Kieku
kelli nistaqsi jekk aħniex pajjiż ta’ nies ħielsa, żgur li tweġbuni: Da żgur li
aħna nies ħielsa. Pajjiżna kiseb l-indipendenza u sar repubblika. lmma jekk
nistaqsu b'aktar attenzjoni: Aħna li ngħixu fuq din l-art ħelwa veru li aħna
nies ħielsa? It-tweġiba tista' tkun oħra.
Aħna nies
ħielsa daqs kemm nagħarfu lil min se nħallu jmexxina. Jekk se nħallu l-għaqal imexxina, aħna ħielsa. Iżda jekk se nħallu l-pika tmexxina, aħna m'aħniex
ħielsa. Jekk aħna se naħsbu b'rasna, aħna nies ħielsa. Jekk se naħsbu b’ras
ħaddieħor, inħallu lil ħaddieħor jaħseb u aħna nibilgħu, aħna m’aħniex ħielsa,
u forsi qatt ma nkunu.
Il-mistoqsija,
jekk aħna aħniex tassew ħielsa hi mportanti ħafna. Forsi nista' nagħmilha taħt
forma oħra: Lilek, min qed imexxik? Tgħidli: Jien ħieles ma jmexxini ħadd!
Żbaljat:
Jekk int ħaj, xi ħadd qed imexxik. Kif kiteb San Pawl lir-Rumani: “Ma tafux li... ta’ min tobdu tkunu lsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal
għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal
għall-ġustifikazzjoni?" (Aqra Rum 6,15-23)
Jekk
tmexxik il-kilba għall-flus, għall-affarijiet, għax dejjem trid, u jekk moħħok
biex tilħaq, inti mintix ħieles. Jekk int maħkum mill-moda, drawwiet, użanzi u
tradizzjonijiet, int mintix ħieles. Ma rridx inkompli l-lista ta’ 'dnubiet' li jneħħu l-libertà tal-bniedem.
Min-naħa l-oħra, jekk int marbut li tgħix bil-għaqal, ma tistax tagħmel li trid, iżda int bniedem ħieles.
Jekk l-imħabba lejn għajrek jew lejn pajjiżek tmexxik biex tagħmel ċerti għażliet li
ma jħallukx tagħmel li trid, int bniedem ħieles.
Jekk fuqek
hemm il-liġi ta’ Alla, li ma tħallikx tagħmel li trid, u int trid tobdi kemm
tista’ l-liġi t'Alla, int bniedem ħieles.
Jekk
isakkruk il-ħabs minħabba l-ideali għolja tiegħek … int bniedem ħieles, ferm
aktar ħieles minn dawk li joħonquk!
Kemm
għandhom idea ċkejkna tal-libertà dawk li jħossuhom ħielsa għax jistgħu jilbsu li jridu, jmorru fejn iridu, u ma jagħtu rendikont lil ħadd!
Kemm
għandna idea ċkejkna tal-libertà meta ma nbaxxux rasna quddiem min għandu idea
aħjar minn tagħna, quddiem min għandu viżjoni tajba aktar wiesa’ minn tagħna!
Ġesù baxxa
rasu quddiem ir-rieda ta’ Missieru. Mhux biss kien bniedem ħieles imma
kien ħellies ukoll. Jew aħjar: għadu ħieles
u ħellies għal dawk kollha li jingħaqdu miegħu mhux biex jagħmlu li jridu, iżda biex jagħmlu dak li jrid minnhom il-Missier.
Meħud minn Il-Qanpiena fuljett maħruġ mill-Parroċċa ta' Santa Liena, B'kara, ħarġa Nru 239, Frar 2001, p.3
No comments:
Post a Comment