kullimkien madwarna: ġlied, ġwerer, eġoiżmu, korruzzjoni u tant affarijiet koroh oħra li naraw u naqraw dwarhom fil-mezzi tal-komunikazzjoni kull jum. Ġesù qiegħed jibgħatna bħal ħrief qalb l-ilpup, mhux biex insiru lpup  bħalhom, iżda biex nieħdu ħsieb il-ħsad, il-ħrief.