Meta rġajna bdejna ż-żmien liturġiku li nsejħulu
ta’ Matul is-Sena, il-Knisja stednitna biex fl-ewwel Ħadd niċċelebraw il-festa
tat-Trinità. Hekk infakkru lilna nfusna li s-salvazzjoni tagħna hi kollha kemm
hi ħidma ta’ Alla l-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, li għalkemm kull
waħda minn dan il-Persuni hi Alla, m’humiex tliet Allat iżda Alla wieħed.
Dan hu l-misterju li qed niċċelebraw illum. Ma
nifhmuhx, għax moħħna ma jwassalx daqshekk. Iżda l-intelliġenza tagħna tgħidilna
li jekk ħaġa ma nifhmuhiex, nistgħu nemmnu lil dak li jgħidhielna, jekk
jistħoqqlu l-fiduċja tagħna.
Fil-misterju tat-Trinità fil-fatt aħna niċċelebraw żewġ misterji.
L-ewwel wieħed hu l-misterju ta’ Alla wieħed. Minn
fost il-popli li kienu jqimu ħafna allat, Alla l-imbierek għażel għalih poplu u
għallmu li għandu jqim u jobdi lilu biss. Fl-ewwel qari smajna lil Mosè li,
mibgħut minn Alla, qal lill-Lhud, poplu digà meħlus mill-jasar tal-Eġittu:
“Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm
fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru”.
Mose’ kien jistħoqqlu l-fiduċja tal-poplu? Dażgur,
għax Alla wera li kien tassew miegħu permezz ta’ ħafna sinjali u għeġubijiet.
Għalhekk il-poplu tal-Antik u tal-Ġdid Testment baqa’ sallum jgħożż f’moħħu
l-kliem għażiż: “Isma', Iżrael: Wieħed hu l-Mulej, il-Mulej Alla tagħna.
Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b'qalbek kollha, b'ruħek kollha u
b'saħħtek kollha. Żomm f'qalbek dawn it-twissijiet li jiena qiegħed nagħtik
illum; għallimhom lil uliedek u kellimhom fuqhom” (Dewt 6:4-7).
Għaliex għandna nħobbu lil Alla b’qalbna kollha?
Għax għandna nobduh? Għaliex kif qalilna San Ġwann l-appostlu Alla huwa mħabba,
u għalkemm jista’ kollox, fl-aħħar mill-aħħar ma’ jistax ħlief iħobb, u
għalhekk jikkmandana li nħobbu lilu u lil xulxin, għax aħna xbiha tiegħu.
It-tieni misterju hu t-Trinità Qaddisa, jiġifieri
li f’Alla hemm tlett persuni li aħna nafhuhom b’ismijiet umani. Allura ngħidu
li l-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu hu Alla, iżda ma nqimux tliet
Allat, imma Alla wieħed.
Kif nafuh dan? Għaliex Ġesù, l-Iben t’Alla li sar
bniedem, għarrafulna. B’moħħna biss ma stajna qatt insiru nafuh dan il-misterju.
Diversi drabi fl-evanġelji Ġesù tkellem dwar il-Missier u dwar l-Ispirtu u li
huma ħaġa waħda. Fl-aħħar diskors tiegħu qabel il-passjoni Ġesù qal lill-appostli
li kienu kielu l-Aħħar Ċena miegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna
niġu u ngħammru għandu”. Din il-wegħda tinkludi
wkoll lill-Ispirtu li Ġesù kien għadu kif wegħedhom li jibgħathilhom mingħand
il-Missier.
Tajjeb
niftakru li meta Ġesu’ tkellem dwar il-persuni tat-Trinità, billi jaf
li m’aħniex kapaċi nifhmu dan il-misterju, uża xbiha li aħna lkoll nifhmu u
għandna l-esperjenza tagħha. Din ix-xbiha hi l-familja, li hi l-akbar għaqda
ta’ mħabba li aħna, ta’ bnedmin li ahna, kapaċi nimmaġinaw. Billi l-familja hi
magħmula minn bnedmin, allura mhix perfetta. Għalhekk San Pawl wissiena: ”Bħalissa
naraw bħallikieku f’mera, imċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imb wiċċ” (1 Kor 13,12).
Għalissa ma nifhmux, iżda nistgħu nemmnu dak li għallimna Ġesu’.
Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna dak li fakkarna
l-evanġelju li qrajna llum : “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.
Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier
u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom
jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Dawn huma l-aħħar
kelmiet ta’ Ġesù meta bagħat lill-appostli bħala missjunarji mad-dinja kollha.
L-aħħar ħaġa li rrid insemmi hi li quddiem il-misterju
tat-Trinità jistgħu jiġuna xi dubji, mhux għax ma nemmnux kliem Kristu jew
it-tagħlim tal-Appostli kif twassalulna l-Knisja llum, iżda għax aħna bnedmin u
jekk jiġuna dubbji, nistaqsu, u jekk nistaqsu, nitgħallmu.
Fit-tieni qari San Pawl qallilna: ”Ħuti, dawk
kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux
l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma
rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu
ngħajtu: “Abbà! Missier!”.
Mela, meta nimmeditaw il-misterju tat-Trinita’
ejjew nirringrazzjaw u nifirħu, għax għalkemm ma nifhmuhx, nemmnu li dħalna
f’din il-Familja Qaddisa u li aħna wlied maħbuba ta’ Alla anke jekk xi drabi
jew sikwit nidinbu. Jekk nitolbuh, jaħfrilna dejjem. Ma jistax jagħmel mod
ieħor, għax Alla hu kollu kemm hu mħabba, imħabba perfetta u bla qjies.