9/25/2025

L-GĦAŻLA HI F’IDEJNA

 

Ġesù qal lill-Fariżej din il-parabbola: “Kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh”.

Il-parabbola nafuha. Ir-raġel għani kien moħħu li jgawdi kemm jista’ l-ġid li kellu.  Ma nafux mnejn ġabu dal-ġid. Kien wirtu? Ħadem bil-għaqal? Kien frott tal-korruzzjoni? Mhux li jinteressana. Anqas nafu x’jismu! Ġesù ma għandu xejn kontra l-għonja. Jixtieq li l-għana li għandhom jużawha biex jagħmlu l-ġid. Ir-raġel l-ieħor kien fqir, u ma nafux għaliex! Tgħid twieled fil-faqar? Ma kienx bil-għaqal? Min jaf! Imma nafu x’kien jismu, Lazzru. Nafu li kien marid ħafna, li kien imur ħdejn id-dar tal-għani jixxennaq li jitrejjaq b’dak li forsi kien jaqa’ mill-mejda. It-tnejn li huma mietu. Miet il-fqir u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Miet l-għani wkoll, u difnuh. Il-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja tispiċċa taħt l-art.

Il-qofol tal-parabbola hu dak li jiġri wara l-mewt tal-ġisem meta niltaqgħu wiċċ imb’wiċċ mal-Missier, għax il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel. Kif tinbidel jiddependi minn kemm inkunu tajna kas tal-parir ta’ Ġesù: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jagħżlu lilha. Imma hu dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha! (Mt 7, 13-14). X’irridu nagħmlu biex insibu t-triq li twassal għall-ħajja? Ġesù  qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”. (Ġw  14, 6). U kif nagħmlu biex nimxu ma’ Ġesù lejn il-ħajja? Hu stess jgħidilna: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha”. (Lq 9, 23-24).

Ġesù jridna ngħixu fil-faqar? Hemm il-faqar li ħaddan “Ġesù li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom biex tistgħu tistagħnu bil-faqar tiegħu” (2Cor 8, 9). Dawk li jħaddnu dan il-faqar ikunu “Henjin ... għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 5, 3). Dan it-tip ta’ faqar ngħixuh meta nkunu kapaċi ngħinu bil-ġid li jkollna lil min għandu bżonn. Ġesù qalilna “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Mhux ta’ b’xejn li l-għani sab ruħu fi tbatija kbira, għax qatt ma ġietu ħniena mill-fqir marid u bil-ġuħ jixxennaq għal ftit ikel li kien jaqa’ mill-mejda tiegħu.

Imbagħad hemm il-faqar li hu impost frott tal-ħażen tal-bnedmin, bħal serq, korruzzjoni, vjolenza, gwerer u ħwejjeġ oħra li l-bnedmin kapaċi jivvintaw. ... u dan il-faqar imur kontra r-rieda t’Alla.  Tajjeb  li kull darba li nkunu se nagħmlu xi għażla niftakru fi kliem Abraham: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati”. L-għażla hi f’idejna.

9/19/2025

14 ta’ Settembru – Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

                                                      DAĦLA  

llum il-Knisja qed tiċċelebra l-festa tal-eżaltazzjoni tas-Salib. Il-familja tagħna, qraba u ħbieb qed niċċelebraw il-ħajja ta’ Sr. Carolina Mamo tal-Little Sisters of the Poor, li llum tagħlaq xahar li ħallietna. Qed niccelebraw ukoll il-ħajja ta’ ommi Helen, li llum tagħlaq 34 sena li ħallietna.

Fil-vanġelu, se naqraw li Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.» Ejjew nerfgħu għajnejna lejn is-salib li fuq Ġesù tana t-tama ta’ ħajja bla tmiem.

Għar-Rumani s-salib kien għodda kiefra ta’ tortura biex jimponu s-setgħa tal-Imperu Ruman. Imma meta Ġesù għannaq is-salib, għax ried, biddel l-għodda ta’ kefrija f’għajn ta’ mħabba liema bħala għax ma’ hemmx imħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.  

Għalhekk ejjew nifirħu f’din il-festa tas-Salib, u nirringrazzjaw lil Alla li tana din l-għajn ta’ salvazzjoni, u li minħabba fiha nemmnu li oħtna Sr. Carolina u l-mejtin kollha tagħna, nies ta’ rieda tajba, diġà qed jaraw lil Ġesù wiċċ imb’wiċċ fil-glorja tiegħu.


OMELIJA

Kienu jgħidu li għandna tliet ċertezzi f’din il-ħajja: twelidna, qed ngħixu u se mmutu. Aħna l-insara għandna ċertezza oħra: Ġesù qal: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” (Ġw 6, 51). Ma għandniex esperjenza ta’ x’inhi l-ħajja ta’ dejjem. Hemm ix-xhieda tan-nies li raw, kielu, xorbu u tkellmu mal-uniku bniedem li kellu l-esperjenza personali tal-vera qawmien mil-mewt, Sidna Ġesù.

San Ġwann kiteb: “Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Però nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1 Ġw 3, 1a, 2). L-Ispirtu rrivelalna li “għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh” (1 Kor 2:10).

San Pawl kiteb: “Ħuti: Kristu tassew qam mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu. Bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Kulħadd skont kif imissu. L-ewwel frott hu Kristu. Warajh, dawk li huma ta’ Kristu f’jum il-miġja tiegħu. Imbagħad, it-tmiem, meta Kristu jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier. (1 Kor 15, 20).

Aħna li nemmnu, nafu fejn sejrin, għax Ġesù qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Nieħdu sehem minn dak li wiegħed Ġesù jekk nisimgħu u nagħmlu dak li jgħidilna, jekk inżommu fina t-tama, x-xewqa sinċiera li aħna se nkunu fejn jinsab Hu.

Fl-aħħar Ċena Ġesù talab; “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi, il-glorja li tajtni int”. “M’iniex nitlob għal dawn id-dixxipli biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom (Ġw 17, 20-24). Ġesù kien qed jaħseb fina!

Fil-funerali sikwit ngħidu li se niċċelebraw il-ħajja tal-mejjet. Illum mhux qed niċċelebraw il-funeral ta’ oħti Carolina. Għalina oħti mejta. Ġisimha miet u ndifen u mhux se nerġgħu narawh kif nafuh. Iżda nafu li Carolina għadha ħajja. Min jaf kemm-il darba tul ħajjitha rċeviet l-Ewkaristija, il-ħobż li min jiekol minnu jgħix għal dejjem. Ġieni li nitkellem dwar il-ħajja li Carolina qed tgħix issa.

Ġisimna jaf biss żewġ dimensjonijiet, iż-żmien, l-“issa” u l-ispazju, “hawn”. Ma nistgħux inkunu “hawn” u xi mkien ieħor fl-istess ħin. Għalhekk ma nistgħux nifhmu x’inhi l-eternità qabel ma nduquha. Meta Ġesù  tkellem dwar il-ħajja ta’ dejjem uża kliem li nifhmuh; ikel (Ġw 6, 26), pranzu, festa li Sultan iħejji għat-tieġ ta’ ibnu” (Mt 22, 2). Nafu min hu s-Sultan. Nafu li aħna mistednin.

Allura x’qed tagħmel Carolina? Qed tiehu sehem f’din il-festa li Alla ħejja għalina lkoll. Nemmen li diġà qed tgawdi s-sbuħija ta’ Alla għax qed tarah wiċċ imb’wiċċ, ħaġa li aħna għad ma nistgħux ingawduha jekk mhux meta nħarsu lejna l-bnedmin magħmula xbiha tiegħu u lejn il-ħlejjaq, kollha xogħol idejh. Nemmen li malli mmutu niltaqgħu ma’ dawk li tgħallimna nħobbu fuq din l-art: ġenituri, aħwa, qraba, ħbieb...

Aħna d-Dumnikani kull filgħaxija niftakru dak li San Duminku qal lil dawk li kienu qed jibku għax kien qed imut. Qalilhom “Wara mewti nkun nista’ nagħmlilkom ġid aktar milli għamiltilkom f’ħajti”.  L-istess ħaġa tgħidhilna Sr. Carolina, “Jiena aktar utli għalikom fejn qegħda”. Għalhekk, ma nibżgħux nitolbuha tgħinna u tidhol għalina quddiem Ġesù, u nirringrazzjawha. Hi qed tarah wiċċ imb’wiċċ fil-Ġenna, fejn hemm imħabba bla qjies.

Fit-18 ta’ Awwissu meta f’Torino, l-Italja, kienu qed jċċelebraw il-funeral ta’ Carolina, fil-knisja tagħna jiena qaddist għal ruħha. Billi n-nies ma kienux jafu min hi din Sr. Carolina, għidtilhom xi ħaġa fuqha. Għidtilhom li mietet fl-14 ta’ Awwissu, li kien il-birthday tagħha. Ġieni li ngħidilhom li stħajjilt lil Ġesù  jgħidilha: “Carolina, ħallejtek tiċċelebra l-birthday tiegħek ma’ ħutek is-sorijiet li kienu qed jitolbu miegħek u għalik. Il-lejla però se nieħdok miegħi biex tifraħ magħna fil-Ġenna fil-Festa tat-Tlugħ fis-sema ta’ Ommi u ommok. Ejja!”. U mietet.

Bqajt impresjonat għax ma nafx mnejn ġieni dal-ħsieb.