5/30/2021

FESTA TAT-TRINITÀ QADDISA

 

    Bil-festa tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli miġburin flimkien għalaqna ż-żmien li matulu ċċelebrajna l-misterju tar-Redenzjoni tagħna. Fih iffukajna l-aktar fuq Sidna Ġesù li ġie ppersegwitat b’diversi modi, ġie ttorturat u maqtul b’mewt krudila fuq salib. Imma hu qam rebbieħ fuq il-mewt, u fuq il-pjanijiet li l-għedewwa fasslu biex mingħalihom jeħilsu minnu. Din kienet ħidma tat-Trinità Qaddisa.

Meta rġajna bdejna ż-żmien liturġiku li nsejħulu ta’ Matul is-Sena, il-Knisja stednitna biex fl-ewwel Ħadd niċċelebraw il-festa tat-Trinità. Hekk infakkru lilna nfusna li s-salvazzjoni tagħna hi kollha kemm hi ħidma ta’ Alla l-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, li għalkemm kull waħda minn dan il-Persuni hi Alla, m’humiex tliet Allat iżda Alla wieħed.

Dan hu l-misterju li qed niċċelebraw illum. Ma nifhmuhx, għax moħħna ma jwassalx daqshekk. Iżda l-intelliġenza tagħna tgħidilna li jekk ħaġa ma nifhmuhiex, nistgħu nemmnu lil dak li jgħidhielna, jekk jistħoqqlu l-fiduċja tagħna.

Fil-misterju tat-Trinità fil-fatt aħna niċċelebraw żewġ misterji.

L-ewwel wieħed hu l-misterju ta’ Alla wieħed. Minn fost il-popli li kienu jqimu ħafna allat, Alla l-imbierek għażel għalih poplu u għallmu li għandu jqim u jobdi lilu biss. Fl-ewwel qari smajna lil Mosè li, mibgħut minn Alla, qal lill-Lhud, poplu digà meħlus mill-jasar tal-Eġittu: “Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru”.

Mose’ kien jistħoqqlu l-fiduċja tal-poplu? Dażgur, għax Alla wera li kien tassew miegħu permezz ta’ ħafna sinjali u għeġubijiet. Għalhekk il-poplu tal-Antik u tal-Ġdid Testment baqa’ sallum jgħożż f’moħħu l-kliem għażiż: “Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik illum; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom” (Dewt 6:4-7).

Għaliex għandna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha? Għax għandna nobduh? Għaliex kif qalilna San Ġwann l-appostlu Alla huwa mħabba, u għalkemm jista’ kollox, fl-aħħar mill-aħħar ma’ jistax ħlief iħobb, u għalhekk jikkmandana li nħobbu lilu u lil xulxin, għax aħna xbiha tiegħu.

It-tieni misterju hu t-Trinità Qaddisa, jiġifieri li f’Alla hemm tlett persuni li aħna nafhuhom b’ismijiet umani. Allura ngħidu li l-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu hu Alla, iżda ma nqimux tliet Allat, imma Alla wieħed.

Kif nafuh dan? Għaliex Ġesù, l-Iben t’Alla li sar bniedem, għarrafulna. B’moħħna biss ma stajna qatt insiru nafuh dan il-misterju. Diversi drabi fl-evanġelji Ġesù tkellem dwar il-Missier u dwar l-Ispirtu u li huma ħaġa waħda. Fl-aħħar diskors tiegħu qabel il-passjoni Ġesù qal lill-appostli li kienu kielu l-Aħħar Ċena miegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Din il-wegħda tinkludi wkoll lill-Ispirtu li Ġesù kien għadu kif wegħedhom li jibgħathilhom mingħand il-Missier. 

Tajjeb niftakru li meta Ġesu’ tkellem dwar il-persuni tat-Trinità, billi jaf li m’aħniex kapaċi nifhmu dan il-misterju, uża xbiha li aħna lkoll nifhmu u għandna l-esperjenza tagħha. Din ix-xbiha hi l-familja, li hi l-akbar għaqda ta’ mħabba li aħna, ta’ bnedmin li ahna, kapaċi nimmaġinaw. Billi l-familja hi magħmula minn bnedmin, allura mhix perfetta. Għalhekk San Pawl wissiena: ”Bħalissa naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ (1 Kor 13,12). Għalissa ma nifhmux, iżda nistgħu nemmnu dak li għallimna Ġesu’.

Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna dak li fakkarna l-evanġelju li qrajna llum : “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Dawn huma l-aħħar kelmiet ta’ Ġesù meta bagħat lill-appostli bħala missjunarji mad-dinja kollha.

L-aħħar ħaġa li rrid insemmi hi li quddiem il-misterju tat-Trinità jistgħu jiġuna xi dubji, mhux għax ma nemmnux kliem Kristu jew it-tagħlim tal-Appostli kif twassalulna l-Knisja llum, iżda għax aħna bnedmin u jekk jiġuna dubbji, nistaqsu, u jekk nistaqsu, nitgħallmu.

Fit-tieni qari San Pawl qallilna: ”Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”.

Mela, meta nimmeditaw il-misterju tat-Trinita’ ejjew nirringrazzjaw u nifirħu, għax għalkemm ma nifhmuhx, nemmnu li dħalna f’din il-Familja Qaddisa u li aħna wlied maħbuba ta’ Alla anke jekk xi drabi jew sikwit nidinbu. Jekk nitolbuh, jaħfrilna dejjem. Ma jistax jagħmel mod ieħor, għax Alla hu kollu kemm hu mħabba, imħabba perfetta u bla qjies.

 

No comments:

Post a Comment