F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent il-liturġija tlaqqagħna ma’ Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert. Nistaqsu: Minn kien Ġwanni?
Niltaqgħu ma’ Ġwanni qabel twelidu fit-Tħabbira tal-Anġlu lil Żakkarija
li kien qed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla. Malli Żakkarija ra l-Anġlu,
tħawwad u beża’, imma l-Anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax Alla semgħa t-talba
tiegħek, u martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.” Din se tkun
għalik ħaġa ta’ ferħ u se jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. “Għax
hu jkun kbir quddiem il-Mulej u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. Hu se jreġġa’ lil ħafna ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom. Hu
ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex ilesti poplu
mħejji sewwa għall-Mulej (Luqa 1, 11-17). Il-ġirien ta’ Żakkarija u Eliżabetta bdew
ixandru ma kullimkien dak li ġara qabel u wara t-twelid ta’ binhom kulħadd
kienu jistaqsi: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”.
L-Evanġelista Ġwanni jgħidilna li Ġwanni l-Battista kien raġel mibgħut
minn Alla. Allura ma ġiex f’ismu, kien messaġġier b’missjoni. Meta l-Lhud ta’
Ġerusalemm bagħtu xi qassisin u Leviti għand Ġwanni biex jistaqsuh, “Int min
int?”, hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.” “Mela min tgħid li
int?” Ġwanni wieġeb bil-kliem tal-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed
jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”
X’qal Ġwanni dwar Ġesù? Messaġġiera min-naħa tal-Fariżej staqsew lil
Ġwanni: “Kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas
il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom, “imma f’nofskom hemm wieħed li
intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jiena
anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.” L-għada Ġwanni ra lil Ġesù
riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu
li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’
Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u
joqgħod fuqu. Dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara
l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’ Dan rajtu
b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.” (Ġw 1,34).
X’qal Ġesù dwar Ġwanni? Darba Ġesù beda jitkellem dwar Ġwanni u staqsa: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert?
Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu
fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva,
ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara,
jiena nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew,
ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U
b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn
żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin
jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. (Mt 11, 7-12)
Jeħtieġ nagħmlu ħilitna biex ngħixu skont kif jitlobna
Ġesù. Il-missjoni tagħna hi l-istess bħal dik ta’ Ġwanni. Jiġifieri, li bħala
nsara nagħtu xhieda dwar Ġesù, li hu l-Iben t’Alla, li hu ħuna u s-salvatur
tagħna. Niftakru dak li qalilna hu, “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd
ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6). Għalhekk xieraq,
u tajjeb għalina li minkejja l-limitazzjonijiet tagħna nagħmlu li nistgħu, bla
ma naqtgħu qalbna, biex ngħixu ta’ veri nsara. Aħna m’aħniex qaddisin, fis-sens
li qatt ma nidinbu, imma tajjeb li nagħmlu bħall-publikan li stqarr li kien
midneb u talab il-ħniena t’Alla. Niftakru dak li qalilna Ġesù, “Ejjew għandi
intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Meta Xmun Pietru qal lil
Ġesù “Warrab minni għax jiena midneb” , Ġesù qallu, “Agħmel kuraġġ, inti
sajjied tal-ħut imma jiena se nagħmlek sajjied tal-bnedmin (cfr 5, 10). Fuq din
il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18). Niftakru li Ġesù qalilna: “Jien
mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema” (Lq 5, 32).