Mill-evanġelju ta’ S. Mattew (9:36—10:8) F’dak iż-żmien Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”.
Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh. Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Il-kelma tal-Mulej.
Soltu nibdew il-qari tal-evanġelju
bil-kelmiet “f’dak iż-żmien” u allura nistgħu nistaqsu: Meta u lil min Ġesὑ ra,
sejjaħ u bagħat? Inwieġeb li kien waqt il-qadi tal-missjoni tiegħu hawn fuq
l-art fil-Palestina ta’ żmienu. U issa li qiegħed fil-glorja tal-ġenna x’qed
jagħmel? Billi l-vanġelu hu l-Kelma t’Alla ħajja dak li naqraw fih jogħodd għalina
illum ukoll. Għalhekk nistgħu ngħidu li issa mil-glorja tiegħu Ġesù qiegħed
jara, isejjaħ u jibgħat lilna bħalma kien bagħat lid-dixxipli tiegħu
fl-imgħoddi.
X’ra fi żmienu Ġesù? Ra n-nies u tħassarhom
għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj! X’qed jara fid-dinja tagħna
tal-lum? Qed jara ħafna nies imdejqa u mitluqa bħal nagħaġ mingħajr ragħaj u
jitħassarhom, għax qed ifittxu ferħ u pjaċir fieragħ, li jgħaddi malajr u
jħalli vojt akbar minn ta’ qabel, u jħalli xenqa għal aktar pjaċir bla sugu.
Jara ‘l ħafna li aktar lesti jisimgħu u jemmnu lil min għandu nteress biss, jew
l-aktar, fil-qligħ ta’ ħafna flus malajr. Hekk Ġesù jara lil dawn in-nies jiġru
wara ħolm u gideb, u jitbegħedu mill-verità li mhix xi duttrina jew opinjoni
iżda hi persuna b’isem u storja, Ġesù magħruf bħala bin il-mastrudaxxa, li ta
xhieda tal-ġid li joffri lil min jagħmel ħiltu biex jimxi warajh. Hu qal lid-dixxipli
tiegħu tal-imgħoddi u t’issa: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema huma ftit.
Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Hu jgħidilna:
“Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10), u wkoll “Ejjew
għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11,
28) .
Lil min sejjaħ Ġesù fi żmienu? Sejjaħ tnax-il
raġel, nies sempliċi, l-aktar sajjieda li kienu qed jistennew messija, ħellies
speċjalment mill-ħakma tar-Rumani, x’aktarx bil-ħsieb li jiksbu xi post għoli fil-gvern
ta’ pajjiż ħieles, u meta sejħilhom malajr ħallew kollox u marru warajh.
Il-ħolma tagħhom kienet differenti mill-proġett ta’ Ġesù,
b’mod li meta hu ġie bżonnhom ħarbu u ħallewh waħdu.
Lil min isejjaħ Ġesù fi żmienna? Lilna, nies
sempliċi li għandna l-proġetti tagħna, il-ħolm tagħna li mhux dejjem jaqbel ma
dak li jitlob minna Ġesù, u sikwit, jekk mhux dejjem nagħmlu ta’ rasna, u
ngħidulu ‘le’ meta jkun qed jistenna mingħandna tweġiba ta’ fidi, ta’ fiduċja
fih. Tajjeb niftakru dak li jgħidilna Ġesù: “Mhux
intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu
l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa
jagħtihulkom” (Ġw 15, 16).
Ġesù għandu
fiduċja sħiħa fina, jafdana u jkompli jsejħilna u jibgħatna biex flimkien
miegħu nibnu dinja aħjar għal kulħadd. Ħafna drabi nibżgħu ngħidulu “Iva,
Mulej” għaliex aktar faċli naraw iċ-ċokon u d-dgħufija tagħna u sikwit niftakru
li aħna midinbin. Hu jagħmlilna l-kuraġġ u joffrilna mezzi biex nersqu lejh. Kull
meta Alla sejjaħ bnedmin għal xi biċċa xogħol, dejjem qalilhom “la tibżgħux,
jiena magħkom dejjem”. Alla jaf x’jagħmel bl-iżbalji tagħna, jaħfirhomlna u
jużahom biex jgħallimna nakkwistaw xi ħaġa tal-ġid. Hekk ilna nagħmlu sa minn
twelidna, niżbaljaw, nikbru u nitgħallmu. Kien hekk
li tgħallimna: nieklu, nitkellmu, nimxu, niġru u hekk għadna nitgħallmu: niżbaljaw
u nitgħallmu, u nkomplu niżbaljaw u nkomplu nitgħallmu. Ma hemmx għalfejn nibżgħu
niżbaljaw!
Nemmen li fl-aħħar ta’ ħajjitna għad nisimgħu
lil Missier Sidna Ġesù jgħidilna b’imħabba: “Jiena ħarist lejn iċ-ċokon
tal-qaddejja tiegħi u bil-kollaborazzjoni tagħhom għamilt ħwejjeġ kbar”. Hekk
nemmen, għax akbar minn hekk hi l-imħabba tiegħu mAa’ kull wieħed u waħda
minna.
No comments:
Post a Comment