
Wieħed għaref
fil-liġi, li min jaf kemm studja taħt għalliema bravi, qam biex jiddiskuti ma
Ġesù il-mastrudaxxa li kien qed jippriedka u jfejjaq il-morda. Dak staqsa lil
Ġesù x’kellu jagħmel biex jiret il-ħajja ta’ dejjem. Mistoqsija li tajjeb
nagħmluha aħna wkoll ħalli nżommu quddiemna fejn nixtiequ naslu, jiġifieri
fil-glorja ta’ dejjem.
Biex immur
x’imkien irrid inkun naf fejn sejjer, kif nista’ nasal hemm, u jekk ikolli xi
dubju nistaqsi.
Din
id-diskursata kienet bejn wieħed li studja ħafna u ħaseb li jaf ħafna, u
mastrudaxxa li ma tantx kellu ċans jistudja. Meta n-nies kienu jisimgħu lil
Ġesù jitkellem, kienu jistagħġbu u kienu jgħidu: “Dan kif jaf daqshekk bla ma
tgħallem? Ġesù kien igħidilhom: “It-tagħlim tiegħi mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak
li bagħatni (Ġw 7, 14-16). Ġesù lill-għaref qallu: “X’tgħid
il-Liġi?”. Dak wieġeb li l-Liġi tgħallem li għandna nħobbu lil Alla
b’qalbna kollha u lill-proxxmu tagħna bħalma nħobbu lilna nfusna. Anzi, Ġesù
jixtieq li nħobbu lill-proxxmu bħalma ħabbna hu (Ġw13, 35) “Imħabba akbar minn
din ma ħawnx” (Ġw 15, 13).
Ġesù qal
lil-għaref fil-Liġi biex jobdi l-Liġi. Din it-tweġiba lill-għaref fil-Liġi ma
għoġbitux għax ma rnexxilux iġarrab lil Ġesù kif xtaq. Allura, staqsih: “U
l-proxxmu tiegħi min hu?”. Ġesù wieġeb permezz tal-parabbola tas-Samaritan
it-tajjeb. Il-parabbola lkoll nafuha, u se nipprova nagħti t-tweġiba li biha
il-Mulej ried jgħallem lill-Għaref u lilna.
Wieħed raġel
kien għaddej għall-affari tiegħu u qabżu fuqu xi ħallelin. Dawn neżżgħuh,
biċċruh, ħallewh nofsu mejjet u telqu. Qassis u Levita li kienu għaddejin minn
hemm, raw lir-raġel kważi mejjet u forsi qalu, “Ara miskin!”, u baqgħu sejrin
għall-affari tagħhom. Wieħed Samaritan kien għaddej minn hemm. Meta wasal ħdejn
il-midrub, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-feriti, infaxxahomlu, tellgħu
fuq il-bhima tiegħu, u wasslu fil-lukanda. L-għada ħallas lil sid il-lukanda u
qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’
ngħaddi”.
Il-mistoqsija
ta’ Ġesu’ lill-Għaref tal-Liġi u lilna wkoll hi: “Minn dawn it-tlieta, min
jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min
ħenn għalih”, wieġbu l-għaref. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.
Mela hemm
ir-raġel li waqa f’idejn il-ħallelin u hemm dak li ġietu ħniena minnu u tah
l-għajnuna li kellu bżonn. Hemm il-vittma u min kellu tassew ħniena minnu għax
kellu l-imħabba f’qalbu. Kien hemm dak li sofra u dak li henn għalih, il-vittma
u l-proxxmu.
Ġesù qalilna:
“Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda
min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! (Mt 7, 21). Ir-rieda
tal-Missier hi li nħobbu lil proxxmu bħalma jħobbna Ibnu Ġesù. Allura lili
tiġini l-mistoqsija: “Min hu tassew il-proxxmu tagħna?”. Forsi malajr inwieġbu:
“Dak li jkollu bżonn l-għajnuna tagħna”. Naħseb li nkunu qed niżbaljaw.
Min għandu
l-aktar ħniena, dak li għandu l-aktar bżonnha jew dak li għandu l-akbar imħabba
f’qalbu u lest li jaqsamha ma dawk li jeħtiġuha u jitolbuha? Min għandu l-akbar
imħabba? Ġesù s-Salvatur tagħna! Hu stess qal: “Imħabba akbar minn din ma
hawnx: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13).
Min hu l-veru
Proxxmu? Dak li għandu l-akbar ħniena, l-akbar imħabba u li jaqsamha magħna
‘l-ħin kollu. Mela, Ġesù hu l-Proxxmu tagħna! Tinstama’ stramba din! Għalhekk
hu tajjeb li nieqfu biex nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Tassew tassew
ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel
jien, u akbar minnhom għad jagħmel u jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena
nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu. Iva, jekk
titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha” (Ġw 14 12-14). Iva, “ma’ Kristu, bi
Kristu u fi Kristu” insiru proxxmu tassew aħna wkoll. Nisimgħu darb’oħra dak li
Ġesù qal lill-Għaref tal-Liġi u lilna: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti
tiegħi” (Ġw 14, 15). Jiġifieri, “Mur u agħmel hekk inti wkoll”, biex hekk fik
tidher l-imħabba bla qies ta’ Kristu. Hekk Ġesù jkun jista’ jgħid għalina
wkoll: “Min jara lilkom jara lili u min jara lili jara lil Missieri li
bagħatni” (ara Ġw 14, 9). Fi tmiem il-quddiesa ċ-ċelebrant jgħidilna, “Morru
fil-paċi ta’ Kristu”, jiġifieri, “Morru, u kunu Proxxmu intom ukoll”.