7/12/2025

“U L-PROXXMU TIEGĦI MIN HU?”

Darba wieħed għaref fil-Liġi biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. (Lq 10:25-37).

Wieħed għaref fil-liġi, li min jaf kemm studja taħt għalliema bravi, qam biex jiddiskuti ma Ġesù il-mastrudaxxa li kien qed jippriedka u jfejjaq il-morda. Dak staqsa lil Ġesù x’kellu jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem. Mistoqsija li tajjeb nagħmluha aħna wkoll ħalli nżommu quddiemna fejn nixtiequ naslu, jiġifieri fil-glorja ta’ dejjem.

Biex immur x’imkien irrid inkun naf fejn sejjer, kif nista’ nasal hemm, u jekk ikolli xi dubju nistaqsi.

Din id-diskursata kienet bejn wieħed li studja ħafna u ħaseb li jaf ħafna, u mastrudaxxa li ma tantx kellu ċans jistudja. Meta n-nies kienu jisimgħu lil Ġesù jitkellem, kienu jistagħġbu u kienu jgħidu: “Dan kif jaf daqshekk bla ma tgħallem? Ġesù kien igħidilhom: “It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni  (Ġw 7, 14-16). Ġesù lill-għaref qallu: “X’tgħid il-Liġi?”.  Dak wieġeb li l-Liġi tgħallem li għandna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha u lill-proxxmu tagħna bħalma nħobbu lilna nfusna. Anzi, Ġesù jixtieq li nħobbu lill-proxxmu bħalma ħabbna hu (Ġw13, 35) “Imħabba akbar minn din ma ħawnx” (Ġw 15, 13).

Ġesù qal lil-għaref fil-Liġi biex jobdi l-Liġi. Din it-tweġiba lill-għaref fil-Liġi ma għoġbitux għax ma rnexxilux iġarrab lil Ġesù kif xtaq. Allura, staqsih: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. Ġesù wieġeb permezz tal-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Il-parabbola lkoll nafuha, u se nipprova nagħti t-tweġiba li biha il-Mulej ried jgħallem lill-Għaref u lilna.

Wieħed raġel kien għaddej għall-affari tiegħu u qabżu fuqu xi ħallelin. Dawn neżżgħuh, biċċruh, ħallewh nofsu mejjet u telqu. Qassis u Levita li kienu għaddejin minn hemm, raw lir-raġel kważi mejjet u forsi qalu, “Ara miskin!”, u baqgħu sejrin għall-affari tagħhom. Wieħed Samaritan kien għaddej minn hemm. Meta wasal ħdejn il-midrub, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-feriti, infaxxahomlu, tellgħu fuq il-bhima tiegħu, u wasslu fil-lukanda. L-għada ħallas lil sid il-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”.

Il-mistoqsija ta’ Ġesu’ lill-Għaref tal-Liġi u lilna wkoll hi: “Minn dawn it-tlieta, min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu l-għaref. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

Mela hemm ir-raġel li waqa f’idejn il-ħallelin u hemm dak li ġietu ħniena minnu u tah l-għajnuna li kellu bżonn. Hemm il-vittma u min kellu tassew ħniena minnu għax kellu l-imħabba f’qalbu. Kien hemm dak li sofra u dak li henn għalih, il-vittma u l-proxxmu.

Ġesù qalilna: “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! (Mt 7, 21). Ir-rieda tal-Missier hi li nħobbu lil proxxmu bħalma jħobbna Ibnu Ġesù. Allura lili tiġini l-mistoqsija: “Min hu tassew il-proxxmu tagħna?”. Forsi malajr inwieġbu: “Dak li jkollu bżonn l-għajnuna tagħna”. Naħseb li nkunu qed niżbaljaw.

Min għandu l-aktar ħniena, dak li għandu l-aktar bżonnha jew dak li għandu l-akbar imħabba f’qalbu u lest li jaqsamha ma dawk li jeħtiġuha u jitolbuha? Min għandu l-akbar imħabba? Ġesù s-Salvatur tagħna! Hu stess qal: “Imħabba akbar minn din ma hawnx: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13).

Min hu l-veru Proxxmu? Dak li għandu l-akbar ħniena, l-akbar imħabba u li jaqsamha magħna ‘l-ħin kollu. Mela, Ġesù hu l-Proxxmu tagħna! Tinstama’ stramba din! Għalhekk hu tajjeb li nieqfu biex nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel u jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” (Ġw 14 12-14). Iva, “ma’ Kristu, bi Kristu u fi Kristu” insiru proxxmu tassew aħna wkoll. Nisimgħu darb’oħra dak li Ġesù qal lill-Għaref tal-Liġi u lilna: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14, 15). Jiġifieri, “Mur u agħmel hekk inti wkoll”, biex hekk fik tidher l-imħabba bla qies ta’ Kristu. Hekk Ġesù jkun jista’ jgħid għalina wkoll: “Min jara lilkom jara lili u min jara lili jara lil Missieri li bagħatni” (ara Ġw 14, 9). Fi tmiem il-quddiesa ċ-ċelebrant jgħidilna, “Morru fil-paċi ta’ Kristu”, jiġifieri, “Morru, u kunu Proxxmu intom ukoll”.

 

No comments:

Post a Comment