8/09/2025

TIBŻGĦU XEJN

Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem” (Lq 12:32-40).

Ġesù kien qed jgħallem lin-nies biex joqogħdu attenti mill-għadu tagħna x-xitan, li l-ħin kollu jittantana biex nagħmlu dak li jgħidilna u wara li nċedulu, idur kontrina u jagħmel minn kollox biex jaqtgħalna qalbna.  Għalhekk San Pietru jwissina: ‘Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min se jibla’. Iqfulu, sħaħ fil-fidi” (1Pt 5, 8-9) Il-fidi taghna hi l-għaqda ma’ Ġesù, fiduċja sħiħa fih. Illum Ġesù  jinkuraġġina: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!”. Alla għoġbu jagħmilna wliedu u werrieta tiegħu. Nemmnuh dan?

Mhix darba jew tnejn li Ġesù  jgħidilna “Tibżgħu xejn?”. Il-fidi tagħna ħafna drabi hi dgħajfa, imħabbitna wkoll. Iżda l-imħabba ta’ Alla hi soda u ma tispiċċa qatt u anqas il-fiduċja li hu għandu fina, ma tonqos qatt. Jiena nħobb niftakar fl-istqarrija ta’ San Pietru wara li ra l-kwantità ta’ ħut li qabdu wara li kalaw ix-xbiek għas-sajd kif qalilhom Ġesù. Pietru dar fuq Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. It-tweġiba ta’ Ġesù  kienet: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies (Lq 5, 8).

X’jitob minna Ġesù? Li nammettu l-iżbalji tagħna u nindmu. Li nersqu lejh għax qalilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mtaqqlin u jiena nfarraġkom”. Jitlobna nżommu l-imsiebaħ tagħna mixgħula  għax hu jixtieqna li nkunu “dwal għall-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħna u jagħtu glorja lil Missierna li hu fis-smewwiet “ (Mt 5, 16) .

It-tieni qari jpoġġilna lil Abraham u l-martu Sarah bħala eżempju ta’ fidi soda. Abraham “kien iħares ’il quddiem” u telaq jimxi lejn fejn Alla qallu bla ma kien jaf sewwa fejn hu sejjer. Minn-naħa tagħha Sarah “emmnet li fi xjuħitha kellha ssir omm, għax  emmnet li dak li għamlilha l-wegħda kien iżomm kelmtu”.

Inħarsu ‘l quddiem aħna wkoll fejn nixtiequ naslu bħala wlied Alla. Ħafna drabi niddubitaw jekk għandniex fidi biżżejjed biex insalvaw. Jeħtieġ nemmnu li s-salvazzjoni jagħtihielna Ġesù, u mhux il-ħila tagħna. Hu jħobbna b’imħabba bla qies. Niftakru fit-talba li Ġesù għamel waqt l-Aħħar Ċena: “Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-glorja tiegħi. Qed nitlob ukoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom” (Ġw 17, 24 u 20). Jekk dawn il-kliem nemmnuhom tassew, allura nemmnu ukoll dak li rrepetejna fis-salm Responsorjali: “Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu”. Alla għażilna għalih, u ħadd ma jista’ jisraqna minn idejh jekk nibqgħu iggranfati ma’ Ġesù. Hu se jwassalna l-ġenna.  “Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom.” (Mk 11, 24).

8/02/2025

GĦALLIMNA NGĦODDU JIEM ĦAJJITNA

Il-kittieba u l-Fariżej bdew irossu kemm jifilħu lil Ġesù b’mistoqsijiet fuq ħafna ħwejjeġ u jonsbuh biex jaraw jaqbdux xi ħaġa minn fommu. (Lq 11, 35) Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej”, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom. Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf (Lq 12, 1-2) .

Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Ġesù ma riedx min idaħħlu fi kwestjoniet bħal dawn bejn l-aħwa. Ried jgħidilhom: “Għandkom liġijiet u mħallfin, obdu lilhom!”.

Imbagħad Ġesù kompla jgħallem lin-nies u qalilhom: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” U qalilhom parabola li fiha wissihom biex jaħarbu minn kull egoiżmu biex igħixu ħajja li għandha valur quddiem Alla. It-tagħlima hi li wieħed ma għandux jaħseb biss għal-rasu. Irridu nagħtu kas ta’ xulxin.

Jekk wieħed għandu ħafna ġid  irid jistaqsi: “Għandi dan il-ġid kollu ‘X’se nagħmel?” Lid-dixxipli tiegħu Ġesù qalilhom:  “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13, 34-35). Wieħed għandu jagħmel ħiltu  biex iġib ruħu mal-proxxmu kif jixtieq li ħaddieħor iġib ruħu miegħu.

Il-kultura tagħna tgħidilna: “Aħseb għal rasek, u ġemmgħa għall-ġejjieni, ma tafx x’jista’ jiġrilek”. Mhux parir ħażin, anzi! L-iżball isir meta nwarrbu lil Alla minn nofs u nimxu fuq il-prinċipju, “Iġbor għalik ħafna ġid malajr kemm tista’!” Imma x’ifisser dan? Li kulħadd għandu jaqdef għal rasu bla ma jimpurtah minn ħadd u minn xejn. Dan żgur iwassalna biex ninqatgħu għalina weħidna kemm bħala individwi, bħala familji, u bħala pajjiżi. Dan l-egoiżmu joħloq ħafna tbatija, firdiet, ġlied u gwerer.  Huwa dan li qed ngħixu fi żmienna. L-egoiżmu qatt ma jġib il-paċi. L-unika triq li twassal għall-paċi fid-dinja tagħna hu Ġesù li hu t-triq, il-verità u l-ħajja, l-elementi li tant huma neqsin fi żmienna.

Hemm tliet affarijiet li aħna ċerti minnhom, Jiġifieri: li twelidna; li għadna ħajjin; u li xi darba se mmutu u ma nafux meta u ma nafux kif! Anzi hemm ċertezza oħra: Kif qal Ġob: “Għeri ħriġt minn ġuf ommi, għeri nerġa’ mmur hemm. Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej” (Ġob 1, 21). Ħadd ma ġab xejn miegħu meta twieled, u ħadd mhu se jieħu xejn miegħu meta jmut. Kull ma jkun hemm fit-tebut għad isir trab. Mhux qed ngħid dan biex noħloq biża’ u dwejjaq, iżda biex inkunu nies bil-għaqal u nitgħallmu mill-istess ħajja ta’ madwarna. Hemm ħaġa ta’ min iżomm f’moħħu: “Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena; l-iżjed tmenin, jekk inkunu f’saħħitna; u l-biċċa l-kbira taħbit u niket; malajr jgħaddu, u aħna mmorru magħhom. ... Għalhekk, Mulej għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex  ngħixu bil-għaqal” (Salm 89, 10-12).

Tajjeb li nagħmlu tagħna din it-talba li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji: “O Alla, dawn iż-żewġ affarijiet nitolbok, tiċħadhomlix qabel ma mmut: Biegħed minni l-qerq u l-gideb; u tagħtinix la faqar u lanqas għana, iżda agħtini l-ikel li neħtieġ. Għax jekk ikolli bix-xaba’, nista’ niċħdek, u ngħid: “Min hu l-Mulej?”. Jekk niftaqar, nasal biex nisraq u nkasbar ismek” (Prov 30, 9). Ejja nżommu għalina dak li għandna bżonn tassew.