7/03/2023

BIEX INKUNU DIXXIPLI TA’ ĠESÙ


Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
(Mt 10, 37-38)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Il-Kelma tal-Mulej. 

Għandu mnejn ninħasdu meta fil-Vanġelu nisimgħu lil Ġesù jgħidilna: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu jew lil uliedu iżjed milli jħobb lili ma jistħoqqlux li jkun miegħi”.

X’qed igħidilna Ġesù? Li għandna nħobbu anqas lill-ġenituri tagħna u lil uliedna? Le! Alla qed joffrilna kejl li bih inkunu nistgħu nagħarfu  kemm hi kbira l-imħabba tagħna lejh. Ġesù jrid ifakkarna li tana żewġ kmandamenti li huma tant magħqudin flimkien li fil-fatt jagħmlu kmandament wieħed, kif igħid hu stess: “Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti” (Mt 22, 40).

Ġesù jrid ifakkarna li l-ewwel kmandament tiegħu hu: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”, dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed” (Mt 22, 36-38). Qed igħidilna li għandna nħobbuh b’kemm għandna ħila. Qatt ma nistgħu nħobbuh kemm jistħoqqlu għax aħna bnedmin niżbaljaw u nidinbu minkejja r-rieda tajba tagħna. Kif kien igħid Papa Benedittu XVI, l-imħabba tagħna hi debboli, iżda hi din l-imħabba debboli tagħna li nistgħu noffrulu lil Alla, u hu jaċċettaha. Irridu nkunu sinċieri u noffruhielu kollha kemm hi, kemm nistgħu. Anke fis-sens ta’ dak li jgħid Papa Franġisku: “Aħna midinbin, iżda mhux korrotti”. Min jagħraf li hu midneb ifittex il-maħfra; min hu korrott anqas biss jinduna li għandu bżonn maħfra! Tajjeb li niftakru fil-parabbola tal-Fariżew u l-publikan. It-tnejn telgħu it-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew qagħad jiftaħar kemm kien raġel tajjeb, u nesa’ jitlob. Il-publikan għaraf li hu midneb u talab maħfra. U ħareġ mit-tempju maħfur. San Pietru darba qal lil Ġesù: “Warrab minni għax jien midneb”. Ġesù qallu: “La tibżax. Jiena nagħmlek sajjied tal-bnedmin. Kuraġġ, mela!

Imbagħad Ġesù jfakkarna fit-tieni kmandament tal-imħabba: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Però illum hu jesprimiha hekk: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi”. Aħna nafu li f’ħajjitna niġu f’sitwazzjonijiet diffiċli ħafna li ma nkunux nafu sewwa kif se noħorġu minnhom u jkollna nagħżlu bejn dak li jitobna Alla u dak li jidhrilna aħna. Jiena nifhem li dan hu li jfisser terfa’ salibek bħalma għamel Ġesù u kif kien igħid lil dawk li kien isejjaħ biex isiru dixxipli tiegħu, fil-kas tagħna nsara ta’ veru. Kien igħidilhom: “Int imxi warajja” (Ġw 21-22). Hekk igħid lil kull wieħed u waħda minna: “Erfgħa salibek u imxi warajja”.

Nistgħu naħsbu li Ġesù ġarr salibu “mingħand Pilatu sal-Kalvarju” biss. Fil-fatt Ġesù ġarr salibu tul ħajtu kollha fuq din l-art, ibda mill-mument tal-Inkarnazzjoni, meta aċċetta li jsir bniedem bħalna f’kollox barra mid-dnub. Darba lin-nies qalilhom: “Jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni” (Ġw 6, 38). Jekk naqraw l-Evanġelju, ftit ftit kuljum, insiru nafu meta u kif Ġesù refa’ salibu. Se nfakkar tlieta minn dawn il-mumenti.

L-ewwel wieħed hu t-tieġ ta’ Kana. meta biddel l-ilma f’imbid tajjeb. Ġesù kien wieħed mill-mistednin għat-tieġ. Ommu Marija kienet hemm u ndunat li naqashom l-inbid. Qalet lil binha biex jagħmel xi ħaġa. Qalilha li kienet għadha ma wasalitx is-siegħa tiegħu. Hi qabdet u qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”, u Ġesù obdiha u tahom l-aħjar inbid li qatt daqu. La Ġesù u anqas Marija ma riedu li festa sabiħa tinbidel f’mument ta’ dwejjaq u mistħija.

It-tieni mument hu meta xi nisa ħadu quddiem Ġesù trabi u tfal żgħar biex iberikhom. “Id-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla” (Mk 10, 13-14). Dan ifisser li ma għandna nflixklu lil ħadd milli jersaq lejn Ġesù, tfal jew kbar.

It-tielet mument hu meta Ġesù, wara li qam mill-mewt deher lil xi dixxipli li kienu għaddew lejl jistadu għal xejn. Qalilhom biex jistadu minn-naħa l-oħra tad-dgħajsa. Għamlu hekk u qabdu ħafna ħut. Ġabu l-ħut ix-xatt u Ġesù qalilhom: “Ejjew kulu”, kliem li jfakkruna fl-Ewkaristija. Imbagħad, Ġesù qal lil Pietru: “Inti tħobbni int aktar minn dawn?”. “Iva, Mulej,” wieġbu dan, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Ġesù ma ċanfarx lil Pietru quddiem sħabu minħabba li f’mument ta’ biża’ ċaħad li kien jafu. Ried jagħmillu ‘l kuraġġ u jurieh li, minkejja kollox baqgħu ħbieb bl-istess imħabba li kellhom qabel.

F’dawn it-tliet mumenti u tant oħrajn bħalhom, Ġesù ġarr salibu biex iwettaq ir-rieda ta’ Missieru, għall-ġid tagħna l-bnedmin “biex ma jintilef ħadd minn dawk afdalu f’idejh” (ara Ġw 6, 39).

San Pawl jiġbor dan kollu fi ftit kliem, meta qal: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor ... Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki” (Rm 12, 9 u 15). Din hi s-solidarjetà nisranija li tagħmilna dixxipli ta’ Ġesù!

No comments:

Post a Comment