Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 11, 25-30)
F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Hu minħabba
f’hekk li fit-tieni parti tal-evanġelju tal-lum Ġesù jistedinna bil-ħerqa
kollha u jgħidilna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom”. Jekk nistaqsu għaliex għandna mmorru għandu, hu stess
iweġibna: “Għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom tistgħu titgħallmu
minni”.
Ġesù jgħidilna
wkol: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax
il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”. Tiġina li nistaqsu: “Imma veru
li l-madmad ta’ Ġesù hu ħafif?”. Hemm ħafna fostna li jistgħu jgħidu: “Il-ħajja
mhi faċli xejn, speċjalment jekk nippruvaw ngħixu kif suppost u kif jitlobna Ġesù.
Ma tantx hu ħafif dak li jitlob minna!” Allura Ġesù qed jingannana? Żgur li le!
X’qed igħidilna,
mela? Hu semma l-madmad, kelma li aħna llum x’aktarx nifmuha biss bħala piż,
oppressjoni. Fil-fatt, fl-imgħoddi madmad kien biċċa għodda li l-bdiewa kienu
jużaw meta kienu jridu jaħartu xi biċċa art diffiċli. Kienu jużaw il-madmad
biex ix-xogħol jinħadem maqsum bejn żewġ bhejjem, u hekk ma jkunx annimal
wieħed li jġorr il-piż kollu.
Is-sabiħa hi li
Ġesù jgħid li l-madmad hu tiegħu, mhux għaliex hu l-proprjetarju, imma għaliex jekk
aħna naċċettaw dan il-madmad tiegħu, il-piż se jinqasam bejnietna t-tnejn; nofs
il-piż u aktar se jkun qed iġorru Ġesù, magħna u għalina.
Tajjeb niftakru
li meta Ġesù jgħidilna: “Ejjew għandi”, jgħidilna wkoll: “Itolbu kull ma tridu
u jingħatalkom. Ma għamlilna ebda restrizzjoni fuq x’nistgħu nitolbu, jew ma
nitolbux. L-unika ħaġa li żgur ma nistgħux nitolbuh hu dak li hu ħażin għalina
jew għall-oħrajn, għax ma nistgħux nitolbu li Alla li jonqos minn dmiru ta’
missier u jidneb. Fit-tieġ ta’ Kana l-Madonna qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma
jgħidilkom ibni”. Kien naqashom l-inbid. Ġesù qal lil-qaddejja biex jimlew
il-ġarar bl-ilma. Dawk imlewhom sax-xifer. Qalilhom biex iservu minn dawk il-ġarar.
Allavolja kien jidher stramb dak li qalilhom jagħmlu, il-qaddejja obdew, u raw li
l-ġarar kienu mimlija mbid tajjeb. Ġesù ta lil kull min kien fil-festa, l-aħjar
imbid li qatt daqu. Hekk jagħmel Ġesù magħna jekk namgħlu dak li jgħidilna, anke
jekk ħafna drabi ma nifhmuhx sewwa x’irid.
Mela, ejjew
noħduhom bis-serjetà l-kliem ta’ Ġesù: “Ejjew għandi ... Itolbu u taqilgħu”,
anke jekk kultant idum biex jismagħna, jew jekk ix-xitan jipprova jikkonvinċina
li Ġesù ma jagħtix kas tagħna għax aħna midinbin. Le ejja ma nemmnuħx lix-xitan
għax dak qarrieq u jrid ibegħedna minn Alla. Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Jien
mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema" (Lq 3,
8). Għalhekk igħidilna: “Ejjew għandi ... tħallux min iqarraq bikom.”
No comments:
Post a Comment